Skip to content
  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
Moviment tal-Fokolari

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Min aħna
  • Chiara Lubich
  • Kelma tal-Ħajja
  • Djalogi
  • Media
  • Kuntatti
  • Malti Malti
    • English English
  • Toggle search form

Diskors tal-Papa Ljun XIV lill-parteċipanti tal-Assemblea Ġenerali

Posted on March 21, 2026July 28, 2026 By Website Editor No Comments on Diskors tal-Papa Ljun XIV lill-parteċipanti tal-Assemblea Ġenerali

DISKORS tal-PAPA LJUN XIV Lill-Parteċipanti tal-ASSEMBLEA ĠENERALI tal-OPRA ta’ MARIJA – MOVIMENT tal-FOKOLARI

Sala Clementina Is-Sibt 21 ta’ Marzu 2026

Fl-Isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-paċi magħkom!

Kuntent li qed niltaqa’ magħkom wara li ħadtu sehem fl-Assemblea Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari. Insellem lill-President, Margaret Karram, li reġgħet ġiet eletta għat-tieni mandat, u lill-Kopresident il-ġdid, dun Roberto Eulogio Almada. Jalla l-Mulej ibierek is-servizz tagħkom!

Intom ilkoll kontu attirati mill-kariżma tas-Serva t’Alla, Chiara Lubich, li sawret il-ħajja personali tagħkom u l-istil tal-ħajja komunitarja li tgħixu. Kull kariżma fil-Knisja tesprimi aspett tal-Vanġelu li l-Ispirtu s-Santu s-Santu jagħti fi żmien storiku determinat għall-ġid tal-Knisja stess u tad-dinja kollha. Dan l-aspett, għalikom, hu l-messaġġ tal-unità: l-għaqda fost il-bnedmin, li hi frott u mera tal-unità bejn Kristu u l-Missier: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda; kif int fija, Missier u jiena fik” (Ġw 17,21).

Intom tgħixu dan l-ispirtu ta’ unità l-ewwelnett bejnietkom, u tagħtu xhieda li dan l-ispirtu jista’ jkun mod ġdid ta’ ħajja fraterna, rikonċiljata u ferrieħa, mgħejxa minn nies ta’ etajiet, kulturi, ilsna u twemmin reliġjuż differenti. Din hi żerriegħa sempliċi imma b’saħħitha, li tattira eluf ta’ nisa u rġiel, tqanqal vokazzjonijiet, tnissel ħerqa għall-evanġelizzazzjoni, u tiġġenera wkoll opri soċjali, kulturali, artistiċi, ekonomiċi, u hi ħmira għad-djalogu ekumeniku u interreliġjuż. Illum għandna bżonnha ħafna din il-ħmira tal-unità għax il-velenu tal-firda u tal-kunflitti għandu t-tendenza li jaħdem biex iħassar il-qlub u r-relazzjonijiet soċjali u joħodha kontra x-xhieda evanġelika tal-għaqda, tad-djalogu, tal-maħfra u tal-paċi. Fl-għexirien ta’ snin l-imgħoddija, Alla ħejja poplu kbir ta’ paċi, anki permezz tagħkom, u f’dan il-mument storiku, dan il-poplu hu msejjaħ biex ikun tarka u jilqa’ kontra dawk li qed jiżirgħu l-mibegħda u jieħdu l-bnedmin lura lejn forom ta’ barbariżmu u vjolenza.

Għeżież, intom fdati biex tagħtu din ix-xhieda importanti ta’ għaqda u paċi, iżda barra minn hekk intom għandkom ukoll ir-responsabbiltà li żżommu ħajja l-kariżma tal-Moviment tagħkom f’din il-fażi ta’ wara l-fundazzjoni, fażi li ma tintemmx mal-ewwel transizzjoni ġenerazzjonali wara l-mewt tal-fundatriċi, imma li tista’ tieħu ħafna aktar żmien. F’dan iż-żmien, intom imsejħa tiddixxernu flimkien biex taraw liema aspetti tal-ħajja u tal-appostolat tagħkom huma essenzjali u għalhekk wieħed irid iżommhom, u liema huma dawk l-affarijiet li għalkemm ilhom isiru u jintużaw għal snin, issa m’għadhomx aktar essenzjali għall-kariżma jew inkella jippreżentaw aspetti problematiċi, u allura jridu jitwarrbu.

Din il-fażi tesiġi impenn sħiħ fejn tidħol it-trasparenza ta’ min għandu rwol ta’ responsabbiltà, fil-livelli kollha. Filfatt, min-naħa l-waħda, it-trasparenza tagħti kredibbiltà, u min-naħa l-oħra din hi xi ħaġa li trid issir, għax il-membri kollha huma responsabbli għall-kariżma li hi don tal-Ispirtu s-Santu. Huma għandhom id-dritt u d-dmir li jħossu li qed jieħdu sehem fil-ħajja tal-Opra li jaderixxu għaliha b’dedikazzjoni sħiħa. Imbagħad ftakru li s-sehem tal-membri hu dejjem valur miżjud: jistimula lill-persuni kif ukoll lill-Opra biex jikbru, joħroġ ir-riżorsi u l-ħiliet moħbija ta’ kull persuna, jagħmel lil kulħadd responsabbli u jqanqal lil kulħadd biex jagħti sehmu.

Ir-responsabbiltà ta’ dixxerniment komuni, li hi fdata f’idejkom ilkoll, tħaddan fiha anki l-mod kif il-kariżma tal-unità trid tissarraf fi stili ta’ ħajja komunitarja li juru l-ġmiel tan-novità evanġelika, u fl-istess ħin jirrispettaw il-libertà u l-kuxjenza tal-individwi u jivvalorizzaw id-doni ta’ kull persuna li hi unika. Nistgħu nirriflettu fuq il-fatt li meta Ġesù għamel it-talba saċerdotali tiegħu, wara li qal «li jkunu lkoll ħaġa waħda», hu żied jgħid «ħalli jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina» (Ġw 17,21), u hekk kien qed jirreferi għall-unità bejn id-dixxipli bħala unità superjuri, bħal dik ta’ bejn il-Missier u l-Iben. Dan ifisser

li l-unità li qed tfittxu li tgħixu u tagħtu xhieda tagħha sseħħ prinċipalment “f’Alla”, fit-twettiq tar-rieda mqaddsa tiegħu, u allura fl-impenn li wieħed jgħix il-komunjoni u l-ħajja komunitarja, sostnut u ggwidat minn dawk li huma inkarigati f’dan is-servizz. L-unità hija don u fl-istess ħin hi impenn u sejħa li kull wieħed irid iwieġeb għaliha. Kulħadd hu msejjaħ biex jiddixxerni liema hi r-rieda t’Alla u kif jista’ jwettaq il-verità tal-Vanġelu fis-sitwazzjonijiet differenti tal-ħajja komunitarja jew appostolika. U f’din il-mixja ta’ dixxerniment kulħadd irid jgħix il-fraternità, is-sinċerità, il-frankezza u fuq kollox l-umiltà, u jrid ikun ħieles minnu nnifsu u mill-mod kif jara l-affarijiet hu. L-unità ta’ kulħadd f’Alla hi sinjal evanġeliku li hu forza profetika għad-dinja.

Mela, l-unità ma nistgħux nifhmu biha uniformità ta’ ħsieb, ta’ opinjoni u ta’ stil ta’ ħajja, li tista’ twassal biex tnaqqas il-valur tal-konvinzjonijiet li wieħed ikollu, b’detriment għall-libertà personali u għas-smigħ tal-kuxjenza. Chiara Lubich dejjem saħqet li l-imħabba trid tiġi qabel kull ħaġa oħra (ara l-Istatut). Għalhekk hu meħtieġ li l-unità tkun dejjem nutrita u sostnuta mill-imħabba reċiproka li tesiġi qalb kbira, benevolenza u rispett; imħabba li ma tiftaħarx biha nnifisha, ma tissuppervjax, ma tfittixx dak li hu tagħha, ma żżommx f’qalbha għad-deni li tirċievi, imma tifraħ biss bil-verità (ara Kor 13,4-6).

Għeżież, ejjew flimkien nirringrazzjaw lill-Mulej għall-familja kbira spiritwali li twieldet mill-kariżma ta’ Chiara Lubich. Nitolbu għaż-żgħażagħ fil-gruppi tagħkom ħalli jħarsu b’għajnejn safja lejn il-ġmiel tas-sejħa biex ikunu għodda ta’ unità u paċi fid-dinja. Għall-familji mġedda u msaħħa mill-preżenza ta’ Ġesù f’nofshom fil-ħajja tal-familji tagħhom. Għall-isqfijiet, saċerdoti u kkonsagrati li raw id-don tal-ministeru u tal-ħajja reliġjuża tagħhom jiġġedded permezz tal-kuntatt mal-Moviment u mal-ispiritwalità tagħkom. Għal tant fokolarini nisa u rġiel, li spiss b’dedikazzjoni erojka jkomplu jgħixu ħajja ta’ talb, ta’ ħidma, ta’ djalogu u ta’ evanġelizzazzjoni f’kull parti tad-dinja filwaqt li jimxu fuq il-mudell ta’ ħajja appostolika tal-ewwel ġenerazzjonijiet insara. Ngħidu grazzi għal tant frott ta’ qdusija fil-Knisja matul dawn is-snin kollha – frott li nafu bih jew li ma nafux bih – li seħħ permezz tal-ħidma tagħkom biex in-nies jerġgħu lura lejn il-Vanġelu.

Inħeġġiġkom tkomplu l-mixja tagħkom u minn qalbi nagħtikom il-barka tiegħi, filwaqt li nitlob l-interċessjoni tal-Verġni Marija biex hi tħariskom ilkoll u takkumpanjakom dejjem bl-għajnuna tagħha ta’ Omm. Grazzi!

Smajt li tħobbu tkantaw: mela, ejjew inkantaw flimkien it-talba li għallimna Ġesù: “Pater noster”….

Barka

Grazzi ! U nawguralkom ħafna.


Copyright © Dicastero per la Comunicazione – Libreria Editrice Vaticana
Sors: https://press.vatican.va/content/salastampa/en/bollettino/pubblico/2026/03/21/260321d.html
Traduzzjoni ta’ Vivienne Attard u Vickie Baldacchino


Aħbarijiet, Assemblea Ġenerali Tags:Assemblea Ġenerali 2026

Post navigation

Previous Post: Elezzjoni tal-Kunsilliera Ġenerali tal-Moviment tal-Focolare
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta' April 2026

More Related Articles

16 ta’ Lulju 2022 - Jum il-Patt Aħbarijiet
Bħal-lum 99 sena ilu twieldet Chiara Lubich Aħbarijiet
[:mt]Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru[:en]October Word of Life[:] Aħbarijiet
Margaret Karram fi tmiem is-XVI Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu Aħbarijiet
Il-Messaġġ ta’ Margaret Karram għall-Milied 2024 Aħbarijiet
Kelma tal-Ħajja ta' Awwissu 2024 Aħbarijiet

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Kelma tal-Ħajja

  • Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    “L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi” (Rm 13, 10).

Segwina fuq Instagram

Kotba

  • Here and Now

    Here and Now

    July 30, 2026
  • Tnedija ta' ktieb: "Paradiso ‘49"

    Tnedija ta' ktieb: "Paradiso ‘49"

    July 3, 2026
  • Kotba ġodda: "Ngħixu l-Kelma"

    Kotba ġodda: "Ngħixu l-Kelma"

    November 24, 2023
  • Conference Calls

    Conference Calls

    February 1, 2023

Focolare News updates

Safeguarding

Safeguarding measures worldwide
Listening Points / safe space discussions
Guidelines and reports: Protection of minors and vulnerable persons

Data policies

  • Id-Data Policies ta’ dan is-sit huma l-istess bħal dawk tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
  • The Data Policies of this website conform to those of the Catholic Archdiocese of Malta.

Safeguarding measures

Safeguarding - Prevention of abuse - Listening points/safe space discussions

Media

  • Press Releases
  • New City Press (UK)
  • Living City (NY)
  • Collegamento CH

Siti ta’ interess

  • Focolare International Site
  • Great Britain
  • Ireland
  • Philippines
  • USA & Canada
  • United World Project
  • New Families

Recent Posts

  • Video update on forum in Jerusalem

    Video update on forum in Jerusalem

    September 8, 2026
  • Margaret Karram tipparteċipa fil-forum "Within Your Gates" f'Ġerusalemm

    Margaret Karram tipparteċipa fil-forum "Within Your Gates" f'Ġerusalemm

    September 7, 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    August 31, 2026
  • Kala: kontribut kbir lid-djalogu interreliġjuż

    Kala: kontribut kbir lid-djalogu interreliġjuż

    August 15, 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari.

Powered by PressBook Blog WordPress theme