Skip to content
  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
Moviment tal-Fokolari

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Min aħna
  • Chiara Lubich
  • Kelma tal-Ħajja
  • Djalogi
  • Media
  • Kuntatti
  • Malti Malti
    • English English
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2023

Posted on July 1, 2023August 2, 2026 By Website Editor No Comments on Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2023

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom, li ma jitlifx il-ħlas tiegħu” (Mt 10, 42).

L-evanġelista San Mattew kien skriba u mgħallem Nisrani tajjeb ħafna. Hu kien jaf sew  il-wegħdiet lil Abraham, Iżakk u Ġakobb. Għalih, dak li Ġesù qal u għamel kien biex dawn il-wegħdiet  jitwettqu. Għalhekk, fil-Vanġelu tiegħu nsibu dak li Ġesù għallem f’ħames diskorsi kbar, li fihom narawh bħala l-Mosè l-ġdid.

Din il-Kelma tal-ħajja nsibuha fi tmiem “id-Diskors Missjunarju”, li jibda bl-għażla tat-tnax-il appostlu, u jgħidilna wkoll xi kwalitajiet irid ikollhom dawk li jippriedkaw. L-appostli kienu se jsibu ruħhom quddiem nies li ma jifhmuhomx u għalhekk kellhom ikunu xhieda li titwemmen, anki permezz ta’ għażliet radikali.

Mhux hekk biss: Ġesù jurina li dawn il-mibgħuta tiegħu riedu jsibu għeruqhom fil-missjoni li Hu stess kien irċieva mingħand il-Missier. It-Testment il-Qadim jinsisti b’qawwa kbira x’jeħtieġu l-mibgħuta ta’ Alla, fejn ikun Alla stess li jitkellem u jaħdem. Għalhekk hi l-istess imħabba t’Alla li, permezz tax-xhieda ta’ Ġesù u tal-mibgħutin tiegħu, tasal għand kull bniedem.

Kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom, li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.

Barra mill-missjoni stess ta’ xi wħud minnhom: l-appostli, ir-ragħajja, il-profeti…, Ġesù jħabbar li kull Nisrani jista’ jkun dixxiplu tiegħu, u fl-istess ħin ikun dak li jilqa’ ġo fih u jwassal il-missjoni tiegħu. Aħna lkoll, bħala dixxipli, anki jekk “żgħar”, nieqsa minn kwalitajiet u tagħlim speċjali, nistgħu nsiru xhieda t’Alla li jinsab qrib tagħna. Il-komunità kollha Nisranija tintbagħat fost il-bnedmin mill-Missier tagħna lkoll.

Permezz ta’ ħutna l-bnedmin, ilkoll kemm aħna rċevejna mingħand Alla attenzjoni, kura, maħfra u fiduċja. Ilkoll nistgħu nagħtu xi ħaġa lill-oħrajn, biex tasal għandhom il-ħlewwa tal-imħabba ta’ Alla, l-istess kif għamel Ġesù tul il-missjoni tiegħu. Fil-Missier għandna l-garanzija li l-“affarijiet iż-żgħar” jistgħu jibdlu d-dinja. Imqar jekk nagħtu biss tazza ilma friska.

“Issa ma jgħoddx nistgħux nagħtu ħafna jew ftit. L-importanti hu ‘kif’ nagħtu, kemm nitfgħu mħabba anki billi noqogħdu attenti għall-bżonnijiet iż-żgħar tal-oħrajn. Kultant biżżejjed toffri tazza ilma, tazza ilma ‘friska’. (…) Dan hu ġest sempliċi u kbir f’għajnejn Alla kemm-il darba aħna nagħmluh f’Ismu, jiġifieri b’imħabba. (…) Il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar tista’ tgħinna niskopru mill-ġdid kemm tiswa kull ħaġa li nagħmlu: ibda mix-xogħol fid-dar jew fl-għelieqi, f’xi ħanut jew uffiċċju, l-istudju tal-istudenti, kif ukoll ir-responsabiltajiet tagħna fil-qasam ċivili, politiku u reliġjuż. Kollox jista’ jinbidel f’qadi magħmul b’attenzjoni u ħeġġa. L-imħabba mbagħad tagħtina għajnejn ġodda biex nintebħu bil-bżonnijiet tal-oħrajn u ngħinuhom b’qalbna kollha. Dan x’riżultat iħalli? Dak li nagħtu jinqasam bejnietna għax l-imħabba ġġib imħabba. Il-ferħ jiżdied għax: ‘min jagħti hu aktar hieni minn min jirċievi’[1]”[2].

Kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom, li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.

Dak li qed jitlob minna Ġesù mhuwiex ħaġa żgħira. Ma rridu qatt nieqfu milli nwasslu l-imħabba ta’ Alla lill-oħrajn. Din l-imħabba titlobna nersqu lejn kull bniedem b’qalb miftuħa u b’qadi konkret, u mmorru lil hinn mill-ġudizzji u l-kategoriji tagħna.

Ġesù jridna naħdmu miegħu, inkunu nies kreattivi u responsabbli mill-ġid ta’ kulħadd, ibda mill-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum. Imma fl-istess ħin mhux sejjer ma jħallasniex għal kull ma nagħmlu. Hu jinsab il-ħin kollu ħdejna, biex jieħu ħsiebna fil-missjoni tagħna.

“(…) Tlaqt ix-xogħol li kelli l-Filippini u mort l-Awstralja biex ningħaqad mal-familja tiegħi (…). Sibt xogħol ma’ kuntrattur u kont innaddaf il-kmamar tal-ikel u tal-uffiċċji, użati minn xi 500 ħaddiem. Xogħol għal kollox differenti minn dak li kelli qabel bħala inġinier (…). Biex inħobb lil dawn il-ħaddiema, nieħu ħsieb li l-kmamar tal-ikel ikunu dejjem nodfa u li kollox ikun f’postu. Madankollu, dejjem issib lil min ma jagħtix każ tal-indafa (…). Ma tliftx il-paċenzja għax għalija din hi opportunità biex inħobb lil Ġesù f’kull min niltaqa’ miegħu. Ftit ftit, dawn in-nies bdew huma wkoll inaddfu wara li jkunu kielu u mbagħad biż-żmien sirna ħbieb u bdejt niġi stmat u afdat (…). Għamilt l-esperjenza li l-imħabba tittieħed u dak li jsir b’imħabba jibqa.”[3]

Letizia Magri u t-team tal-Kelma tal-ħajja

[1] At 20, 35.

[2] C. Lubich Kelma tal-Ħajja Ottubru 2006, fil-ktieb Kliem il-Ħajja ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017) pġ. 792-793.

Aħbarijiet, Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta' Ġunju 2023
Next Post: Living the charism of unity today

More Related Articles

Traduzzjoni pendenti Aħbarijiet
Kelma tal-Ħajja ta' Novembru 2024 Kelma tal-Ħajja
Komunjoni u Missjoni Aħbarijiet
Anthony Patrick Vella: Art as a Collective Expression Aħbarijiet
[:mt]Stejjer ta’ min qed jieħu ħsieb[:en]Caring Heroes[:] Aħbarijiet
[:mt]Kelma tal-Ħajja – Jannar 2019[:en]Word of Life – January 2019[:gb]Word of Life – January 2019[:] Kelma tal-Ħajja

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Kelma tal-Ħajja

  • Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    “L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi” (Rm 13, 10).

Segwina fuq Instagram

Kotba

  • Here and Now

    Here and Now

    July 30, 2026
  • Tnedija ta' ktieb: "Paradiso ‘49"

    Tnedija ta' ktieb: "Paradiso ‘49"

    July 3, 2026
  • Kotba ġodda: "Ngħixu l-Kelma"

    Kotba ġodda: "Ngħixu l-Kelma"

    November 24, 2023
  • Conference Calls

    Conference Calls

    February 1, 2023

Focolare News updates

Safeguarding

Safeguarding measures worldwide
Listening Points / safe space discussions
Guidelines and reports: Protection of minors and vulnerable persons

Data policies

  • Id-Data Policies ta’ dan is-sit huma l-istess bħal dawk tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
  • The Data Policies of this website conform to those of the Catholic Archdiocese of Malta.

Safeguarding measures

Safeguarding - Prevention of abuse - Listening points/safe space discussions

Media

  • Press Releases
  • New City Press (UK)
  • Living City (NY)
  • Collegamento CH

Siti ta’ interess

  • Focolare International Site
  • Great Britain
  • Ireland
  • Philippines
  • USA & Canada
  • United World Project
  • New Families

Recent Posts

  • Video update on forum in Jerusalem

    Video update on forum in Jerusalem

    September 8, 2026
  • Margaret Karram tipparteċipa fil-forum "Within Your Gates" f'Ġerusalemm

    Margaret Karram tipparteċipa fil-forum "Within Your Gates" f'Ġerusalemm

    September 7, 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    August 31, 2026
  • Kala: kontribut kbir lid-djalogu interreliġjuż

    Kala: kontribut kbir lid-djalogu interreliġjuż

    August 15, 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari.

Powered by PressBook Blog WordPress theme