Xewqat għall-Milied mingħand Margaret Karram u Jesús Morán, il-President u l-Kopresident tal-Moviment tal-Fokolari

Fi żmien meta għadna qed naraw kull xorta ta’ firda, jalla dan ikun Milied li jġedded fina lkoll dak il-ferħ li jħoss kull min hu lest li jaqdi, jaqsam ħajtu mal-oħrajn u jgħix l-imħabba lejn xulxin, l-aktar lejn dawk li qed ibatu.
Nieħdu l-impenn li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex dan ikun Milied fejn issaltan l-imħabba tal-aħwa u l-qrubija, fil-waqt li niżirgħu tama fil-ġejjieni.
Jesús Morán
Għaddiet sena oħra u l-paċi għadha ħolma, u f’dan il-Milied ser nerġgħu nsibu ruħna quddiem il-presepju nikkontemplaw il-misteru tal-għaġeb tat-twelid tal-Prinċep tal-Paċi.
Ħaġa tassew iebsa tara li l-bnedmin huma nieqsa mill-ħila li jgħixu bħala familja waħda, fejn kull poplu għandu d-dinjita’ prezzjuża tiegħu. Tassew insib il-faraġ f’dak li qal Papa Ljun meta kkwota l-kliem ta’ Santu Wistin: Iż-żmenijiet ikunu tajbin jekk inkunu tajbin aħna. Aħna ż-żmenijiet.
U kompla jgħid: “Aħna ż-żmenijiet. Ejjew ma nitkaxkrux mill-qtigħ il-qalb quddiem il-vjolenza li qed naraw madwarna”.
Filwaqt li nkomplu nikkontemplaw il-wiċċ imdawwal tal-Bambin, ejjew nirduppjaw l-impenn tagħna li nagħmlu l-ġid b’risq kulħadd.
Margaret Karram
Mela, l-isbaħ ħaġa li nistgħu nixtiequ lil xulxin f’dawn il-ġranet tal-Avvent, u anki ngħixuha, hi li nirduppjaw u nsaħħu l-atti ta’ mħabba lejn dawk li qed ibatu, għax jekk noqogħdu naħsbuha sew insibu li huma jimlew il-qalb bl-imħabba u jwassluna biex nagħrfu li nkunu aktar ferħana meta nagħtu milli meta nirċievu.
Dan hu l-impenn li nixtiequ noffru lil Ġesù. Jalla ngħixu dan il-Milied fi spirtu ta’ aħwa biex Ġesù jagħti r-rigal tal-paċi vera lil qlubna u lid-dinja, l-aktar lil dawk il-pajjiżi fejn il-paċi hi nieqsa.
Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd!


English
Add Comment