Skip to content
  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
Moviment tal-Fokolari

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Min aħna
  • Chiara Lubich
  • Kelma tal-Ħajja
  • Djalogi
  • Media
  • Kuntatti
  • Malti Malti
    • English English
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta' Awwissu 2026

Posted on July 30, 2026August 17, 2026 By Website Editor No Comments on Kelma tal-Ħajja ta' Awwissu 2026

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1, 46).

Fl-ewwel kapitlu tal-Vanġelu ta’ Luqa nsibu l-unika paġna tat-Testment il-Ġdid li fiha l-protagonisti huma żewġ nisa, Marija u Eliżabetta. Eliżabetta kienet toqgħod ġo raħal qrib Ġerusalem, li jinsab madwar 150 kilometru ‘l bogħod minn Nazzaret. Wara li ngħatat l-aħbar li kienet se ssir omm Ġesù (Lq 1, 26-38), Marija telqet malajr minn darha. Ma nafux id-dettalji ta’ dan il-vjaġġ, nafu biss li marret tħaffef lejn l-għoljiet. U x’marret tagħmel hemm?

Marija marret biex taqsam il-ferħ tagħha ma’ persuna li, l-istess bħalma ġara lilha, kienet irċeviet mingħand Alla l-grazzja li tistenna t-twelid ta’ iben; marret biex tkun qrib tagħha f’dawn ix-xhur ta’ stennija. Din hi l-istorja ta’ żewġ nisa, ta’ żewġ tqaliet impossibbli. Min aħjar minnha seta’ jifhem sew u jaqsam magħha din l-esperjenza? Minn hawn tinbet l-għanja tal-Magnificat.

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.”

Fil-kumment tiegħu dwar il-Magnificat Martin Luteru kiteb hekk: “Kliemha jesprimi mħabba kbira u ferħ. Dan juri li Marija ma qalitx: Jien infaħħar lil Alla, imma qalet ruħi tfaħħru; bħallikieku riedet tgħid: il-ħajja kollha tiegħi u s-sensi tiegħi huma mwieżna mill-imħabba t’Alla […]”(1).

Il-kelma “tfaħħar”, tkabbar, turi sens ta’ ferħ imqanqal mill-għarfien li Alla hu akbar minn kif konna nimmaġinawh. Dan il-ferħ ġej minn umiltà profonda u sens ta’ ħajr mill-aktar kbir.

Kif jisħaq Ermes Ronchi, “il-Magnificat hu l-vanġelu ta’ Marija, l-aħbar sabiħa tagħha li tilħaq lil kull nisel”. Għal għaxar darbiet, din it-tfajla minn Nazzaret ittenni: “Hu għamel …”(2), bħallikieku qishom għaxar kmandamenti ġodda li jaqilbu ta’ taħt fuq il-mod kif taħsibha d-dinja.

Jagħtina li nistaqsu jekk żammejniex dak is-sens ta’ stagħġib u ta’ talb fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, quddiem dak li Alla għamel u jkompli jagħmel magħna. Jekk ma nkunux miftuħin għal affarijiet ġodda u nagħrfu nistagħġbu, il-fidi ssir talba għajjiena li ftit ftit tintefa u ssir biss drawwa soċjali (3).

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.”

L-għanja ta’ Marija mhijiex sempliċiment talba ta’ tifħir tar-ruħ tagħna, imma tifħir profetiku, li fih niftakru fi ġrajjiet mill-Kotba Mqaddsa (4), li juru t-triq tal-istorja skont il-qalb ta’ Alla. Li nfaħħruh ifisser li npoġġu lilna nfusna maċ-ċkejknin, li nemmnu li d-dinja tista’ u għandha tinbidel.

Kliem dan l-innu jistedinna nifhmu kemm Alla l-feddej jidħol fl-istorja personali u komunitarja tagħna. Hu jaħdem b’mod differenti minn dak li ngħixu f’ħajjitna u dak li qed jiġri fid-dinja. Jaħdem fil-mument preżenti sakemm għad jaslu smewwiet ġodda u art ġdida. Din hi r-rivoluzzjoni soċjali tal-Vanġelu.

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.”

Dan il-kliem jistieden lilna wkoll biex ħajjitna nagħmluha tifħir ħaj, biex kuljum nagħrfu “l-ħwejjeġ kbar” li Alla jagħmel magħna, biex ngħaqqdu leħinna ma’ leħen Marija biex nistqarru li Alla hu fidil magħna, li l-ħniena tiegħu tinfirex minn nisel għal nisel, u li s-saltna tiegħu ta’ ġustizzja u mħabba ġa qed isseħħ fostna.

Chiara Lubich fehmet sew din id-dimensjoni rivoluzzjonarja tal-Innu ta’ Marija meta liż-żgħażagħ kitbitilhom hekk: “Aqraw il-Magnificat u fih issibu l-ewwel u l-aktar paġna qawwija tad-duttrina soċjali tal-Knisja. Min se jwettaqha, u meta se sseħħ kollha kemm hi?”(5).

Din il-mistoqsija għadha miftuħa u tmiss lilna wkoll. L-intervent ta’ Alla ma jridx jibqa’ magħluq fl-intimità ta’ qalbna, imma jeħtieġ li jintwera fir-rabtiet ta’ bejnietna, fil-ħajja ta’ kuljum, fil-ħajja tal-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.

Patrizia Mazzola
u il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

REFERENZI

    1. Martin Lutero, Commento al Magnificat, 1520, https://www.associazionealec.it/wpcontent/uploads/2017/09/1.3-Lutero-testo-commentomagnificat.pdf.
    2. Ermes Ronchi, Magnificat, una finestra aperta sul futuro, Avvenire, 12 ta’ Awwissu 2021.
    3. Ara. Papa Francesco, Angelus, Pjazza San Pietru, Ruma, 4 ta’ Lulju 2021.
    4. Ara. Gérard Rossé, Il Vangelo di Luca, Città Nuova, 1992, pġ.69.
    5. Detti Gen, Città Nuova, Ruma 1969, pġ.57 (4a ed. 1974).

Kelma tal-Ħajja Tags:Kelma tal-ħajja

Post navigation

Previous Post: Fabio Ciardi: "L-isbaħ ritratt ta’ Chiara"
Next Post: Here and Now

More Related Articles

Kelma tal-Ħajja ta' Marzu 2026 Kelma tal-Ħajja
Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2024 Kelma tal-Ħajja
Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2022 Kelma tal-Ħajja
Kelma tal-Ħajja ta' Ġunju 2024 Kelma tal-Ħajja
Kelma tal-Ħajja ta' April 2025 Kelma tal-Ħajja
Kelma tal-Ħajja ta' Marzu 2023 Kelma tal-Ħajja

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Kelma tal-Ħajja

  • Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    “L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi” (Rm 13, 10).

Segwina fuq Instagram

Kotba

  • Here and Now

    Here and Now

    July 30, 2026
  • Tnedija ta' ktieb: "Paradiso ‘49"

    Tnedija ta' ktieb: "Paradiso ‘49"

    July 3, 2026
  • Kotba ġodda: "Ngħixu l-Kelma"

    Kotba ġodda: "Ngħixu l-Kelma"

    November 24, 2023
  • Conference Calls

    Conference Calls

    February 1, 2023

Focolare News updates

Safeguarding

Safeguarding measures worldwide
Listening Points / safe space discussions
Guidelines and reports: Protection of minors and vulnerable persons

Data policies

  • Id-Data Policies ta’ dan is-sit huma l-istess bħal dawk tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
  • The Data Policies of this website conform to those of the Catholic Archdiocese of Malta.

Safeguarding measures

Safeguarding - Prevention of abuse - Listening points/safe space discussions

Media

  • Press Releases
  • New City Press (UK)
  • Living City (NY)
  • Collegamento CH

Siti ta’ interess

  • Focolare International Site
  • Great Britain
  • Ireland
  • Philippines
  • USA & Canada
  • United World Project
  • New Families

Recent Posts

  • Video update on forum in Jerusalem

    Video update on forum in Jerusalem

    September 8, 2026
  • Margaret Karram tipparteċipa fil-forum "Within Your Gates" f'Ġerusalemm

    Margaret Karram tipparteċipa fil-forum "Within Your Gates" f'Ġerusalemm

    September 7, 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    Kelma tal-Ħajja ta' Settembru 2026

    August 31, 2026
  • Kala: kontribut kbir lid-djalogu interreliġjuż

    Kala: kontribut kbir lid-djalogu interreliġjuż

    August 15, 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari.

Powered by PressBook Blog WordPress theme