Il-Kelma tal-Ħajja ta’ dan ix-xahar “La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll, kontu barranin fl-art tal-Eġittu” (Ez. 22,20), ħassejtha li qed tisfidani biex ngħix l-imħabba lejn il-proxxmu b’mod ġdid.
Xejn kbir, imma nħoss li l-mod kif irrid inħobb lil oħrajn irid ikun iżjed ‘sħiħ’. L-ewwel nett issa li kbirt u armla, jiena stess għandi l-limiti ġodda fis-saħħa, ta’ kif inħossni meta kulħadd ikun mal-familja u jiena waħdi — mela jiena meqjusa ‘vulnerabbli’. U din naħseb li hija don, għax qed inkun iżjed sensittiva għal bżonnijiet tal-oħrajn. Allura nċempel jien lil tal-familja jew lil ġirien li qegħdin waħedhom u nkun ta’ servizz, anki li nisma’, għax ħafna drabi bil-ġenn tal-ħajja ma nagħtux spazzju biżżejjed lil ieħor jitkellem, bit-temp tiegħu li hu differenti minn tiegħi. Jien kollox irrid malajr!
U issa jiena ukoll għandi Home Help biex tgħinni fix-xogħol tad-dar. Kemm ili nuża dan is-servizz, it-tfajliet li ġew jgħinuni, ġew minn bosta pajjiżi differenti terzi, bid-drawwiet differenti tagħhom. Ifakkruni ħafna fit-tfal tiegħi li jgħixu barra minn Malta u huma l-barranin hemm. Nixtieq li jħossuhomn ‘at home’. U qalbi toħroġ għalihom, narhom jaħdmu għall-ghixien tagħhom b’tant ħeġġa u onesta’. Tiġi naturali li tittratthom bħal uliedek, twaqqafhom mix-xogħol biex ma jgħijux iżżejjed, taqsam magħhom dak li għandek u ssir familja! U għalkemm forsi bil-kliem ikun diffiċli li tikkomunika sew, ftit ftit nitgħallmu minn xulxin. Jiena ngħid mhux Home Help imissu jisimhom, imma Home Angels, għax l-għajnuna bejnietna t-tnejn tikber. L-imħabba tiftiehem.
Naħseb li b’mod sempliċi imma konkret, qegħdin niġġieldu r-razziżmu, il-ħafna kliem żejjed li jweġġa’ li taqra fuq il-meżżi soċjali, li tisma’ b’widnejk fit-triq jew fuq tal-linja. Mela ejja nitbissmu lil xulxin, ngħidu grazzi u naraw li ma jiġux sfruttati minna stess, biex aħna nkunu komdi. Inġibu ruħna ta’ familja!
M.M. (Malta)

