Il-Moviment tal-Fokolari, magħruf ukoll bl-isem “Opra ta’ Maria” beda fi Trento, fl-Italja fl-1943 meta t-tieni gwerra dinjija kienet fl-aqwa tagħha. Illum jinsab f’182 nazzjon u jilħaq mal-ħames miljun ruħ.

GĦAN

Chiara Lubich irrealizzat li l-uniku ideal li tassew ta’ min jgħix għalih huwa Alla u flimkien ma’ grupp ta’ tfajliet oħra bdiet tiċċentra ħajjitha fuq l-Evanġelju. Ħafna oħrajn bdew jagħmlu bħalhom. L-għan waħdieni tagħhom sar li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex isseħħ it-talba ta’ Ġesu’ lill-Missier: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”(Ġw 17,21)

Twieldet spiritwalita’ ta’ l-unita’ li tat bidu għal moviment ta’ tiġdid spiritwali u soċjali. Permezz tat-18-il fergħa u tal-5 movimenti tal-massa li jħaddan fih, l-ispiritwalita’ tal-Moviment tal-Fokolari qed tolqot il-ħajja tal-familja, id-dinja taż-żgħażagħ u l-oqsma l-oħra kollha tal-ħajja ekkleżjali u sekulari. Matul is-snin żviluppaw djalogi, li qed iħallu ħafna frott, mad-dinja kattolika, ma’ nsara ta’ Knejjes differenti, ma’ nies ta’ reliġjonijiet oħra u saħansitra ma’ nies ta’ rieda tajba, iżda li ma għandhom l-ebda rabta ma’ xi reliġjon.

Fil-bidu tas-’ 70 inżergħet  iż-żerrirgħa f’Malta.

Il Moviment tal-Fokolari f’Malta

L-ewwel żerriegħa tal-ispiritwalità tal-unità kienet diġà nżergħet fis-snin sittin. Fl-1975 kien hemm madwar 70 ruħ li kienu jgħixuha, bdiet tinbena l-ewwel komunità, nibtu l-ewwel vokazzjonijiet għall-fokolare u bdew jikbru x-xewqat li jinfetaħ Fokolare fil-gżira kif ukoll li ssir Mariapoli f’Malta. Sakemm fl-1979 saret l-ewwel Mariapoli li fiha ħadu sehem 1000 ruħ. Fil-bidu tas-snin ’80 twaqqfu żewġ ċentri tal-Fokolare. Il-ħajja kompliet tikber u trabbi l-għeruq: fl-1999 seħħet ġrajja importanti ħafna ta’ din il-mixja.

Chiara Lubich ġiet f’din il-gżira biex tirċievi l-lawrea Honoris Causa fil-“Letteratura (Psikoloġija)”, mill-Università ta’ Malta. Din ingħatatilha b’ħajr għall-kariżma tagħha li “tħaddan dehra sħiħa tal-persuna umana fil-qasam tal-psikoloġija”. Imbagħad fuq sfond internazzjonali twieldet bħala prospettiva ta’ riflessjoni “Psikoloġija u komunjoni”, li hi xibka ta’ professjonisti li fiha huma jinżlu aktar fil-fond ta’ dan it-tip ta’ approach psikoloġiku.

Wara għaxar snin mill-għotja ta’ din il-lawrea lil Chiara, f’Malta nżamm seminar speċjalistiku fuq it-tifsira psikoloġika tal-mudell relazzjonali li joħroġ mill-ispiritwalità tal-unità. U llum ukoll il-komunità fokolarina Maltija tinsab miexja ’l quddiem, u n-nies li b’xi mod jew ieħor iħaddnu din l-ispiritwalità jlaħħqu l-eluf. Insibu rabtiet mill-aktar ħajja li nbnew fi ħdan il-Knisja lokali u ma’ Movimenti u komunitajiet ekkleżjali oħra. Frott konkret ta’ dan hu x-xogħol li jinsab għaddej bħalissa fil-mixja lejn ‘Flimkien għall-Ewropa 2012’. Fi ħdan il-Kunsill Ekumeniku Malti u il-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana ssir ħidma mill-qrib ma’ nies ta’ denominazzjonijiet insara oħra. Isiru wkoll kuntatti spissi ta’ ħbiberija mal-komunità Musulmana partikolarment fi ġrajjiet li fihom saret ħidma flimkien maż-żgħażagħ.

Wieħed mill-iżviluppi ta’ dan l-aħħar sar fil-qasam kulturali, partikolarment f’dak tas-saħħa, tat-tagħlim u f’dak sportiv, kif ukoll f’dak politiku-ġuridiku: membri tal-Fokolari li huma ġejjin miż-żewġ partiti politiċi ewlenin, qed ifittxu li jagħtu x-xhieda tagħhom bħala aħwa.

Anki San Pawl ħassu milqugħ ħafna, meta wasal hawnhekk ħtija tan-nawfraġju (Atti 27, 26). Hu dam fil-gżira għal tliet xhur u, kif fakkar Benedittu XVI fil-vjaġġ tas-sena 2010, warajh ħalla “sinjal li ma jitħassarx fl-istorja ta’ Pajjiżkom”. F’dik l-okkażjoni kien fakkar għal darb’oħra li grazzi għall-miġja ta’ Pawlu fost il-Maltin, il-Vanġelu ta’ Ġesù rabba l-għeruq tiegħu bi sħiħ u wassal għal “ħafna frott mhux biss fil-ħajja tal-individwi, tal-familji u tal-komunitajiet, imma wkoll fil-formazzjoni tal-identità nazzjonali ta’ Malta, kif ukoll fil-kultura mimlija ħajja tagħha”.