Skip to content
  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
  • Email
Moviment tal-Fokolari

Moviment tal-Fokolari

Malta

  • Home
  • Min aħna
  • Chiara Lubich
  • Kelma tal-Ħajja
  • Attivita’
    • Families
    • Tfal
    • Żgħażagħ
    • Teens
  • Djalogi
  • Media
  • Kuntatti
  • Malti Malti
    • English English
  • Toggle search form

Il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu

Posted on June 28, 2019September 23, 2026 By Website Editor No Comments on Il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu

Is-Sibt, 8 ta’ Ġunju, Maria Voce, il-President tal-Moviment tal-Fokolari kienet mistiedna tieħu sehem fil-konferenza internazzjonali tal-Moviment Tiġdid Kariżmatiku. Din il-Konferenza kienet organizzata minn CHARIS, is-Servizz Internazzjonali tat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku, servizz ġdid li twaqqaf mis-Santa Sede, mid-Dikasteru għal-Lajċi, għall-Familja u għall-Ħajja,  li beda din l-attivita’ tiegħu fil-ġurnata ta’ Pentekoste. Fid-diskors tagħha, Maria Voce tkellmet dwar l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-Moviment tal-Fokolari. Silta  mid-diskors ta’ Maria Voce.

Għeżież ħbieb,

L-Ispirtu s-Santu dejjem kellu rwol importanti fl-istorja tagħna. Chiara Lubich, il-fundatriċi u l-ewwel president tal-Moviment tal-Fokolari dejjem saħqet li l-Ispirtu s-Santu  hu “:l-Imgħallem tagħna”, “il-key player fl-istorja tagħna”, “dak li tana l-kariżma”.

L-Ispirtu s-Santu hu dak li dejjem dawwalna, iggwidana u ssapportjana biex ngħixu  dak li aħna nsejħulu “l-Ideal”, u biex inxerrduh dan l-Ideal, li hu Alla li aħna skoprejnieh u niskopruh il-ħin kollu fl-ispiritwalita’ tal-unita’. Dan hu Ideal li bid-dawl li joħroġ minnu jqanqalna  ngħixu kuljum avventura divina, unika u mill-isbaħ, li hi dejjem ġdida.

Fil-bidu tal-istorja tagħna – fl-erbgħinijiet u l-ħamsinijiet – żgur li ma konniex konxji mir-rwol tal-Ispirtu s-Santu. Għal numru ta’ snin l-Ispirtu s-Santu ma ssemmiex, la Hu u lanqas ħidmietu  fil-Moviment, għax hekk ried Hu stess. Kif qalet Chiara fil-Konferenza tat-Tiġdid Kariżmatika tal-2003: “Bil-paċenzja kollha hu żamm pass lura. F’ċertu sens sparixxa, xejjen lilu nnifsu u hekk tana lezzjoni kbira li ma ninsewha qatt. Hu, li hu l-Imħabba in persona għallimna xinhi l-imħabba: għallimna li tħobb tfisser  tgħix għall-oħrajn, tagħti prominenza lill-oħrajn”.

B’danakollu, sa mill-ewwel żmenijiet, insibu s-sinjal silenzjuż, imma  ħaj u attiv, tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-punti differenti tal-ispirtwalita’ tal-unita’ li bdew jissawru bil-mod il-mod. Biżżejjed naħsbu fuq l-esperjenza li Chiara għexet matul it-tieni gwerra dinjija meta “f’kantina mudlama” kienet tkun qed tistkenn mill-bombi, tiftaħ il-Vanġelu u  tħoss li kull paġna  kienet tiddawwal b’dawl ġdid. L-Ispirtu s-Santu  kien qed juriha li l-kliem li Ġesu’ qal elfejn sena ilu hu Kliem ta’ ħajja li nistgħu ngħixuh dejjem, u li jgħodd għal kull żmien u għal kull sitwazzjoni. Waħda mill-ġebliet tax-xewka tal-ispiritwalita’ tagħna hi l-imħabba lejn il-Kelma t’Alla – li nippruvaw ngħixuha xahar wara l-ieħor biex nevanġelizzaw ruħna mill-ġdid il-ħin kollu.

Chiara għexet esperjenza mistika partikulari matul is-sajf tal-1949; kien vjaġġ li matulu l-Ispirtu s-Santu kien is-sieħeb silenzjuż tagħha u ta “realtajiet  ta’ sbuħija infinita” biex tgħixhom kuljum. Kien propju f’dan iż-żmien meta fehmet li l-Ispirtu s-Santu, it-Tielet Persuna tat-Trinita’ Qaddisa  hu “ n-nifs ta’ Ġesu’,  is-Sħana kollha ta’ Mħabbtu,  Ħajtu”;  meta fehmet li hu dik “l-arja tal-Ġenna”  li  “tfawwar il-Ġenna kollha kemm hi”.

Kien żmien meta l-Ispirtu s-Santu  wassalha  wkoll biex tifhem b’mod ġdid lil Marija, xi ħaġa li kellha tkun deċiżiva fl-iżvilupp tal-kariżma u tal-kostituzzjoni stess tal-Opra. Aktar ‘l quddiem il-Moviment  kien mogħti l-isem ta’ Opra ta’ Marija.

Fil-vjaġġ spiritwali tagħha, Chiara dejjem ħeġġet lil dawk li mxew warajha biex ikunu “studenti dejjem attenti għal dan l-Imgħallem kbir”,  attenti għall-preżenza delikata u misterjuża tiegħu. Dejjem ħeġġitna biex ma nħallu qatt l-ispirazzjonijiet tiegħu jintilfu.

U hekk saret parti minn ħajjitna li nippruvaw “nisimgħu dik l-vuċi”, jiġifieri nisimgħu l-leħen tal-Ispirtu li jgħammar fina, “vuċi” li titkellem tgħajjat,  tispirana u tmexxina, jekk aħna npoġġu  lilna nfusna f’attitudni ta’ mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu; “vuċi” li tgħinna nwasslu r-rivoluzzjoni tal-Vanġelu fid-dinja.

Waħda mill-effetti li jġib miegħu l-Ispirtu s-Santu,  hi  dik l-atmosfera frott tal-għaqda   li tiġġenera ruħha meta jkun hemm il-preżenza ta’ Kristu Rxoxt f’nofsna. (ara Mt 18:20).  Nagħmlu esperjenza ta’ din l-atmosfera fil-komunitajiet tagħna, fiċ-ċittadelli u fil-laqgħat kbar jew żgħar tagħna.

Iżda Ġesu’ jkun f’nofsna jekk aħna ninħabbu bejnietna  b’dik l-imħabba li jagħtina l-kejl tagħha Hu: “ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”.  U għalhekk jeħtieġ inħarsu lejh fuq is-salib, lejH li ġarrab l-abbandun, u nagħrfuh u nħobbuh fit-tbatijiet kollha li niltaqgħu magħhom u nxejnu lilna nfusna bħalma għamel hu.

“Ġesu’ abbandunat hu x-xejn,  l-imħabba wasslitu sa dak il-punt li jagħti kollox , hu dak li punt li minnu tgħaddi biss is-Sempliċita’, jiġifieri Alla li hu mħabba. L-Imħabba biss tippenetra….”.  Hekk nistgħu nħallu lil Ġesu’ Rxoxt jgħix fina u Ġesu’ Roxt iġib miegħu l-Ispirtu s-Santu.

U naraw li meta Ġesu’ jkun f’nofsna, il-vuċi tal-Ispirtu s-Santu tkun aktar qawwija, bħal qisu tasal għandna permezz ta’ “loudspeaker”.

Barra minn hekk, aħna nitolbu għall-preżenza tal-Ispirtu s-Santu b’talba tipika tagħna li nsejħulha “consenserint”. Nagħmlu din it-talba fid-dawl tal-kliem ta’ Ġesu’ “Ngħidilkom li jekk tnejn minnkom fuq l-art igħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-Smewwiet jagħtihielhom” (Mt 18,19). Meta nagħmlu din it-talba, aħna  nduru lejn il-Missier u nafdaw f’idejh il-ħtiġijiet tagħna. Kemm grazzji ta’ kull xorta qlajna b’dan il-mod!

L-esperjenza turina  li l-Ispirtu s-Santu jidħol fil-ħajja u fl-istorja ta’ kull bniedem. Hu jġedded  lil kull bniedem mhux biss f’affarijiet żgħar imma fir-realta’ kollha  tal-ħajja  tiegħu għax irid li jwassal lill-bnedmin kollha għall-milja tal-pjan li Alla għandu għall-umanita’  u għall-univers. L-esperjenza għallmitna  li meta nibnu r-relazzjonijiet  ta’ bejnietna  fuq  dik  l- imħabba li tixbaħ lil dik tat-Trinita’ qaddisa, id-dinja tassew tkun tista’ tinbidel; tkun tista’ sseħħ bidla fil-qasam politiku, ekonomiku, kulturali, artistiku, fl-edukazzjoni u l-bqija. Chiara kienet tgħid: “Inħoss li jien ġejt maħluqa biex inkun don għal kull persuna li niltaqa’ magħha  u kull persuna li niltaqa’ magħha  ġiet maħluqa biex tkun don għalija; bħalma l-Missier fit-Trinita’ jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu lill-Iben u l-Iben jagħti lilu nnifsu  kollu kemm hu  lill-Missier. Hekk, ir-rabta ta’ bejnietna tkun l-Ispirtu s-Santu,  l-istess rabta li teżisti bejn il-Persuni tat-Trinita”.

Aħna konvinti li lkoll kemm aħna, kbar u żgħar nistgħu nġorru fina l-Ispirtu s-Santu:  hekk id-divin jiddi mhux biss fil-Knisja, imma wkoll aktar ‘l barra minnha, fid-dinja li ġiet fdata lilna. Aħna msejħin biex nirrakkmaw “disinji ta’ dawl” kulfejn inkunu, u biex nagħtu s-sehem tagħna fid-dinja ta’ madwarna, ħalli flimkien insibu t-tifsira vera tal-vjaġġ li qed nagħmlu.

Nixtieq intemm b’ħolma li kellha Chiara, li hi fdata kollha kemm hi lill-Ispirtu s-Santu; din hi ħolma tiegħi wkoll u naħseb li anki tagħkom: “Noħlom li l-Ispirtu s-Santu jkompli jgħani ‘l-Knisja u jsaħħaħ “iż-żerriegħa tal-Verb” sabiex id-dinja tkun tista’ tkompli tirċievi dawl ġdid, ħajja u ħidma ġdida li Hu biss jista’ jagħtiha, u biex  numru dejjem akbar ta’ rġiel u nisa jkunu jistgħu jimxu f’dawk it-trejqat kollha li jwasslu għand Dak li ħalaqhom u jpoġġu qlubhom għad-dispożizzjoni tiegħu”.

Aħbarijiet Tags:L-Ispirtu s-Santu, moviment tal-fokolari, movimenti laici

Post navigation

Previous Post: Chiara Lubich: “Generating Peace”
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta' Lulju 2019

More Related Articles

Which profit has the greatest value? Aħbarijiet
“Ara jiena fil-bieb u qiegħed inħabbat” Aħbarijiet
Eli Folonari temmet il-vjaġġ tagħha fuq din l-art Aħbarijiet

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Stedina lir-Rappreżentanti tal-Għaqdiet u l-Movimenti

Laqgħa tal-Komunità

Kelma tal-Ħajja

  • Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    “L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi” (Rm 13, 10).

Segwina fuq Instagram

Kotba

  • Here and Now

    Here and Now

    July 30, 2026
  • Tnedija ta' ktieb: "Paradiso ‘49"

    Tnedija ta' ktieb: "Paradiso ‘49"

    July 3, 2026
  • Kotba ġodda: "Ngħixu l-Kelma"

    Kotba ġodda: "Ngħixu l-Kelma"

    November 24, 2023
  • Conference Calls

    Conference Calls

    February 1, 2023

Focolare News updates

Safeguarding

Safeguarding measures worldwide
Listening Points / safe space discussions
Guidelines and reports: Protection of minors and vulnerable persons

Data policies

  • Id-Data Policies ta’ dan is-sit huma l-istess bħal dawk tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
  • The Data Policies of this website conform to those of the Catholic Archdiocese of Malta.

Safeguarding measures

Safeguarding - Prevention of abuse - Listening points/safe space discussions

Media

  • Press Releases
  • New City Press (UK)
  • Living City (NY)
  • Collegamento CH

Social Media links

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
  • Email

Siti ta’ interess

  • Focolare International Site
  • Great Britain
  • Ireland
  • Philippines
  • USA & Canada
  • United World Project
  • New Families

Żidiet reċenti

  • Papa Ljun: "Kunu xhieda ta’ għaqda kapaċi tibni paċi dejjiema"

    Papa Ljun: "Kunu xhieda ta’ għaqda kapaċi tibni paċi dejjiema"

    September 15, 2026
  • Video update on forum in Jerusalem

    Video update on forum in Jerusalem

    September 8, 2026
  • Margaret Karram tipparteċipa fil-forum "Within Your Gates" f'Ġerusalemm

    Margaret Karram tipparteċipa fil-forum "Within Your Gates" f'Ġerusalemm

    September 7, 2026
  • Kala: kontribut kbir lid-djalogu interreliġjuż

    Kala: kontribut kbir lid-djalogu interreliġjuż

    August 15, 2026

Copyright © 2026 Focolare Movement Malta | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)