Fr Fabio Ciardi O.M.I. jaqsam xi riflessjonijiet personali fuq iċ-ċelebrazzjonijiet li saru din is-sena biex ifakkru s-16 ta’ Lulju ’49
Il-gazzetta Nazzjonali Kattolika Taljana, “Avvenire”, ippublikat artiklu sħiħ dwar iċ-ċelebrazzjoni li saret fi Fiera di Primiero, l-Italja biex tfakkar l-anniversarju tas-16 ta’ Lulju 1949 . Il-Kunsill lokali ta’ dan il-post offra l-premju internazzjonali “Tonadico, Belt tal-Patt”; li ġie mogħti lil Gerhard Pross, wieħed mill-fundaturi ta’ “Flimkien għall-Ewropa”. Il-familja tal-Moviment tal-Fokolari tfakkar dan l-anniversarju fid-dinja kollha. U għal darb’oħra tirrakkonta l-istorja ta’ dik ir-rabta qawwija li ma tinqeridx, u li permezz tagħha Ġesù fl-Ewkaristija għaqqad għal dejjem lil Chiara u lil Foco (Igino Giordani), u ftit wara anki lill-ewwel focolarini, u mbagħad lil ħafna oħrajn. Hekk il-patt ta’ Chiara ma’ Foco nfirex mad-dinja kollha.
L-artiklu f’din il-gazzetta nkiteb mill-ġurnalista Carla Cotignoli u fih hemm ritratt mill-isbaħ ta’ Chiara, li hu l-istess wieħed li jien għażilt għall-qoxra tal-ktieb tiegħi Lacrime e Stelle (Dmugħ u Kwiekeb). Chiara, li tidher radjanti f’dan ir-ritratt, kienet tinsab f’Baita Segantini, u fl-isfond jidhru l-muntanji ta’ Pale di San Martino. Dan ir-ritratt mimli dawl, li kien meħud fl-1951, jesprimi d-dawl li ħareġ matul dawk is-sjuf tal-“Ġenna” li seħħew bejn Lulju 1949 u Ottubru 1951. Hu wkoll ritratt “korali” fejn Chiara tidher mdawra mill-ewwel ħbieb li ssieħbu magħha u mxew warajha, u li kważi jikkonferma li din l-esperjenza ma kinitx ta’ persuna mistika waħidha, imma ta’ grupp sħiħ li aħna wkoll, jekk irridu, nistgħu nsiru parti minnu.
Jien iċċelebrajt dan l-anniversarju f’Loppiano, fejn kont mistieden nitkellem. Kien mument sabiħ fejn stajt infakkar fl-ewwel Mariapoli li saret fl-ewwel “Mariapoli permanenti”, il-post li jżomm ħaj il-wirt tal-bidu. L-udjenza li kelli quddiemi kienet tassew varjata: kien hemm min għex u jista’ jagħti xhieda tal-ewwel żmenijiet u żgħażagħ li ma jafu xejn dwar l-1949; kien hemm familji ġejjien mill-erbat irkejjen tad-dinja. Filfatt, waqt li kont qed nitkellem kien hemm bżonn li ssir traduzzjoni b’sitt ilsna differenti.

Għalfejn nirrakkuntaw l-istejjer tal-familja? Għax dan hu l-isbaħ mod kif tissaħħaħ l-għaqda tal-familja. Ommi kienet tirrakkuntalna dwar meta missieri mar għand missierha biex jitlob li jiżżewwiġha. “Ma nistgħux nagħtuk dota,” qal in-nannu, għax il-familja tiegħu kienet waħda modesta ħafna. U missieri wieġeb: “Jien ma rridx dota; irrid lil Rosanna”. U ommi stqarret magħna l-ferħ sieket li ħasset meta semgħet dawk il-kliem!
Tgħiduli: għalfejn bdejt bi storja tal-familja? Biex infakkru fil-valur tal-istejjer tal-familja, iżda fuq kollox biex nintroduċu s-suġġett u l-kelma “dota”, li ħafna żgħażagħ ma jafu xejn dwarha. Għalhekk irrakkuntajt l-istorja ta’ żwieġ, biex naslu għat-“tieġ mistiku” fejn il-Kelma tiżżewweġ mar-Ruħ – b’ittra kapitali, għax ma kinitx “ruħ” waħda, iżda “grupp” ta’ erwieħ! Dan ma seħħx fis-16 ta’ Lulju, iżda l-għada… Iva, seħħ fil-jum tas-17 ta’ Lulju 1949, meta l-Kelma żżewġet lir-Ruħ f’tieġ mistiku, proprju kif ġara ħafna drabi matul l-istorja tal-Knisja; biss din id-darba l-għarusa hija l-Knisja, l-għaqda ta’ ħafna erwieħ.
Imbagħad, kif kienet id-drawwa fl-imgħoddi, jibda l-vjaġġ tal-honeymoon. Smajna bl-espressjoni “tivvjaġġa l-Ġenna”. Ktibt ktieb dwar dan! Wieħed ma jivvjaġġax “fil”-Ġenna, iżda “jivvjaġġa l-Ġenna”; jiġifieri, jidħol fiha u jgħix kull realtà li hemm fiha, filwaqt li jħalliha tittrasformah. Dan il-vjaġġ hu tassew “honeymoon”. Chiara kellha l-impressjoni li l-Għarus kien qiegħed idaħħalha fir-realtajiet tas-Sema, u bħala l-għarusa tiegħu kien qed juriha dak li issa kien tagħha, u ppermettilha tara l-Ġenna b’għajnejh stess.
“Għarus mill-aktar ħelu tiegħi,” nisimgħuha tgħid, “is-Sema hu sabiħ wisq u Int, bħala Maħbub divin, wara t-Tieġ Mistiku… urini l-ġid Tiegħek, li huwa tiegħi.” Għal xhur sħaħ, l-Għarus wera lill-għarusa dak li issa kien tagħha; wassalha biex tara l-Ġenna b’għajnejh stess. Kif kitbet hi, l-għarusa “tħobb, tara u tixtieq dak li l-Għarus iħobb, jara u jixtieq.”
Iżda, hemm ukoll il-famuża dota! X’dota jġib l-Għarus għall-għarusa? Ma jġib xejn inqas mill- “Ġenna kollha kemm hi”. Hu jurihielha u jagħtihielha. Iżda anki l-għarusa trid iġġib dota għall-Għarus tagħha. U hu għandu t-talba tiegħu! U bħala dota ma jitlob xejn inqas mill-ħolqien kollu. Din hi stedina biex nidħlu fid-dinja tax-xogħol, dik tal-politika, tal-ħajja soċjali u tal-ħajja tal-familja, u biex indaħħluhom b’mod sħiħ fir-realtà tagħna ta’ kuljum.
Mistiċiżmu li mhuwiex vag u li għandu x’jaqsam biss jew jiffoka biss fuq is-Sema… mistiċiżmu li jidħol fir-realtajiet ta’ din l-art, iħaddanhom u jittrasformahom.
Nerġa’ nħares lejn dak ir-ritratt radjanti tal-1951, u jidhirli li qed nara s-Sema tinżel u ssib postha fuq l-art.
Fr Fabio Ciardi O.M.I.
Sors: fabiociardi.blogspot.com
Il-verżjoni bl-Ingliż ġiet ppubblikata fuq is-sit Focolare Ireland
https://focolareireland.org/2026/07/22/fr-fabios-reflections-on-this-years-16th-july/
Traduzzjoni bil-Malti: Vivienne Attard

Malti
English
Add Comment