Skip to content
  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
  • Email
Moviment tal-Fokolari

Moviment tal-Fokolari

Malta

  • Home
  • Min aħna
  • Chiara Lubich
  • Kelma tal-Ħajja
  • Attivita’
    • Mariapoli: “Il-Belt ta’ Marija”
    • Families
    • Tfal
    • Żgħażagħ
    • Teens
  • Djalogi
  • Media
  • Kuntatti
  • Malti Malti
    • English English
  • Toggle search form

Kelma tal-ħajja ta' Marzu 2019

Posted on March 1, 2019September 17, 2026 By Website Editor No Comments on Kelma tal-ħajja ta' Marzu 2019

Download pdf


“Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6,36).

Skont San Luqa, wara li Ġesù ħabbar il-beatitudnijiet lid-dixxipli tiegħu, hu għamel stedina rivoluzzjonarja: talabna nħobbu `l kull bniedem bħallikieku kien ħuna, ukoll jekk dan ikun għadu tagħna.

Ġesù jaf tajjeb għalfejn qed jitlob dan minna u jgħidilna li aħna aħwa ta’ xulxin għax għandna Missier wieħed, li dejjem ifittex lil uliedu.

Hu jrid jidħol f’rabta magħna, iridna nkunu nies responsabbli, imma fl-istess ħin imħabbtu tieħu ħsiebna, tfejjaqna u titmagħna. Hu jġib ruħu magħna bħal omm b’qalb mimlija ħniena u għożża.

Il-ħniena t’Alla titfa’ ħarsitha fuq kull bniedem, bid-dgħufijiet kollha tiegħu. Mhux talli hekk, talli Hu jippreferi `l dawk imwarrbin mis-soċjetà, lil dawk li ħadd ma jridhom.

Il-ħniena hi mħabba li timla l-qlub u mbagħad tinfirex fuq l-oħrajn, kemm fuq il-ġirien kif ukoll fuq il-barranin, fuq is-soċjetà ta’ madwarna.

Aħna nistgħu nixbhu `l Alla fil-kwalitajiet tiegħu għax aħna wliedu; nistgħu nkunu nies li jħobbu, li jilqgħu lill-oħrajn u li jistennew il-waqt opportun biex nersqu lejn l-oħrajn.

“ĦENNU, BĦALMA HU ĦANIN MISSIERKOM.”

Sfortunatament, fil-ħajja personali u soċjali tagħna, qed ngħixu dejjem aktar f’sitwazzjonijiet ta’ mibegħda, ta’ għira, suspett, ta’ ġudizzju u biża’ minn xulxin. Hemm nies li jżommu f’qalbhom u jeħduha kontra l-oħrajn u hekk jinqalgħu tilwim u gwerer.

Bħala nsara, aħna nistgħu nagħtu xhieda billi neħduha kontra dan kollu: irridu ninħelsu minna nfusna u minn dak li jikkundizzjonana. Irridu nibnu mill-ġdid dawk ir-rabtiet li jkunu xxellfu jew tfarrku fil-familji tagħna, fuq il-post tax-xogħol, fil-komunitajiet parrokkjali u fil­partiti politiċi.

Jekk weġġgħajna `l xi ħadd, għandna nimtlew bil-kuraġġ u nitolbu maħfra biex nerġgħu naqbdu t-triq flimkien. Din hija azzjoni ta’ dinjità mill-aktar kbira.

U jekk hemm xi ħadd li tassew weġġagħna, għandna nagħmlu l-ħila u naħfrulu; nagħtuh post f’qalbna biex hu jkun jista’ jħoss li l-ferita fieqet.

Imma xinhi l-maħfra?

“Il-maħfra mhix li tinsa […] mhijiex nuqqas ta’ ħila, […] ma jfissirx li dak li hu gravi tgħid li mhuwiex,  jew dak li hu ħażin tgħid li hu tajjeb, […] il-maħfra mhix indifferenza. Il-maħfra hi att ta’ volontà li bih tara ċar dak li ġara. Għaldaqstant hi att ta’ libertà li bih tilqa’ `l ħuk kif inhu, minkejja d-deni li jkun għamillek; tilqgħu kif Alla jilqa’ lilna midinbin, minkejja d-difetti kollha tagħna. Il-maħfra tfisser li ma tpattix offiża b’offiża oħra, imma li tagħmel dak li jgħid San Pawl: ‘Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb’1 ”2 .

Irridu nkunu lesti nagħmlu dan, sabiex niftħu qalbna għall-oħrajn. Din hi xi ħaġa li rridu nikbru fiha kuljum, billi nagħrfu dejjem aktar li aħna wlied Alla. Hi fuq kollox grazzja minn Alla l-Missier, don li nistgħu u fi dmirna li nitolbhuhielu.

“ĦENNU, BĦALMA HU ĦANIN MISSIERKOM.”

Tfajla mill-Filippini tirrakkonta: “Meta qatlu `l missieri kelli biss ħdax-il sena; ma saritx ġustizzja dwar dan il-qtil għax aħna konna fqar. Meta kbirt, studjajt biex insir avukata għax xtaqt li ssir ġustizzja, iżda Alla kellu pjan ieħor għalija. Waħda li taħdem miegħi stednitni għal laqgħa li ssir għal min irid jimpenja ruħu biex jgħix il-Vanġelu bis-serjetà. U hekk bdejt nagħmel jien ukoll.

Darba tlabt `il Ġesù jgħallimni x’għandi nagħmel biex ngħix tassew il-Kelma tiegħu: “Ħobbu ‘l-għedewwa tagħkom”3 , għax kont għadni nħoss ġewwa fija mibegħda lejn dawk li qatlu `l missieri. L-għada, fuq il-post tax-xogħol, iltqajt mal-kap ta’ dak il-grupp. Jien sellimtlu bi tbissima u staqsejtu kif kienet il-familja tiegħu. Din it-tislima ħasditu, u jiena nħsadt aktar minnu b’dak li kont għamilt.

Ftit ftit il-mibegħda li kont inħoss ġo fija bdiet tgħib u bdiet tinbidel f’imħabba. Iżda dak kien għadu biss l-ewwel pass: l-imħabba hi krejattiva! Ħsibt li kellna naħfru `l kull membru tal­grupp. Mort insibhom flimkien ma’ ħija, biex nibnu rabta ġdida magħhom u nkunu xhieda tal-imħabba t’Alla lejhom! Wieħed minnhom talabna naħfrulu għal dak li kien għamel u qalilna nitolbu għalih u għall-familja tiegħu”.

Letizia Magri

1: Ara Rm 12, 21.

2: Ara C. Lubich, Costruire sulla roccia, Città Nuova, Ruma 1993, p.56.

3: Ara Mt 5, 44; Lq 6, 27.


Share:
FacebookWhatsAppEmailCopy
Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Lill-għedewwa tagħna wkoll
Next Post: Irridu nagħtu spazju biex tidħol il-maħfra

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Beatification ceremony – Fr Silvano Cola

Laqgħat tal-Fokolari

Moviment Familji Ġodda – Picnic

Recent Posts

  • Beatification Cause for Fr Silvano Cola officially opened

    Beatification Cause for Fr Silvano Cola officially opened

    November 7, 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2026

    Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2026

    November 1, 2026
  • Inġibu ruħna ta’ familja

    Inġibu ruħna ta’ familja

    October 26, 2026
  • Palermo hosts Mediterranean conference to build bridges of fraternity

    Palermo hosts Mediterranean conference to build bridges of fraternity

    October 13, 2026
  • Margaret Karram's message to the "Mediterranean Without Borders" gathering

    Margaret Karram's message to the "Mediterranean Without Borders" gathering

    October 11, 2026

Segwina fuq Instagram

Focolare News updates

Data policies

  • Id-Data Policies ta’ dan is-sit huma l-istess bħal dawk tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
  • The Data Policies of this website conform to those of the Catholic Archdiocese of Malta.

Safeguarding measures

  • Providing a safe environment
  • Listening points/safe space discussions
  • Guidelines and reports

Media

  • Press Releases
  • New City Press (UK)
  • Living City (NY)
  • Collegamento CH

Siti ta’ interess

  • Focolare International Site
  • Great Britain
  • Ireland
  • Philippines
  • USA & Canada
  • New Families

Copyright © 2026 Focolare Movement Malta | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Privacy Settings

This site uses cookies and similar technologies. You can accept, deny, or customise non-essential categories. This tool helps manage consent choices; it is not legal advice.

Essential
Statistics
Functional
Marketing
Powered by ConsentBase | PAPEPO