Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ 2023 / 4

Il-Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ 2023 ġiet fi tmiemha nhar il-Ħadd li għadda,6 ta’ Awwissu, b’quddiesa li  saret fil Parque Tejo Trancao f’Lisbona u li ħadu sehem fiha madwar miljun u nofs ruħ. Fl-aħħar ta’ din iċ-ċelebrazzjoni Papa Franġisku ħabbar li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2027 ser isir f’Seoul, fil-Korea t’Isfel, fil-waqt li stieden liż-Żgħażagħ għall-Ġublew taż-Żgħażagħ 2025, f’Ruma.

Din kienet is-37 edizzjoni ta’ dan l-avveniment dinji li bdieh San Ġwann Pawlu II, u r-raba’ wieħed  li fih ħa sehem Papa Franġisku, li minkejja l-istat fraġli ta’ saħħtu għex ħamest ijiem daqshekk qrib taż-żgħażagħ bi programm intens u mill-isbaħ.

L-esperjenza  f’Lisbona  kienet waħda tassew meraviljuża,  li  ġġenerat ferħ u entużjażmu kbir, fil-waqt li offriet spazju għal riflessjoni u kondiviżjoni.  Ħafna minna segwew il-higħlights tal-programm permezz tal-media, iżda barra minn dawn kien hemm diversi laqgħat oħra, fosthom 270 laqgħa bi 30 lingwa differenti fuq suġġetti importanti  marbutin  mat-tema prinċipali ta’ din il-ġrajja dinjija: “Marija qamet u marret tħaffef….” (Lq1, 39).

Min jista’ jiddiskrvi bIl-kliem l-esperjenza enerġetika ta’ fidi li dawn il-pellegrini żgħażagħ għexu fil-Portugall! Żgur li l-kliem sempliċi ta’ Franġisku, kollu mimli imħabba, kuraġġ, fiduċja u tama naqqax fi qlubhom  marki li ma jħassarhom ħadd.

Qabel it-tluq lejn l-ajruport ta’ Lisbona biex imur lura Ruma, Franġisku sab il-ħin anki biex isellem lil għadd kbir ta’ voluntiera li taw sehemhom f’din il-ġrajja. Qalilhom:

“(…) In-naħa ta’ fuq ta’ Lisbona hemm post jismu Nazare’ fejn bosta  jmorru  biex jammiraw il-mewġ kbir li xi drabi jilħaq mat-tletin metru. F’dawn il-ġranet, intom ukoll kellkom tiffaċċaw mewġa  kbira, mhux ta’ ilma, imma ta’ zgħażagħ. Bil-għajnuna t’Alla, b’ħafna ġenerożita’ u għajnuna, intom affrontajtu  din il-mewġa kbira (…) Grazzi, Obrigado. U  Keep it up! Komplu kunu ‘surfers’ tal-imħabba, fuq il-mewġ tal-karita’!”

Dan il-kliem tal-Papa jgħodd għalina lkoll.

Intant il-grupp tal-Moviment tal-Fokolari li ħa sehem fil-WYD għadu Lisbona; ingħaqad  ma’ żgħażagħ oħra tal-Moviment minn diversi pajjiżi fid-dinja biex jgħixu l-ġranet post-WYD flimkien mal-President tal-Moviment, Margaret Karram.

Vivienne Attard

 

 




Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ 2023 / 3

4 ta’ Awwissu

Biżżejjed tħares lejn il-filmati li qed jaslu biex tgħid li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ hu workshop dinji li qed jagħti sehem meraviljuż biex tissaħħaħ it-tama fir-realta’ ta’ dinja magħquda.

Mill-aħbarijiet li waslulna sirna nafu li l-bieraħ Papa Franġisku beda l-ġurnata tiegħu b’laqgħa ma’ 15-il pellegrin, żgħażagħ mill-Ukrajna; laqgħa li saret fin-Nunzjatura u damet madwar siegħa. Il-bieraħ fil-għodu kien hemm ukoll laqgħa li fiha l-Papa indirizza lill-istudenti universitarji. Jingħad li kien hemm madwar 7000 żgħażagħ jisimgħu d-diskors tiegħu li fih hu ħeġġiġhom biex jagħtu sehemhom “għall- koregrafija ġdida li tirrispetta ż-żifna tal-ħajja billi tpoġġi l-persuna fiċ-ċentru”.

Iżda l-higħlight tal-ġurnata tal-bieraħ kienet il-“Welcome Ceremony” li saret fil-għaxija fl-Eduardo VII Park. Papa Franġisku kien mogħti merħba mill-isbaħ bi spettaklu ta’ kuluri, ta’ bnadar u fuq kollox bl-ilħna ta’ mijiet ta’ eluf ta’ żgħażagħ mid-dinja kollha li xtaqu jesprimu dak li qalb żagħżugħa tħoss f’mumenti speċjali bħal dawn. Fid-dikors ta’ merħba li Franġisku għamel liz-żgħażagħ, baqgħu jidwu l-kliem “Fil-Knisja hemm post għal kulħadd!”

Messaġġ li wasal mill-grupp tagħna f’Lisbona jgħid hekk:  Għadha kif spiċċat il-Welcome Ceremony. It-toroq tal-belt huma mimlija bi gruppi ta’ żgħażagħ, kollha jiċċelebraw, jieklu u jgħixu flimkien atmosfera mill-isbaħ. Bil-kliem sempliċi tiegħu, il-Papa kellem lill-qalb taż-żgħażagħ.”

Vivienne Attard
.




Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ 2023 / 2

3 ta’ Awwissu 2023

Papa Franġisku wasal Lisbona l-bieraħ fil-għodu. Wara ċ-ċeremonja uffiċjali ta’ merħba, hu ltaqa’ mal-President tar-Repubblika, mal-Awtoritajiet, mas-Soċjeta’ ċivili u mal-Korp Diplomatiku; imbagħad wara nofsinhar hu kellu laqgħa mal-Prim Ministru tal-Portugall fin-Nunzjatura Appostolika. Saret  ukoll laqgħa ta’ talb li għaliha kienu preżenti isqfijiet, saċerdoti, djakni, persuni kkonsagrati, seminaristi u operaturi pastorali. F’din il-laqgħa l-Papa qal: “Hemm bżonn nerġgħu nkalaw ix-xbiek … Hemm bżonn inħallu lil Ġesu’ jerġa’ jitla’ fuq id-dgħajsa”.

Intant matul dan il-jum kien hemm diversi attivitajiet mhejjija għaż-żgħażagħ li jinsabu miġbura f’Lisbona u li ġiet imsejħa “City of Joy”. Il-programm kien jinkludi  youth festivals, attivitajiet sportivi u katekeżijiet/rise up encounters. Iż-żgħażagħ Maltin qalulna li  ħadu sehem f’encounter li tmexxa  mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Anton Thewma, Isqof t’Għawdex.

Margaret Karram u Jesus Moran ukoll taw is-sehem tagħhom f’wieħed minn dawn l-encounters. Fl-interventi tagħhom, it-tnejn semmew l-esperjenza personali tagħhom, u fil-waqt li  Margaret tkellmet dwar  xi tfisser Marija għalina u x’tgħidilna  fil-ħajja tal-lum,  Jesus tkellem dwar il-vokazzjoni.

Vivienne Attard


Ara iċ-ċeremonja uffiċjali ta’ merħba:
https://fb.watch/mbDFiEipKw/




Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ 2023 / 1

Lisbona, 1 ta’ Awwissu

Il-grupp tal-Moviment tal-Fokolari, li ser jieħu sehem fil-Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ u li telaq minn Malta l-bieraħ, bagħat l-ewwel tislijiet tiegħu minn Lisbona. Qalulna li Margaret Karram, il-President tal-Fokolari ġa qiegħda hemm u li nhar il-Ħadd li għadda ltaqgħet mal-komunita’ tal-Portugall u ma’ xi oħrajn li ġa jinsabu hemm għal din il-laqgħa.

Hi rringrazzjat lill-membri kollha tal-komunita’ tal-Portugall għas-sehem kbir tagħhom f’din il-ġrajja, u qaltilhom li ġa marret Fatima biex tafda f’idejn Il-Madonna din il-laqgħa dinjija taż-żgħażagħ mal-Papa, li għandu jasal Lisbona għada.

Illum ġa bdew xi attivitajiet, fosthom DIALOP u Dare to Care, u l-programm ta’ għada jinkludi laqgħat ta’ katekeżi.

Vivienne Attard




Attività bi tħejjija għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Marija qamet u marret tħaffef” (Lq 1, 39)
Hi kienet mara tħares lejn dak li kien għaddej barra t-triq”…
Il-ferħ ta’ tgħanniqa fraterna bejn il-ġnus, tgħanniqa ta’ rikonċiljazzjoni u sliem, tgħanniqa ta’ fraternità ġdida missjunarja.

Is-Sibt u l-Ħadd, 21 u 22 ta’ Lulju, grupp ta’ Żgħażagħ għall-Dinja Magħquda iltaqgħu waħda ta’ l-aħħar qabel imorru għal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ il-Portugal. Xtaqu jitkellmu flimkien, jaraw li ghandhom kollox necessarju u jaghmlu l-prova li jorqdu mal-art gewwa ‘gym’.

F’dan il-weekend kien hemm mumenti profondi ħafna, fejn l-esperjenzi ta’ kullħadd ġew mhejxa flimkien u d-diskussjonijiet fuq bosta temi, ma naqsux. Qalb din id-diverġenza spikkat għaqda tabilħaqq bejn dawn iz-zgħażagħ, tant hu hekk li kulħadd ħass li kien mument mill-isbaħ ta’ ‘bonding’. Kienu propju mudell ta’ pellegrin modern, li bħal Marija, huwa hemm biex imur lil hinn u jaħdem għad -dinja ta madwaru.

Ikkonkludejna dan il-mument, b’messaġġ ta’ Margaret Karram, fejn hi qalet liż-żgħażagħ: “Aħna rridu nkunu miftuħa għal xulxin, li jrid ikollna fiduċja fl-unita’ li tista’ twettaq mirakli; li rridu nkunu miftuħa għas-soċjeta’ li tistenna mingħandna sinjali ta’ tama.”

Jeremy, Marisa




Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2023

Tħejjija għal Jum Dinji taż-Żgħażagħ: mixja lejn is-sena 2023 meta ż-żgħażagħ jiltaqgħu ma’ Papa Franġisku f’Lisbona.

Fost dawk li batew ħafna f’daż-żmien ta’ emerġenza sanitarja nsibu liż-żgħażagħ, li kellhom jinfatmu mill-ħajja tas-soltu, jiefqu jmorru l-iskola jew l-università, xi wħud jiefqu anki għax-xogħol, u jsibu ruħhom maqtugħa barra mill-ħajja soċjali, mill-ħbieb.

Iżda hu veru wkoll li ż-żgħażagħ huma fuq quddiem fejn tidħol is-solidarjetà: huma jagħtu sehemhom biex ixerrdu t-tama, biex jibnu l-paċi u jieħdu ħsieb l-ambjent. Papa Franġisku semagħhom, sema’ dak li għexu u li għadhom qed jgħixu. U ftit ġranet ilu tahom il-messaġġ għal Jum Dinji taż-Żgħażagħ Novembru 2021 fejn bi kliem meħuda mill-Atti tal-Appostli għamlilhom stedina personali: “Qum! Nagħmlek xhud tad-dehra li fiha rajtni!” (ara Atti 26:16). Dan hu kliem San Pawl waqt li jirrakkonta l-konverżjoni tiegħu.

F’dan il-messaġġ il-Papa ikellem liż-żgħażagħ dwar il-laqgħa personali li ż-żagħżugħ Pawlu ta’ Tarsu kellu ma’ Kristu fi triqtu lejn Damasku. U waqt li jagħmel dan, bħal qisu irid isejjeħ lil kull żagħżugħ u żagħżugħa b’ismhom u jurihom li jrid jimxi magħhom il-mixja ta’ xhieda ta’ Kristu. Ħeġġiġhom “iqumu” biex bl-esperjenza tagħhom jagħtu xhieda tal-imħabba u r-rispett li jibnu r-relazzjonijiet umani, jiddefendu l-ġustizzja soċjali, il-verità, id-drittijiet tal-bniedem ikunu xhieda ta’ ħarsa ġdida li tħares lejn id-dinja bħala d-dar komuni tagħna u biex kuraġġ jiddefendu l-ekoloġija integrali. Talabhom juru li wieħed dejjem jista’ jerġa’ jibda mill-ġdid u li Kristu hu ħaj.

“Inħares lejn dan il-messaġġ bħala sfida kbira għalina ż-żgħażagħ”, qalet Klara María Piedade, żagħżugħa ta’ 27 sena mill-Brażil, fil-waqt li kompliet tisħaq fuq ir-responsabbiltà taż-żgħażagħ li jagħtu sehemhom għal dinja magħquda.

Klara hi waħda miż-żgħażagħ li din is-sena jinsabu fiċ-Ċentru ta’ Żgħażagħ Għal Dinja Magħquda tal-Moviment tal-Fokolari. Dawn iż-żgħażagħ ilhom minn Mejju jaħdmu fuq aspetti differenti li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tad-dar komuni tagħna skont it-tagħlim tal-Laudato Si’.

Dare to care hu l-programm tagħhom, li din is-sena qed jiffoka fuq il-ħarsien tal-ambjent. “Jeħtieġ li nkunu protagonisti”, kompliet tgħid Klara “mhux biss bil-kliem imma bil-fatti. Nistgħu nġibu bidla fid-dinja jekk inkunu aħna li nagħmlu l-ewwel pass. U importanti ħafna li ningħaqdu ma’ dawk li ġa qed jagħtu sehemhom”.

Għadu kemm tħabbar li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ser isir f’Awwissu 2023, f’Lisbona fil-Portugall. Intant dan il-jum ikun imfakkar fil-festa ta’ Kristu Re fid-djoċesijiet tad-dinja kollha. Ser tibda mixja ta’ tħejjija biex iż-żgħażagħ ikunu miftuħa għas-sorpriżi t’Alla “li jrid li d-dawl tiegħu jiddi fuq il-mixja tagħna”.

Meħuda minn kitba ta’ Carlos Mana


Official website of World Youth Day:
https://www.lisboa2023.org/en