Skip to content
  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
  • Email
Moviment tal-Fokolari

Moviment tal-Fokolari

Malta

  • Home
  • Min aħna
  • Chiara Lubich
  • Kelma tal-Ħajja
  • Attivita’
    • Families
    • Tfal
    • Żgħażagħ
    • Teens
  • Djalogi
  • Media
  • Kuntatti
  • Malti Malti
    • English English
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta' Lulju 2019

Posted on July 1, 2019September 23, 2026 By Website Editor No Comments on Kelma tal-Ħajja ta' Lulju 2019

Download pdf


“B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10, 8).

Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu din l-istedina qawwija li Ġesù għamel lil ħbiebu, lill-“mibgħutin tiegħu”. Hu kien iltaqa’ ma’ nies li kienu jħossuhom mitlufin u qed ibatu. Tħassarhom, u ried li permezz tal-appostli, ikompli jkattar il-ħidma tiegħu ta’ salvazzjoni, fejqan u ħelsien. L-appostli għexu madwar Ġesù, semgħu kliemu u rċevew missjoni li saret l-iskop ta’ ħajjithom. Għalhekk bdew il-mixja biex ikunu xhieda tal-imħabba li Alla għandu għal kull bniedem.

“B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.”

Imma dawn x’kienu rċevew “b’xejn” li setgħu jagħtuh lil ħaddieħor? L-appostli kienu ħassew il-ħniena t’Alla tidħol f’ħajjithom permezz tal-kliem li semgħu mingħand Ġesù, ta’ dak kollu li għamel, tal-għażliet tiegħu u ta’ ħajtu kollha. Minkejja d-dgħufija u l-limiti tagħhom, huma rċevew il-Liġi ġdida tal-imħabba lejn xulxin. Fuq kollox, ġew mogħtija d-don li Alla jrid jagħti `l kull bniedem: tahom lilu nnifsu, mexa magħhom fit-toroq ta’ ħajjithom, tahom id-dawl biex jagħmlu l-għażliet tagħhom. Dawn huma doni imprezzabbli; huma ħafna aktar minn dak li nistgħu nagħtu aħna biex inpattu għalihom; tassew huma rigali “mogħtija lilna b’xejn”. Dawn huma doni li ngħataw lill-appostli u lill-insara kollha biex imbagħad ikunu jistgħu jwassluhom `il dawk kollha li jiltaqgħu magħhom jum wara l-ieħor.

“B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.”

Fl-2006, Chiara Lubich kitbet hekk: “Fil-Vanġelu, Ġesù jistedinna nagħtu: nagħtu lill-foqra, lil min jitlobna xi ħaġa, lil min hu fil-bżonn. Hu jridna nitimgħu `l min hu bil-ġuħ, inlibbsu `l min jitlobna l-ilbies; iridna nagħtu b’xejn u mingħajr ma nistennew xejn… Hu kien l-ewwel wieħed li għamel hekk: ta s-saħħa lill-morda, il-maħfra lill-midinbin, ta l-ħajja lilna lkoll. Jekk ngħixu l-ġenerożità nkunu nistgħu nrażżnu l-egoiżmu tagħna; jekk inkunu attenti għall-ħtiġiet tal-oħrajn, ma nibqgħux naħsbu biss fil-bżonnijiet tagħna. B’hekk, minflok ma tikber il-kultura tal-ħtif talġid, tikber il-kultura tal-qsim tal-ġid […]. Il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar tgħinna nerġgħu niskopru l-valur ta’ kull ħaġa li nagħmlu: fid-dar, fl-għalqa, fuq il-post tax-xogħol, l-iskola, u f’kull ħidma ta’ responsabiltà fil-qasam ċivili, politiku u reliġjuż. Kollox jista’ jinbidel f’servizz attent u mimli ħeġġa. L-imħabba tagħtina għajnejn ġodda biex nagħrfu l-bżonnijiet tal-oħrajn u ngħinuhom bl-aħjar mod li nistgħu. Xi jkun ir-riżultat ta’ dan kollu? Joktor ittqassim tal-ġid, għax l-imħabba ġġib magħha aktar imħabba. U jiżdied ukoll il-ferħ għax ‘Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu’ (Atti 20, 35)” (1).

“B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.”

Eżattament kif tirrakkonta Vergence, tifla mill-Kongo: “Jiena u sejra l-iskola kelli ħafna ġuħ. Fit-triq iltqajt maz-ziju, li tani xi flus biex nixtri sendwiċ, imma ftit aktar ‘il quddiem ilmaħt raġel fqir ħafna. Mill-ewwel ġieni f’moħħi li nagħtih il-flus li kont qlajt, iżda ħabibti li kienet miegħi qaltli biex inżomm il-flus u naħseb għalija nnifsi! Bejni u bejn ruħi għidt: għada jien ikolli xi ħaġa x’niekol, imma dak miskin? Għalhekk qbadt il-flus li kont qlajt u tajthomlu, u wara tgħidx kemm ħassejtni ferħana!”.

“B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.”

Il-loġika ta’ Ġesù u tal-Vanġelu tissuġġerixxi li għandna dejjem naqsmu mal-oħrajn dak li nirċievu, u li qatt m’għandna nżommuh għalina biss. Din hi stedina biex nagħrfu aħna x’irċevejna: enerġija, talenti, ħiliet, ġid materjali, u mbagħad biex naqsmu dan kollu maloħrajn. Din il-loġika tisboq sew il-loġika tas-suq, tal-konsumiżmu u tal-individwaliżmu, u twassalna biex naqsmu l-ġid tagħna mal-oħrajn, biex ngħixu bħal aħwa u noħolqu kultura ġdida. L-esperjenza tgħallimna li meta nħobbu ‘l-oħrajn bla ma nistennew xejn lura, inkunu qed nagħtu eżempju li jkaxkar, b’konsegwenzi pożittivi mhux mistennija li jinfirxu u jħallu l-marka tagħhom anki fis-soċjetà.

Hekk ġara fil-Filippini, b’inizjattiva li bdiet fl-1983. Kien żmien meta s-sitwazzjoni politika u soċjali tal-pajjiż kienet diffiċli ħafna u bosta kienu impenjati biex tinstab soluzzjoni pożittiva. Grupp ta’ żgħażagħ iddeċidew li jagħtu sehemhom b’mod oriġinali: fetħu l-armarji tagħhom u ħarġu minnhom dak li ma kellhomx aktar bżonnu. Biegħu dan kollu fis-suq tal-affarijiet użati u bil-ftit flus li daħħlu taw bidu għal ċentru soċjali li semmewh Bukas Palad, li fil-lingwa tagħhom tfisser: “B’Idejn Miftuħa”. Huma kienu ispirati mill-kliem tal-Vanġelu: “B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10, 8), li sar il-motto f’din l-inizjattiva tagħhom.

Kien hemm ukoll xi tobba li ngħaqdu magħhom u offrew is-servizz professjonali tagħhom b’xejn, kif ukoll ħafna oħrajn li fetħu qalbhom, dirgħajhom u l-bibien ta’ djarhom. Hekk twieldet u żviluppat azzjoni soċjali mill-aktar wiesa’ b’risq l-ifqar fost il-fqar, li għadha toffri s-servizzi tagħha f’ħafna bliet tal-Filippini. Tul dawn is-snin dan il-proġett laħaq ilmira importanti tiegħu u qed ikompli jissaħħaħ: dawk li għalihom twaqqaf dan il-proġett qed ikunu huma stess li jagħtu sehemhom għall-ħelsien mill-faqar.

Tant hu hekk li huma jħossu li sabu mill-ġdid id-dinjità tagħhom u qed jibnu rabtiet ta’ stima u solidarjetà. Bl-eżempju u l-impenn tagħhom, qed jgħinu `l ħafna nies oħra joħorġu mill-faqar u jerfgħu r-responsabiltà ta’ ħajja ġdida għalihom u għall-familji tagħhom, għallpostijiet u l-komunitajiet fejn jgħixu u għad-dinja kollha. (2)

Letizia Magri

1. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2006, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5, Città Nuova, Roma, 2017) pp. 791-793.
2. http://bukaspaladfoundation.org

 

Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu
Next Post: Mariapoli għall-kontinent tal-Ewropa

More Related Articles

Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2020 Kelma tal-Ħajja
Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2024 Kelma tal-Ħajja
Kelma tal-Ħajja ta' Diċembru 2023 Kelma tal-Ħajja

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Stedina lir-Rappreżentanti tal-Għaqdiet u l-Movimenti

Laqgħa tal-Komunità

Kelma tal-Ħajja

  • Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    “L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi” (Rm 13, 10).

Segwina fuq Instagram

Kotba

  • Here and Now

    Here and Now

    July 30, 2026
  • Tnedija ta' ktieb: "Paradiso ‘49"

    Tnedija ta' ktieb: "Paradiso ‘49"

    July 3, 2026
  • Kotba ġodda: "Ngħixu l-Kelma"

    Kotba ġodda: "Ngħixu l-Kelma"

    November 24, 2023
  • Conference Calls

    Conference Calls

    February 1, 2023

Focolare News updates

Safeguarding

Safeguarding measures worldwide
Listening Points / safe space discussions
Guidelines and reports: Protection of minors and vulnerable persons

Data policies

  • Id-Data Policies ta’ dan is-sit huma l-istess bħal dawk tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
  • The Data Policies of this website conform to those of the Catholic Archdiocese of Malta.

Safeguarding measures

Safeguarding - Prevention of abuse - Listening points/safe space discussions

Media

  • Press Releases
  • New City Press (UK)
  • Living City (NY)
  • Collegamento CH

Social Media links

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
  • Email

Siti ta’ interess

  • Focolare International Site
  • Great Britain
  • Ireland
  • Philippines
  • USA & Canada
  • United World Project
  • New Families

Żidiet reċenti

  • Papa Ljun: "Kunu xhieda ta’ għaqda kapaċi tibni paċi dejjiema"

    Papa Ljun: "Kunu xhieda ta’ għaqda kapaċi tibni paċi dejjiema"

    September 15, 2026
  • Video update on forum in Jerusalem

    Video update on forum in Jerusalem

    September 8, 2026
  • Margaret Karram tipparteċipa fil-forum "Within Your Gates" f'Ġerusalemm

    Margaret Karram tipparteċipa fil-forum "Within Your Gates" f'Ġerusalemm

    September 7, 2026
  • Kala: kontribut kbir lid-djalogu interreliġjuż

    Kala: kontribut kbir lid-djalogu interreliġjuż

    August 15, 2026

Copyright © 2026 Focolare Movement Malta | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)