Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2026

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda” (Ef. 4, 4).

Fil-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-Insara1, aħna mistednin nikkonċentraw l-attenzjoni tagħna fuq suġġett partikulari, li nsibuh fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin. Fl-Ittri miktuba minnu mill-ħabs, hu jħeġġeġ l-Insara biex permezz tal-għaqda ta’ bejniethom ikunu xhieda kredibbli tal-fidi tagħhom.

Din hi xhieda mibnija fuq fidi waħda, spirtu wieħed, tama waħda u huwa biss permezz ta’ dan li nistgħu nixhdu għal Kristu.

“Ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda”.

Għal Pawlu, it-tama hi importanti ħafna. X’inhi t-tama u għaliex aħna mistednin biex ngħixuha? Hi bħal rimja, don li għandna dmir inħarsuh u nkabbruh biex jagħti l-frott għall-ġid ta’ kulħadd. “It-tama Nisranija tistedinna nieħdu postna fuq il-quċċata ta’ muntanja, li hu dak il-post fejn il-vokazzjoni tagħna titlob minna li kull ġurnata u kull ħin nibqgħu fidili lejn il-fedeltà ta’ Alla lejna”2.

Il-vokazzjoni tagħna, is-sejħa għalina l-Insara mhijiex biss xi ħaġa li hemm bejn il-bniedem u Alla, imma hi “Is-sejħa tagħna lkoll flimkien”, dik l-għaqda bejn dawk kollha li jimpenjaw ruħhom biex jgħixu l-Vanġelu. Fid-diskorsi u fil-kitbiet ta’ Chiara Lubich sikwit insibu referenzi ċari għall-għaqda, l-aspett speċifiku tal-ispiritwalità tagħha: hi l-frott tal-preżenza ta’ Ġesù fostna. U din il-preżenza hi għajn ta’ ferħ mill-aktar kbir.

“La l-għaqda hi daqshekk importanti għalina l-Insara, mela m’hemm xejn li jmur kontra l-vokazzjoni tagħna daqs meta nonqsu li nħarsuha. Aħna nonqsu mill-unità kull darba li nċedu għat-tentazzjoni, li tfeġġ il-ħin kollu, biex nagħmlu dak li rridu aħna, u nimxu skont il-ġudizzju tagħna, kif jaqblilna jew biex nidhru sbieħ. Hekk inkunu qed ninjoraw, jekk mhux ukoll immaqdru, lill-oħrajn, il-bżonnijiet u d-drittijiet tagħhom”3.

“Ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda”.

Fil-Gwatemala, pajjiż li jinsab fl-Amerika t’Isfel, hemm għaddej djalogu bejn Insara minn Knejjes differenti. Ramiro kitbilna hekk: “Flimkien ma’ grupp ta’ nies minn Knejjes differenti, ħejjejna l-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-Insara. Fil-programm insibu festival artistiku mħejji miż-żgħażagħ, kif ukoll ċelebrazzjonijiet oħra fil-Knejjes tal-post. Il-Konferenza Episkopali Kattolika talbitna nkomplu din l-esperjenza billi nħejju wkoll mument ta’ djalogu ma’ grupp ta’ Isqfijiet Kattoliċi u ma’ Insara ta’ knejjes differenti mill-Amerika kollha. Dan għamilnieh biex niċċelebraw għeluq l-1700 sena mill-Konċilju ta’ Niċea. Lilhinn minn dawn l-attivitajiet, qed nagħmlu esperjenza qawwija tal-għaqda ta’ bejnietna u qed inħossu dik l-imħabba tal-aħwa, ferħ u paċi li din iġġib magħha”.

Patrizia Mazzola
u il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

REFERENZI

1. Din issir fl-emisferu nord kollu mit-18 sal-25 ta’ Jannar u fl-emisferu t’isfel fil-ġimgħa ta’ Pentekoste. It-talb għal din is-sena tħejja minn grupp ekumeniku, immexxi mill-Knisja-Appostolika-Armena.

2. Madeleine Delbrêl, meqjusa bħala waħda mill-personalitajiet spiritwali importanti tas-seklu għoxrin. https://www.pasomv.it/files/bocc/madalein_del_brel_noi_spes.pdf.

3. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja, Lulju 1985, meħuda mill-ktieb Kliem il-Ħajja, ta’ Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma, 2017, pġ. 327.

Photo credit: Pixabay






Il-Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“It-truf kollha tal-art jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna” (Is 52, 10).

Meta l-poplu ta’ Iżrael kellu jitlaq eżiljat lejn il-Babilonja, tilef kollox: l-art, is-sultan u anki t-tempju fejn kien imur iqim lil dak Alla li kien ħarġu mill-art tal-Eġittu. Iżda l-leħen ta’ profeta wassallu aħbar tal-għaġeb: kien wasal iż-żmien li jerġa’ lura lejn daru. Għal darb’oħra, Alla kien ser jidħol bil-qawwa tiegħu biex imexxi lill-Iżraeliti fid-deżert u jwassalhom Ġerusalemm, u l-ġnus kollha tal-art kellhom ikunu xhieda ta’ din il-ġrajja. 

“It-truf kollha tal-art jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”

L-aħbarijiet li nisimgħu llum huma mimlija ġrajjiet li jallarmawna: nies li qed jitilfu x-xogħol, is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità, l-iżjed iż-żgħażagħ, li qed jirriskjaw il-ġejjieni tagħhom minħabba gwerer u faqar kawża ta’ bidliet fil-klima; popli bla art, bla paċi u bla ħelsien. Din ix-xena traġika fuq skala dinjija qed tħallina bla nifs u tpoġġi quddiemna xefaq mudlam.

Min ser isalvana mill-qerda ta’ dak kollu li nemmnu li hu tagħna? Ma jidher li hemm ebda tama. Iżda l-aħbar tal-profeta tgħodd għalina wkoll. 

“It-truf kollha tal-art jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”

Il-kelma tal-profeta turina li Alla jaħdem fl-istorja personali u kollettiva tagħna, u tistedinna niftħu għajnejna biex naraw is-sinjali ta’ dan il-pjan ta’ salvazzjoni. Fil-fatt, il-ħidma t’Alla ġa qed isseħħ permezz tal-ħeġġa edukattiva tal-għalliema, bl-onestà tan-negozjanti, bil-ħidma retta tal-amministraturi, bil-fedeltà bejn tnejn miżżewġin, fit-tgħanniqa ta’ tifel, bil-qalb tenera tal- infermiera, bil-paċenzja tan-nanniet, bil-kuraġġ ta’ rġiel u nisa li jeħduha kontra l-kriminalità b’mod paċifiku, bil-mod kif komunità tkun lesta li tiftaħ il-bibien tagħha. 

“It-truf kollha tal-art jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”

Il-Milied qed joqrob. U meta nħarsu lejn l-innoċenza kbira tat-Tarbija Ġesù, għal darb’oħra nilmħu s-sinjal tal-preżenza mimlija sabar u ħniena t’Alla fl-istorja tal-bniedem, li aħna nistgħu nkunu xhieda tagħha bl-għażliet li nagħmlu biex immorru kontra l-kurrent.

“(…) F’dinja bħal tagħna fejn nisimgħu ħafna dwar gwerer u ġlied, fejn issaltan il-liġi ta’ min hu b’saħħtu, ta’ min moħħu jilħaqlu u m’għandu ebda skruplu, u fejn il-materjaliżmu u l-egoiżmu jidhru li qed jipparalizzaw kollox, it-tweġiba hi l-imħabba tal-proxxmu. Din hi l-mediċina li tista’ tfejjaq lid-dinja tagħna (…). Hi bħal mewġa ta’ sħana divina li tinfirex filwaqt li tippenetra fir-rabtiet bejn persuna u oħra, bejn grupp u ieħor, u bil-mod il-mod iġġib bidla fis-soċjetà”[1].

Dan hu l-mument fejn aħna wkoll nistgħu nibdew il-mixja bħalma għamel il-poplu ta’ Iżrael; hi okkażżjoni f’waqtha biex nagħmlu pass deċiżiv ʹil quddiem lejn dawk kollha – żgħażagħ u anzjani, fqar u immigranti, nies bla xogħol u bla saqaf fuq rashom, morda u ħabsin – li qed jistennew ġest ta’ għożża u qrubija, xhieda li Alla jgħammar fostna bl-imħabba tiegħu li tħalli l-frott.

Jekk irridu nwasslu din l-aħbar ta’ tama, żgur li llum irridu mmorru lil hinn minn dawk il-ħitan li jifirdu pajjiż minn ieħor u li spiss ifissru t-tbatija li ġġib magħha l-gwerra, iżda hemm ukoll firdiet kulturali u eżistenzjali. Barra minn hekk, hemm ukoll is-sehem attiv tal-komunitajiet li toħloq il-midja soċjali, li spiss insibu fihom iż-żgħażagħ u li permezz tagħhom nistgħu negħlbu l-aggressività, is-solitudni u l-emarġinazzjoni. Kif kiteb Henri Boukoulou, poeta mill-Kongo: “(…) Oh, tama divina! Fl-ilfieq iddisprat tar-riħ qed jinkitbu l-ewwel versi tal-isbaħ poeżija ta’ mħabba. U dak li qed nittamaw illum se jseħħ għada![2].

Letizia Magri
il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

[1] C. Lubich, Kelma tal-Ħajja, Mejju 1985, – Kliem ta’ Ħajja, miġbur minn Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma, 2017, pġ. 323-324.

[2] Cf. AA. VV. Poeti Afrikani Anti-Apartheid, vol. 1, Edizzjoni dell’Arco, Milan, 2003.




Il-Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2025

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru”  (Lq 10,33).

Martina kienet qed tivvjaġġa fuq il-metrò f’waħda mill-ibliet il-kbar tal-Ewropa. Il-passiġġieri kienu kollha ffukati fuq il-mowbajl li kellhom f’idejhom. Virtwalment kienu konnessi bejniethom, iżda fil-fatt dawn kienu maqbuda f’nassa ta’ iżolament. U dan wassal lil Martina biex tistaqsi lilha nnifisha: “M’għadx għandna l-ħila nħarsu f’għajnejn xulxin?”.

Din l-esperjenza hi komuni ħafna, speċjalment f’soċjetajiet fejn hemm ħafna ġid materjali u fejn il-faqar tar-rabtiet bejn il-bnedmin qiegħed dejjem jiżdied. Iżda l-Vanġelu hu dejjem hemm, lest li joffri proposta oriġinali u kreattiva li hi kapaċi “ġġedded kollox” (1).

Fid-diskursata fit-tul li l-għaref tal-Liġi kellu ma’ Ġesù, dan staqsieh x’kellu jagħmel biex jiret il-ħajja ta’ dejjem (2), u Ġesù wieġbu bil-parabbola famuża tas-Samaritan it-tajjeb: Qassis u Levita, tnejn min-nies rispettati ħafna fis-soċjetà ta’ dak iż-żmien, raw raġel mal-ġenb tat-triq li kienu attakkawh il-ħallelin; iżda dawn għaddew minn ħdejh u baqgħu sejrin.

Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru.

Ġesù pproponielu mudell lill-għaref tal-Liġi, li kien jaf sew x’jgħid il-kmandament tal-imħabba lejn il-proxxmu (3). Tah bħala mudell lil wieħed raġel barrani, li kien meqjus bħala għadu. Meta dan il-barrani ra lir-raġel ferut, tħassru, tqanqlet fih il-ħniena, sentiment li jitwieled fil-qalb tal-bniedem, u flok ma kompla l-vjaġġ li kien qed jagħmel, resaq lejn dan il-ferut u ħa ħsiebu.

Ġesù jaf li l-bniedem hu miġruħ bid-dnub. Propju għalhekk il-missjoni tiegħu hi li jfejjaq il-qlub tal-bnedmin bil-ħniena u l-maħfra li Alla jagħti b’ġenerożità kbira. B’hekk dawn il-qlub ikunu kapaċi jgħixu qrib tal-oħrajn u jaqsmu magħhom ir-realta’ tal-ħajja.

“(…) Jekk irridu nitgħallmu nħennu bħalma jagħmel il-Missier, jekk irridu nkunu perfetti bħalu, jeħtieġ inħarsu lejn Ġesù, li jurina l-milja tal-imħabba tal-Missier. (…) L-imħabba għandha valur kbir li jagħti sens lil kollox (…); l-imħabba tesprimi ruħha bl-ogħla mod fil-ħniena. Ħniena li tgħinna nħarsu b’għajnejn ġodda lejn dawk li ngħixu magħhom kuljum fil-familja, fl-iskola, fuq ix-xogħol … bla ma niftakru fid-difetti u l-iżbalji tagħhom; bla ma niġġudikaw, imma billi naħfru lil min ikun għamlilna d-deni; anzi billi ninsew”(4).

Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru.

Fl-aħħar tat-tweġiba li Ġesu’ ta lill-għaraf tal-Liġi, insibu stedina ċara li titlob minna deċiżjoni: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”(5). Ġesu’ jtenni din l-istess stedina lil dawk kollha li jilqgħu l-Kelma tiegħu. Hu jistedinna nersqu qrib tal-oħrajn u nkunu lesti “mmissu” il-ġrieħi ta’ dawk li niltaqgħu magħhom kuljum fit-toroq tal-ħajja. U jekk irridu nkunu qrib tal-oħrajn kif jitlob minna l-Vanġelu, jeħtieġ l-ewwelnett nitolbu lil Ġesù jfejjaqna mill-għama tal-preġudizzji u tal-indifferenza li ma tħalliniex naraw lil hinn minna nfusna. Imbagħad, is-Samaritan jgħallimna li jrid ikollna l-ħila ngħixu dik il-ħniena li lilu qanqlitu saħansitra biex jirriskja ħajtu stess. Ejjew nagħmlu bħalu: ejjew inkunu lesti li nagħmlu l-ewwel pass lejn il-persuna l-oħra, li nkunu lesti li nisimgħuha u nieħdu fuqna t-tbatija tagħha, ħielsa mill-ġudizzji u bla ma ninkwetaw li “qed naħlu l-ħin”.

Din kienet l-esperjenza li għamlet tfajla Koreana: “Ippruvajt ngħin tfajla oħra iżgħar minni li ma kenitx tal-istess kultura tiegħi u li ma tantx kont nafha. Għalkemm ma tantx kont naf x’ser naqbad nagħmel, għamilt il-kuraġġ u ppruvajt. Bqajt milquta meta ndunajt li waqt li kont qed noffri l-għajnuna tiegħi, bdejt inħossni qed infieq mill-ġrieħi li kelli fija jien”.

Din il-Kelma tal-Ħajja toffrilna ċavetta tad-deheb biex ngħixu l-ħajja ta’ Nsara: twassalna biex nagħrfu li aħna lkoll bnedmin, li fina hemm ix-xbieha t’Alla, u tgħallimna negħlbu b’kuraġġ dawn il-limiti kollha li jifirduna minn xulxin. Jekk nagħrfu dan u ngħixuh, inkunu nistgħu inwessgħu ħarsitna minn fuq “aħna” għal fuq “kulħadd”, u niskopru mill-ġdid li aħna familja waħda.

Letizia Magri
u l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

 

1: Ara Ap 21,5.
2: Ara. Lq 10, 25-37.
3: Dt 6,5; Lv 19,18.
4: C. Lubich, Kelma tal-Ħajja Ġunju 2002, (Parole di Vita, a cura di Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Roma, 2017, pġ. 659
5: Lq, 10.37




Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 2025

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Agħtuhom intom x’jieklu” (Lq 9, 13).

Ninsabu f’post ftit ʹil barra minn Betsajda, fil-Galilija, fejn Ġesù kien qed ikellem lil ġemgħa kbira ta’ nies fuq is-Saltna t’Alla. L-Imgħallem kien mar hemmhekk mal-appostli biex jistrieħu wara l-missjoni twila li kellhom f’dawk l-inħawi, fejn huma ppridkaw il-konverżjoni: “Ħarġu, mela, u bdew iduru l-irħula jxandru l-Bxara t-tajba u jfejqu l-morda kullimkien”1. Għajjenin kif kienu, imma b’qalbhom mimlija, bdew jirrakkontaw l-esperjenza tagħhom.

Meta n-nies saret taf li Ġesù u d-dixxipli kienu qegħdin hemm, bdiet tinġabar madwarhom. Ġesù laqa’ ʹl kulħadd: beda jisma’, jitkellem u jfejjaq. Sadattant il-folla bdiet tiżdied, kien riesaq il-lejl u l-ġuħ beda jagħmel ġmielu. L-appostli bdew jinkwetaw u lill-Imgħallem tawh soluzzjoni li kienet tagħmel sens: “Ibgħathom in-nies, ħa jmorru fl-irħula u fl-irziezet tal-qrib, biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa”. Wara kollox, Ġesù kien ġa għamel ħafna… Imma hu weġibhom:

“Agħtuhom intom x’jieklu.”

Baqgħu mistagħġba għax kif setgħu jitimgħu lil dawk l-eluf kollha ta’ nies b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet! Ma kienx possibbli li f’dawk l-inħawi ta’ Betsajda jsibu l-ikel kollu meħtieġ u lanqas kellhom il-flus biex jixtruh.

Ġesù ried jiftħilhom għajnejhom. Lilu kienu jinteressawh il-bżonnijiet u l-problemi tan-nies, u hu kien jara kif jagħmel biex isolvihom. Beda b’dak li kellhom f’idejhom, li kien ftit wisq. Imma ried isejħilhom għal missjoni: li jkunu għodda f’idejn il-ħniena ta’ Alla li jieħu ħsieb uliedu. Il-Missier jagħmel il-parti tiegħu, imma “għandu bżonnhom”.

Il-miraklu “jeħtieġ” li aħna nagħmlu l-parti tagħna u nemmnu, il-bqija jagħmlu hu.

“Agħtuhom intom x’jieklu.”

Għall-oġġezzjoni tal-appostli Ġesù ta l-għajnuna tiegħu, imma talabhom jagħmlu l-parti sħiħa tagħhom, anki jekk din kienet ċkejkna. Ma solviex il-problema minflokhom, iżda l-miraklu seħħ. Talabhom jagħtu s-sehem tagħhom b’mod sħiħ u dak li kien hemm tqassam bejn kulħadd. Dan kien jitlob sagrifiċċju u fiduċja fih.

L-imgħallem jitlaq minn dak li ngħaddu minnu biex jgħallimna nieħdu ħsieb xulxin. Quddiem il-bżonnijiet ta’ ħutna m’għandniex għax inġibu skużi: “din mhix biċċa tagħna”, “jien ma nista’ nagħmel xejn”, “iridu jaraw kif se jsibu soluzzjoni, kif jagħmel kulħadd…”. Fis-soċjetà skont il-ħsieb ta’ Alla, huma mberkin dawk li jitimgħu lil min hu bil-ġuħ, li jlibbsu ʹl-foqra, li jżuru lil min jinsab fil-bżonn.2

“Agħtuhom intom x’jieklu.”

Ir-rakkont ta’ din il-ġrajja jfakkarna fit-tixbiha tal-ikla li jirrakkonta dwarha l-ktieb ta’ Isaija, u li Alla stess joffri lill-ġnus kollha, meta hu “jixxotta… d-dmugħ minn fuq kull wiċċ” 3.Ġesù qalilhom biex joqogħdu bilqiegħda ħamsin ħamsin. Bħala Iben, hu jġib ruħu bħall-Missier, u b’hekk jidher biċ-ċar li hu tassew Alla.

Hu stess tana kollox, sar ikel għalina, fl-Ewkaristija, l-ikla ġdida tal-aħwa.

Meta raw il-ħafna bżonnijiet li kien hemm waqt il-pandemija tal-covid-19, il-komunità tal-Fokolari ta’ Barċellona, waqqfu grupp li fih bdew jgħarrfu lil xulxin bil-bżonnijiet li kellhom permezz tal-mezzi soċjali. Bdew jaqsmu bejniethom minn dak li kellhom. Kienet impressjonanti tara kif bdew jagħtu għamara, ikel, mediċini… “Waħedna ftit nistgħu nagħmlu”, imma “flimkien nistgħu nagħmlu ħafna”. Il-grupp “Fent família” għadu sal-lum jgħin biex iseħħ dak li kien isir fl-ewwel komunitajiet insara, fejn ħadd ma kien jonqsu xejn 4.

Silvano Malini
u l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

 

1: Lq 9, 6
2: Ara Mt 25, 35-40
3: Is 25, 8
4: Ara At 4, 34





Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2025

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok” (Ġw 21, 17).

L-aħħar kapitlu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann jeħodna lejn il-Galilija, fejn wara l-mewt ta’ Ġesù, Pietru, Ġwanni u d-dixxipli l-oħra kienu reġgħu lura għax-xogħol tagħhom ta’ sajjieda. Wara lejl jistagħdu fl-għadira ta’ Tiberija, dakinhar sfortunatament ma kienu qabdu xejn.

Ġesù mqajjem mill-mewt reġa’ dehrilhom hemmhekk; ħeġġiġhom biex jerġgħu jkalaw ix-xbiek fil-baħar, u din id-darba qabdu ħafna ħut. Imbagħad stedinhom biex jieklu xi ħaġa flimkien fuq ix-xatt. Pietru u l-oħrajn għarfu li kien il-Mulej, imma ma kellhom il-ħila jgħidulu xejn.

Ġesù ħa l-inizzjattiva, dar fuq Pietru u għamillu mistoqsija impenjattiva ħafna: “Xmun, bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?”. Kien mument mill-aktar solenni: Ġesù sejjaħ lil Pietru1 u għal tliet darbiet talbu jirgħa l-ħrief tiegħu, li hu stess hu r-Ragħaj2 tagħhom.

“Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok”.

Pietru jaf li kien ċaħad lil Ġesù, imma din l-esperjenza iebsa ma ħallitux iwieġeb iva għall-mistoqsija li għamillu. B’umiltà wieġbu: “Inti taf li nħobbok”.

Kemm damu jitkellmu, Ġesù la semma’ ċ-ċaħda u lanqas l-iżball li Pietru kien għamel. Kellmu b’mod li seta’ jifhmu, u ried jurih ħbiberija li tmiss lil qalbu u tfejjaq il-ġerħa li kellu. Hu talbu biss rabta ta’ fiduċja sħiħa.

Minn fomm Pietru toħroġ stqarrija li fiha jammetti li hu dgħajjef, imma fl-istess ħin juri fiduċja bla tarf fl-imħabba tal-Imgħallem u l-Mulej:

“Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.”

Ġesù jagħmel l-istess mistoqsija lilna wkoll: inti tħobbni? Trid insiru ħbieb?

Hu jaf kollox: jaf bid-doni li tana huwa stess; jaf ukoll in-nuqqas ta’ ħila u l-ġrieħi tagħna, li xi drabi jnixxu d-demm. Madankollu, hu jġedded il-fiduċja tiegħu, mhux fil-ħila tagħna imma fil-ħbiberija miegħu.

F’din il-ħbiberija, Pietru jerġa’ jsib il-kuraġġ li jagħti xhieda għal Ġesù, sa ma ħalla ħajtu għalih.

“Jiġrilna li xi drabi nħossuna dgħajfa, frustrati, u nibdew naqtgħu qalbna: (…) meta naraw kollox ġej kontrina, meta ngħaddu minn sitwazzjonijiet ta’ tbatija, mard, mwiet, provi spiritwali, nuqqas ta’ ftehim, tentazzjonijiet, fallimenti (…) Meta nħossu li m’aħniex kapaċi negħlbu ċerti provi li jkunu qed ikissruna fir-ruħ u fil-ġisem, u meta nagħrfu li ma nistgħux inserrħu fuq il-ħila tagħna, propju hemmhekk insibu ruħna fis-sitwazzjoni li rridu nafdaw biss f’Alla. U hawn jidħol hu meta jara din il-fiduċja tagħna fih. U hu jagħmel ħwejjeġ kbar, li jkunu jidhru akbar propju għax ikunu ħerġin miċ-ċokon tagħna” 3.Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum nistgħu npoġġu ruħna quddiem Alla kif aħna u nitolbu l-ħbiberija tiegħu, li tfejjaqna. Meta nintelqu b’fiduċja sħiħa fil-ħniena tiegħu, aħna nkunu nistgħu nidħlu f’relazzjoni intima mal-Mulej u nkomplu mixjin fit-triq tagħna miegħu.

“Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.”

Din il-Kelma tal-ħajja tista’ wkoll issir it-talba personali tagħna, it-tweġiba tagħna li biha nintelqu għal kollox f’Alla bil-ftit forzi tagħna, u nirringrazzjawh għas-sinjali li tagħtina mħabbtu:

“(…) Inħobbok, għax inti dħalt f’ħajti iżjed mill-arja fil-pulmuni tiegħi, iżjed mid-demm li għandi jiġri fil-vini tiegħi. Inti dħalt fejn ħadd ma kellu l-ħila jidħol, meta ħadd ma seta’ jgħinni, kull darba li ħadd ma seta’ jfarraġni. (…) Agħmel li matul iż-żmien li għad fadalli ngħix, inkun xi ftit aktar grata lejk, għal din l-imħabba li inti xerridt fuqi, u li ġegħlitni ngħidlek: InħobboK” 4.

Nistgħu nitgħallmu kif iħobb Ġesù, anki fir-relazzjonijiet tagħna fil-familja, fis-soċjetà u fil-knisja: inħobbu ʹl kulħadd, inkunu aħna li nħobbu l-ewwel, “naħslu saqajn”5 ħutna, l-aktar ta’ dawk li huma ċkejknin u dgħajfin. Imbagħad nitgħallmu wkoll nilqgħu ʹl kulħadd b’umiltà u sabar, bla ma

niġġudikaw, lesti li nitolbu l-maħfra u li nilqgħu l-maħfra, biex hekk nifhmu flimkien kif irridu nimxu qrib xulxin f’ħajjitna.

Letizia Magri
u l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

1: Ara Mt 16, 18-19
2: Ġw 10, 14
3: C. Lubich, Kelma tal-Ħajja Lulju 2000, mill-ktieb, Kliem il-Ħajja, ta’ di Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Roma, 2017, pġ. 629
4: Gratitudine, C. Lubich, La dottrina spirituale, Mondadori 2001, pġ. 176
5: Ara Ġw 13, 14.




Kelma tal-Ħajja ta’ April 2025

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?” (Is 43, 19).

L-eżilju fil-Babilonja u l-qerda tat-tempju ta’ Ġerusalemm kienu trawma għall-poplu  Lhudi, li beda jsaqsi: Alla għadu magħna jew telaqna għal riħna? Din is-silta, Isaija kitibha biex  jgħin lill-poplu Lhudi jifhem dak li Alla kien qed jagħmel, ħalli jintelaq f’idejh u b’hekk ikun  jista` jerġa` lura lejn artu. Kien propju fl-esperjenza tal-eżilju li deher wiċċ Alla ħallieq u feddej.

“Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?”.

Isaija jfakkar fl-imħabba fidila ta’ Alla għal ġensu. Hu baqa’ dejjem fidil mal-poplu  tiegħu anki fiż-żmien iebes tal-eżilju. U anki jekk il-wegħdiet li għamel lil Abram dehru  bħallikieku ma setgħux iseħħu u l-Patt tal-Alleanza deher fi kriżi, il-poplu ta’ Iżrael baqa’ l-post  privileġġjat fejn kienet tinsab il-preżenza ta’ Alla fl-Istorja.

Dan il-ktieb profetiku jittratta mistoqsijiet fundamentali dwar il-ħajja li ma jgħoddux  biss għal dawk iż-żminijiet: għax min għandu f’idejh il-ġrajjiet u t-tifsira tal-Istorja? Kull wieħed  u waħda minna jista’ jagħmel din il-mistoqsija: min għandu f’idu d-destin ta’ ħajti? X’sens fih  dak li qed ngħix jew dak li ġa għext?

“Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?”.

Alla jaħdem il-ħin kollu fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna u jagħmel “affarijiet  ġodda”. Jekk ma nindunawx jew ma nifhmux kemm tfisser u tiswa din il-ħidma tiegħu, dan jiġri  għax dawn “l-affarijiet ġodda” jkunu għadhom fil-bidu tagħhom, jew inkella għax aħna ma  nkunux lesti nagħrfu dak li Alla jkun qed jagħmel. Jista’ jkun li tant inkunu aljenati b’dak li jkun  qed jiġri madwarna, u tant aħna meħuda bl-inkwiet u l-ħsibijiet tagħna, li ma niqfux biżżejjed  biex nosservaw dak il-ġdid li jkun qed jinbet. Dan jiżgurana li Alla jinsab magħna, li hu qatt ma  jitlaqna għal riħna u joħloq u jerġa’ joħloq mill-ġdid lil ħajjitna.

“Din il-‘ħaġa ġdida’, dan il-‘ħolqien ġdid’ li ġej minn Alla huwa aħna. […] M’għandniex  għalfejn inħarsu lura u jiddispjaċina għall-affarijiet sbieħ tal-imgħoddi, jew inkella nibku l-iżbalji li għamilna. Jeħtieġ nemmnu bil-qawwa kollha fil-ħidma ta’ Alla li jista’ jkompli jagħmel  affarijiet ġodda”1.

“Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?”.

Flimkien ma’ dawk kollha li qed jagħmlu magħna l-mixja tal-ħajja, mal-komunità  tagħna, mal-ħbieb, ma’ sħabna tax-xogħol, ejjew nippruvaw naħdmu u naraw x’nistgħu  nagħmlu bla ma naqtgħu qalbna li l-affarijiet jistgħu jinbidlu għall-aħjar.

Is-sena 2025 hi waħda speċjali għax l-Għid tal-Knisja Ortodossa se jaħbat fl-istess data  ta’ Knejjes Insara oħra. J’Alla li permezz ta’ din il-ġrajja tal-festa tal-Għid il-Knejjes Insara  jkomplu jagħtu xhieda tar-rieda tagħhom li jiddjalogaw bla waqfien u jaħdmu flimkien biex  iwieġbu għall-isfidi li l-bnedmin qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

Mela ejjew inħejju ruħna għal dan iż-żmien tal-Għid mimli ferħ, fidi u tama. Hekk kif  Kristu qam mill-mewt, aħna wkoll, wara li nkunu għaddejna minn mumenti diffiċli ta’ ħajjitna, ejjew nintelqu f’idejn Dak li jmexxi l-Istorja u l-ħajja tagħna.

 

Kitba ta’ Patrizia Mazzola
u il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

 

1. C. Lubich, Parola di Vita di marzo 2004, in eadem, Parole di Vita, a cura di Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich  5; Città Nuova, Roma 2017) pp. 715-716

 




Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2025

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?” (Lq 6, 41).

Kif niżel minn fuq l-għolja, wara li għadda l-lejl jitlob, Ġesù għażel it-tnax-il appostlu.  Imbagħad waqaf fil-wita u għamlilhom diskors twil li jibda bil-Beatitudnijiet.

Fil-Vanġelu ta’ Luqa, li hu differenti minn dak ta’ Mattew, insibu li l-beatitudnijiet huma  erbgħa. Dawn jitkellmu dwar min hu fqir, min hu bil-ġuħ, imġarrab u dak imwarrab u  ppersegwitat. Ma’ dawn insibu twissijiet lill-għonja, lill-imxebbgħin u lil dawk li jidħku1. Dan  jurina l-imħabba kbira ta’ Alla għal dawk li huma fl-aħħar postijiet tas-soċjetà, u li Ġesù  għamilha l-missjoni tiegħu meta fis-sinagoga ta’ Nażaret2 stqarr li hu kien mimli bl-Ispirtu tal Mulej u ried iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u lill-maħqurin.

Fid-diskors tiegħu lid-dixxipli, Ġesù jkompli jħeġġiġhom biex iħobbu saħansitra lill-għedewwa3, għax hekk iġib ruħu magħna il-Missier tagħna tas-Sema: “Ħennu, bħalma hu  ħanin Missierkom” (Lq 6, 36).

Dan il-kliem jippreparana wkoll għal dak li qalilhom aktar ʹil quddiem: “Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra” (Lq 6, 37).

Imbagħad Ġesù jwiddibna b’tixbiha li tidher xi ftit esaġerata:

“Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?”

Ġesù jaf tassew x’hemm f’qalbna. Kemm-il darba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ngħaddu minn esperjenza ta’ dieqa: nikkritikaw, anki b’mod aħrax, l-iżbalji jew nuqqasijiet ta’ ħutna bla  ma nindunaw li qed nagħmlu xi ħaġa li Alla biss jista’ jagħmilha. Jekk irridu nneħħu t-“travu”  minn għajnejna, jeħtieġ li nħallu tikber fina l-umiltà li biha nagħrfu li aħna midinbin u li  neħtieġu l-maħfra t’Alla l-ħin kollu. L-ewwel ma trid tagħmel hu li bil-kuraġġ kollu tinduna bit- “travu” li hemm f’għajnek, ħalli tkun tista’ tikkonverti u tasal biex tifhem in-nuqqasijiet tiegħek u ta’ l-oħrajn bla ma tiġġudika u tkabbar l-affarijiet tal-oħrajn.

Madankollu, Ġesù mhux qed jgħidilna biex nagħlqu għajnejna u nħallu kollox għaddej.  Hu jrid li dawk li jimxu warajh jgħinu ʹl xulxin biex jimxu ʹl quddiem fit-triq ta’ ħajja ġdida. Anki  l-appostlu Pawlu jinsisti li rridu nagħtu każ u ngħinu lill-oħrajn: nikkoreġu lil dawk li ma jridux  jobdu, inwiddbu lill-għażżenin, nagħmlu l-qalb lill-beżżiegħa, ngħinu lid-dgħajfa u nistabru  b’kulħadd4. L-imħabba biss tagħtina l-ħila inkunu ta’ servizz b’dan il-mod.

“Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?”

Issa kif se ngħixuha din il-Kelma tal-Ħajja? Barra minn dak li diġà semmejna, ikun tajjeb jekk nibdew minn dan iż-żmien tar- Randan stess nitolbu ʹl Ġesù jgħallimna naraw lill-oħrajn kif jarahom hu, kif jarahom Alla, għax  hu jħares lejna b’ħarsa kollha mħabba. Imbagħad, biex inkunu ta’ għajnuna għal xulxin, nistgħu  nibdew nagħmlu dak li kienu jagħmlu l-ewwel grupp ta’ tfajliet tal-Fokolari ta’ Trento.

F’laqgħa ma’ Musulmani ħbieb tal-Moviment, Chiara qalet hekk: “Fil-bidu ma kienx  dejjem faċli li ngħixu l-imħabba b’mod profond. […] Anki fir-rabtiet ta’ bejnietna kien ikun  hemm xi ftit għabra, u b’hekk l-għaqda kienet tixxellef. Per eżempju, dan kien jiġri meta konna  nindunaw bid-difetti ta’ xulxin u nibdew niġġudikaw. B’hekk, l-imħabba ta’ bejnietna kienet  tiddgħajjef.

Darba minnhom ġie f’moħħna li nagħmlu patt bejnietna biex inkunu nistgħu  negħlbu din is-sitwazzjoni. Dan il-patt sejjaħnielu ‘patt tal-ħniena’. Iddeċidejna li kull  filgħodu, nibdew naraw b’mod ġdid lil kull persuna li niltaqgħu magħha fid-dar, fl-iskola,  fuq il-post tax-xogħol eċċ, li nibdew inħarsu lejha b’dik l-imħabba li tgħatti kollox u ma  tiftakar xejn mid-difetti tagħha. […] Dan kien impenn tassew b’saħħtu, li ħadnieh flimkien,  u għinna biex inkunu aħna l-ewwel li nħobbu u biex nimitaw lil Alla mimli ħniena, li jaħfer  u jinsa”5.

Kitba ta’ Augusto Parody Reyes
u tal-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

1: Cf. Lq 6, 20-26
2: Cf. Lq 4, 16-21
3: Cf. Lq 6, 27-35
4: Cf. 1 Tess 5, 14
5: C. Lubich, L’amore al prossimo, Conversazione con gli amici musulmani, Castel Gandolfo, 1° novembre 2002. Cf.  C. Lubich, L’Amore reciproco, Città Nuova, Roma 2013, pp. 89-90.




Kelma tal-Ħajja ta’ Frar

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh” (1 Tess 5, 21).

Il-Kelma tal-Ħajja ta’ dan ix-xahar hi meħuda minn sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet tal-aħħar li l-Appostlu San Pawl għamel lill-komunità tat-Tessalonkin: “Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profeziji. Ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh, u fuq kollox warrbu kull xorta ta’ ħażen”[3]. F’dan il-kliem għandna profezija u dixxerniment, djalogu u smigħ. Dawn kienu l-pariri li l-appostlu ta lill-komunità li kienet għadha kif bdiet il-mixja tagħha tal-fidi.

Fost il-ħafna doni tal-Ispirtu, Pawlu kellu ħafna għal qalbu d-don tal-profezija[4]. Il-profeta mhuwiex dak li jgħid x’se jseħħ fil-futur, imma hu dak li jkollu d-don li jara u jifhem l-istorja personali u kollettiva kif jaraha Alla.

Imma d-doni kollha huma mmexxija mill-akbar don, l-imħabba, l-imħabba ta’ bejn l-aħwa[5]. Santu Wistin jgħid li bl-imħabba biss ikollna l-ħila nifhmu x’għandna nagħmlu fis-sitwazzjonijiet li nsibu ruħna fihom[6].

“Ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh.”

Jeħtiġilna naslu biex inħarsu mhux biss lejn id-doni personali, imma wkoll lejn il-ħafna ħiliet u modi differenti ta’ kif jaħsbuha dawk li jkunu qrib tagħna u li magħhom nitkellmu, anki forsi dawk li niltaqgħu magħhom b’kumbinazzjoni. Importanti ħafna hi li nkunu onesti ma’ kulħadd, u nagħrfu sew il-limiti tal-opinjonijiet tagħna.

Din il-Kelma tal-ħajja tista’ tgħinna f’kull sitwazzjoni ta’ djalogu u konfront. Tisma’ lill-oħrajn ma jfissirx li bilfors taqbel ma’ dak kollu li jgħidu, imma tagħraf li jista’ jkun hemm xi ħaġa tajba f’dak li jgħidu, u hekk moħħna u qalbna jinfetħu. Bl-imħabba rridu nagħmlu l-vojt fina u b’hekk inkunu nistgħu nibnu xi ħaġa flimkien.

“Ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh.”

Patri Timothy Radcliffe, wieħed mit-teoloġi li kien fis-Sinodu tal-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika, stqarr li “l-aktar ħaġa kuraġġuża li nistgħu nagħmlu f’dan is-Sinodu hi li nkunu sinċiera bejnietna fejn jidħlu d-dubji u l-mistoqsijiet tagħna li ma jkollniex risposti ċari għalihom. Għalhekk irridu nersqu lejn xulxin bħala sieħba li qed ifittxu, bħala tallaba tal-verità[7].

F’taħdita ma’ xi fokolarini, Margaret Karram għamlet dan il-kumment dwar din ir-riflessjoni: “Jiena u naħseb ftit, indunajt li ħafna drabi ma kellix il-kuraġġ ngħid dak li verament kont qed naħseb: forsi għax bżajt li ma jifhmunix, forsi għax ma ridtx ngħid xi ħaġa għal kollox differenti mill-opinjoni tal-maġġoranza. Fhimt li, biex ‘inkunu tallaba tal-verità’ jfisser li għandu jkollna l-ħila nersqu lejn ħaddieħor, lejn xulxin, għax ilkoll irridu dak li Alla jrid, għax ilkoll flimkien qed infittxu dak li hu tajjeb”[8].

“Ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh.

Din hi l-esperjenza ta’ Antía, li qed tieħu sehem fil-grupp tal-performing arts li jismu Mosaico, li twaqqaf fi Spanja fl-2017 bħala Proġett Lokali tal-Gen Rosso. F’dan il-grupp hemm żgħażagħ Spanjoli li permezz tal-arti u l-workshops tagħhom joffru l-esperjenza ta’ fraternità.

Antía tirrakkonta: “Dawn il-workshops jaqblu mal-valuri tiegħi: dinja li fiha ngħixu ta’ aħwa, fejn kull bniedem (żgħażagħ, persuni bla esperjenza u oħrajn vulnerabbli…) jagħti sehmu f’dan il-proġett. ‘Mosaico’ jġegħilni nemmen li dinja aktar magħquda mhijiex ħolma, minkejja d-diffikultajiet u x-xogħol iebes li rridu nagħmlu. Jien trabbejt naħdem fi grupp, fejn id-djalogu xi drabi jista’ jidher sinċier iżżejjed. Ta’ spiss kien ikolli nċedi l-idejat tiegħi li kont naħseb li kienu l-aħjar. Ir-riżultat hu li “t-tajjeb” jinbena biċċa biċċa lkoll flimkien, minn kull waħda u wieħed minna”[9].

Patrizia Mazzola
u t-team tal-Kelma tal-Ħajja

[1] Ġw 11, 5.

[2] Ġw 11, 27.

[3] 1 Tess 5, 19-22.

[4] Ara Ġwanni Pawlu II, Udjenza Ġenerali, 24.06.1992, n.7.

[5] Ara 1 Kor 13.

[6] Ara Wistin ta’ Ippona, Ep. Jo. 7, 8.

[7] Patri Timothy Radcliffe, Meditazzjoni nru. 3, Ħbiberija, Sinodu tal-Isqfijiet, Sacrofano, 2.10.2023.

[8] Taħdita mal-Fokolarini, Margaret Karram, President tal-Moviment tal-Fokolari, Rocca di Papa, 3.02.2024.

[9] Mosaico GRLP jagħmel parti mill-proġett Qawwija mingħajr vjolenza, li bih inwasslu f’postijiet  ġodda laboratorji multi-dixxiplinarji maż-żgħażagħ matul tlett ijiem. Dan biex jixxandru l-valuri ta’ non-vjolenza, paċi u djalogu permezz tal-arti.





Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2025

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


Temmnu inti dan?” (Ġw 11, 26).

Erbat ijiem wara l-mewt ta’ Lażżru, Ġesù rħielha lejn Betanja. Kif saret taf b’dan, Marta oħt Lażżru, imtliet bit-tama u telqet tiġri biex tiltaqa’ miegħu. Il-Vanġelu jgħid li Ġesù kien iħobb ħafna kemm lilha, kif ukoll lil ħutha Marija u Lażżru[1]. Għalkemm kienet imnikkta għall-aħħar, Marta wriet lil Ġesù li kellha  fiduċja sħiħa fih, ċerta illi kieku kien hemm hu, ħuha ma kienx se jmut. Imma wkoll issa, dak kollu li hu jitlob lil Alla żgur li kien jagħtihulu. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum” (Ġw 11, 23).

“Temmnu inti dan?”

Ġesù fissrilhom li Lażżru kien se jqum dak il-ħin stess, u mhux fl-aħħar jum. Hu qal lil Marta biex temmen fi kliemu, jiġifieri fil-miraklu li jagħmel ma’ kull min jemmen li Hu jista’ jagħtih ħajja ġdida u l-qawmien mill-mewt. Minflok il-kelma miraklu, San Ġwann juża l-kelma: “sinjal”. “Jien hu l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11, 25), stqarr Ġesù. Issa l-fidi li talabha hi rabta personali miegħu, rabta kollha ħeġġa. Li temmen ma jfissirx taċċetta kuntratt li tiffirmah darba u mbagħad ma tħarisx lejh aktar, imma l-fidi hi ġrajja li tibdel u timla ʹl ħajjitna.

“Temmnu inti dan?”

Ġesù jistedinna ngħixu ħajja ġdida kulfejn inkunu. Jistedinna nagħmlu l-esperjenza tagħha kull ġurnata għax nafu li, kif skoprejna fil-Milied, kien hu stess li ġabilna din il-ħajja  meta ġie jgħammar fostna u kien hu li ġie jfittixna l-ewwel. Issa kif se nwieġbu għal din il-mistoqsija? Ejjew inħarsu lejn Marta, oħt Lażżru. Hi u titkellem ma’ Ġesù stqarret il-fidi sħiħa  fih. Kif insibu fl-oriġinal Grieg tal-Vanġelu, il-kliem “jiena nemmen” li qalet hi, ifisser “wasalt biex nemmen”, “nemmen b’fidi sħiħa” li “inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla li ġie fid-dinja”[2]. Din hi konvinzjoni li mmaturat biż-żmien, imsaħħa biċ-ċirkustanzi li ltaqgħet magħhom f’ħajjitha.

Il-Mulej qed idur fuqi u jagħmilli l-istess mistoqsija. Jitlob lili wkoll li jkolli fiduċja sħiħa fih, u fil-mod kif għex hu li kellu mħabba kbira u konkreta lejn kulħadd. Il-perseveranza tgħinni nimmatura fil-fidi tiegħi li tissaħħaħ meta nagħraf kemm hu veru kliem Ġesù li ngħix fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, u li ma jonqosx li juri ruħu fl-imġiba tiegħi mal-oħrajn. Aħna wkoll nitolbu t-talba tal-appostli li għamlu lil Ġesù: “Kattar fina l-fidi” (Lq 17, 6).

“Temmnu inti dan?”

Patricia, omm mill-Amerika t’Isfel tgħid hekk: “Waħda minn uliedi bniet sfat bla xogħol, hi u sħabha kollha għax il-gvern kien għalaq l-aġenzija fejn kienu jaħdmu. Bħala protesta, marru jikkampjaw quddiem il-bini ta’ din l-aġenzija. Jiena fittixt li nkun ta’ għajnuna għalihom u ħadt sehem f’xi attivitajiet tagħhom. Kont neħdilhom x’jieklu u noqgħod nitkellem magħhom.

Nhar il-Ħamis ix-Xirka, numru ta’ qassisin li kienu qed jgħinuhom, iddeċidew li jagħmlu ċelebrazzjoni li fiha offrew ħinijiet ta’ smigħ, ta’ qari tal-Vanġelu u sar il-ħasil tar-riġlejn, b’tifkira ta’ dak li kien għamel Ġesù. Il-maġġoranza ta’ dawk preżenti ma kinux nies ta’ fidi. Madankollu, kien mument ta’ għaqda profonda, ta’ fraternità u tama. Ħassewhom bħallikieku maħbubin u rringrazzjaw lil dawk is-saċerdoti li marru ħdejhom u mxew magħhom f’dan il-mument ta’ inċertezza u tbatija”.

Din il-Kelma ta’ Ġesù ntagħżlet bħala gwida għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-għaqda tal-Insara ta’ din is-sena. Ejjew mela nitolbu u nagħmlu ħilitna kollha biex it-twemmin tagħna jkun mezz biex inkunu lkoll aħwa ta’ xulxin. Din hi x-xewqa ta’ Alla għall-bnedmin, imma jeħtieġ li nagħtu lkoll sehemna. It-talb u l-ħidma tagħna jagħtu l-frott jekk inserrħu fuq din il-fiduċja  tagħna f’Alla u fuq dak kollu li nagħmlu.

 

Silvano Malini u t-team tal-Kelma tal-Ħajja

[1] Ġw 11, 5.

[2] Ġw 11, 27.





Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1, 37).

Dan il-kliem insibuh fir-rakkont ta’ meta l-Arkanġlu Gabriel  ħabbar lil Marija ta’ Nazaret bil-pjan li Alla kellu għaliha: hi kellha tnissel iben, twelldu u ssemmieh Ġesù, “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli”[1]. Twelid tal-għaġeb insibuh fi ġrajjiet oħra tat-Testment il-Qadim, fejn nisa li ma setax ikollhom tfal jew li kienu kibru fl-età, kienu jwelldu trabi li mbagħad kien se jkollhom post importanti fl-istorja tal-fidwa. Għalkemm Marija kienet lesta li twettaq b’mod sħiħ il-missjoni li ssir omm il-Messija, imma hi staqsiet lill-anġlu kif seta’ jseħħ dan, ladarba kienet verġni. Gabriel serrħilha rasha u qalilha li dan ma kienx se jseħħ permezz ta’ bniedem: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek”[2]. Imbagħad qalilha: “għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”[3]. 

“Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

 Dan il-kliem li jagħti serħan il-moħħ, ifisser li m’hemm ebda wegħda u stqarrija t’Alla li tibqa’ ma sseħħx, għax għalih ma hemm xejn li ma jistax isir. Nistgħu wkoll ngħiduh bi kliem ieħor: flimkien ma’ Alla ma hemm xejn li ma jistax isir. Fil-fatt, il-kliem Grieg “ma’”, jew qrib jew flimkien ma’ Alla, juri kemm Alla jinsab qrib tagħna l-bnedmin. Dawn, meta  jaħdmu  ma’ Alla jew ikunu jaqblu miegħu f’kollox, ma jkun hemm xejn li ma jistax isir.

“Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

Kif se ngħixuha din il-Kelma tal-ħajja? Qabelxejn irid ikollna fiduċja sħiħa f’Alla u nemmnu li hu jista’ jwettaq affarijiet anki fejn ikun hemm il-limiti u d-dgħufija tagħna, kif ukoll fis-sitwazzjonijiet l-aktar mudlama tal-ħajja.

Din kienet l-esperjenza ta’ Dietrich Bonhoeffer, li safa priġunier u wara ħalla ħajtu  f’kamp ta’ konċentrament. Hu kiteb hekk: “Jekk irridu nagħrfu dak li Alla jwiegħed jew iwettaq, irridu dejjem nerġgħu ninżlu aktar fil-fond fil-ħajja, fil-kliem, fit-tbatijiet u l-mewt ta’ Ġesù. Aħna ċerti (…) li xejn aktar ma jkun impossibbli għalina, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir. (…) żgur li aħna m’għandna nippretendu xejn imma madankollu nistgħu nitolbu kollox; żgur li fit-tbatija hemm moħbi l-ferħ tagħna u f’mewtna hemm moħbija l-ħajja kollha tagħna (…). Għal dan kollu, Alla qal “iva” u “Ammen” fi Kristu. Din l-“iva” u dan l-“Ammen” huma l-pedament b’saħħtu li fuqu ngħixu”[4].

“Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

Meta niġu biex  negħlbu dak li  jidher “impossibbli” minħabba n-nuqqas ta’ ħila tagħna, u biex nistinkaw ħalli naslu għal  dak li hu “possibbli”, il-ħajja fil-komunità għandha rwol deċiżiv. Fil-komunità nistgħu nsibu għajnuna kbira biex nippruvaw negħlbu dak li verament jidher “impossibbli” minħabba n-nuqqas ta’ ħila tagħna, biex naslu għal dak li hu “possibbli” f’ħajja retta mgħixa sew. Il-komunità tikber fejn id-dixxipli jgħixu l-kmandament il-ġdid ta’ Ġesù u jħallu l-qawwa ta’ Kristu Rxoxt tgħix fihom u fosthom. Fl-1948 Chiara Lubich kitbet hekk lil grupp ta’ reliġjużi żgħażagħ: “Irridu nibqgħu dejjem mixjin ʹil quddiem! Mhux bil-forza miskina u dgħajfa tagħna, imma bil-qawwa tal-għaqda ta’ bejnietna li tista’ kollox. Indunajt u missejt b’idejja li Alla fostna jwettaq dak li hu impossibbli: jagħmel il-mirakli! Jekk aħna nibqgħu fidili għas-sejħa li għamlilna […], imbagħad id-dinja tara l-unità u magħha l-milja tas-Saltna ta’ Alla”[5].

Xi snin ilu, meta kont fl-Afrika, sikwit kont niltaqa’ ma’ żgħażagħ li kienu jridu jgħixu ta’ Nsara. Kienu jgħiduli bid-diffikultajiet li kienu jiltaqgħu magħhom kuljum fil-post fejn jgħixu, biex ħajjithom tkun taqbel mal-fidi u skont it-tagħlim tal-Vanġelu. Konna ndumu nitkellmu għal sigħat sħaħ, u fl-aħħar konna dejjem naslu għall-istess konklużjoni: “Waħedna nħossuha iebsa, imma flimkien jirnexxielna”. Ġesù stess iwegħidna li “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi (fl-imħabba tiegħi), hemm inkun jien f’nofshom”[6]. U miegħU kollox jista’ jseħħ.

 

Augusto Parody Reyes
u t-team tal-Kelma tal-Ħajja

[1] Lq 1, 32.

[2] Ibid, 35.

[3] Ibid, 37.

[4] Bonhoeffer, Resistenza e resa, edizzjoni San Paolo, Cinisello Balsamo 1988, pġ. 474. Dietrich Bonhoeffer (1906-1945) kien teologu u qassis Luteran Ġermaniż, li kien fost dawk li ħaduha kontra n-Naziżmu.

[5] C. Lubich, Lettere dei primi tempi. Città Nuova, Ruma 2010, pġ. 164.

[6] Ara Mt 18, 20.


Listen on SoundCloud: https://soundcloud.com/user-63571203/december-2024-word-of-life/