Kelma tal-Ħajja

Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (Ġw 20, 21-22).

F’jum l-Għid filgħodu, Ġesù li qam mill-mewt deher lil Marija ta’ Magdala u filgħaxija stess deher għall-ewwel darba lid-dixxipli tiegħu. Kif rawh imtlew kollhom ferħ u paċi kbira, dik il-paċi vera li hu biss jaf jagħti (1): “Is-sliem għalikom” (vers: 21). Il-ferħ u s-sliem huma frott tal-Ispirtu (2). Fil-fatt minnufih Ġesù qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (vers: 22).

“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom”.
Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.”

L-Ispirtu s-Santu mhux biss ta l-ħila lid-dixxipli biex jibdew iwettqu l-istess missjoni li l-Missier kien ta lil Ġesù, imma “ħalaqhom mill-ġdid”, għamilhom bnedmin ġodda. Kristu li qam mill-mewt nefaħ fuqhom, l-istess kif għamel il-Ħallieq meta sawwar lill-bniedem mit-trab tal-art u nefaħ f’imnifsejh (3). Kif l-imħabba tal-Missier tibqa’ dejjem tagħti l-ħajja lill-ħolqien kollu, l-istess jagħmel Kristu wara l-qawmien mill-mewt: hu jsostni lill-bnedmin kollha biex bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu huma jkomplu l-mixja tagħhom lejn is-Saltna.

Il-Kelma tal-Ħajja ta’ dan ix-xahar tfakkarna li għandna possibbiltà kbira fil-ħajja tagħna: “aħna nistgħu insiru Kristu ieħor”. Dan hu veru għal kull wieħed u waħda minna, imma aktar u aktar għalina lkoll bħala komunità waħda. Ġesù kellem lid-dixxipli fil-plural; fil-fatt, aħna nistgħu inkunu l-ġisem mistiku ta’ Kristu biss meta nkunu l-membri kollha flimkien.

“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom”.
Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.”

Mela, bħala wlied fl-Iben, aħna għandna l-istess vokazzjoni ta’ Ġesù. Aħna ħriġna minn ħdan il-Missier u msejħin biex nerġgħu lura għandu, filwaqt li aħna rridu nwettqu dak li għamel u qal Ġesù akkumpanjati mill-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. Jekk ninfetħu għal dan id-don, aħna wkoll nistgħu nistqarru ma’ Pawlu: “Ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu”(4).

Għalhekk, din il-Kelma qed tistedinna biex ninżlu fil-fond tar-rabta tagħna mal-Ispirtu s-Santu, kemm fit-talb kif ukoll fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Tistedinna nisimgħu “dak il-leħen”, u niftakru li: “mingħajr l-Ispirtu s-Santu, Alla jibqa’ ‘l bogħod minna, Kristu jibqa’ xi ħaġa tal-imgħoddi, il-Vanġelu jkun kliem bla ħajja, il-Knisja ssir sempliċi organizzazzjoni, il-missjoni tkun biss propaganda. Imma bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu l-ħolqien jintrefa’ ‘l fuq (…) u Kristu Rxoxt ikun preżenti magħna, il-Vanġelu jkun qawwa li tagħti l-ħajja, il-Knisja tkun tfisser komunjoni trinitarja, il-missjoni ssir l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu” (5).

“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom”.
Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.”

Andrea, żagħżugħ li kien għaddej minn kriżi kbira tal-ħajja, kellu dubji fuq is-sens tal-ħajja u biża’ mill-futur tiegħu. Kien iħares lejn id-dgħufijiet tiegħu bħala muntanji għolja wisq biex jitlagħhom u spiss kien iħossu bla ħila u mdejjaq. Xi ħadd kien issuġġerielu biex jitkellem ma’ Chiara Lubich. Ftit qabel ma ltaqa’ magħha, Andrea sema’ lil Chiara tlissen minn taħt l-ilsien il-kelma: “Spirtu s-Santu”, u fehem li Chiara dak il-ħin kienet qiegħda titlob.

Huwa u jkellimha ħass li hi kienet qed tifhmu, tisimgħu u tilqgħu kif inhu. U reġa’ sab il-paċi: mhux għax il-problemi tiegħu kienu għabu għalkollox, imma għax kien sab persuna li seta’ jaqsamhom magħha.

Snin wara stqarr: “Chiara ma tagħtnix biss mod konkret, imma għallmitni stil ġdid ta’ ħajja: li jersaq qrib min ikun qed ibati, b’mod delikat u li jifhem bla ma jiġġudika, eżattament kif kien jagħmel Ġesù”.

Dan jista’ jwettqu biss l-Ispirtu s-Santu, jekk aħna nilqgħuh u nħalluh jaħdem fina.

Claudio Cianfaglioni
u il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

1. Ara Ġw 14, 27.
2. “Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, il-hena, is-sliem, is-sabar…” (Gal 5, 22).
3. Ara Ġen 2, 7.
4. Gal 2, 20.
5. Injazju, metropolita di Laodicea, Assemblea ġenerali tal-Kunsill ekumeniku tal-Knejjes, 5 ta’ Lulju 1968, li semmieh Papa Franġisku flOmelija tal-festa ta’ Pentekoste, 31 ta’ Mejju 2020.

Add Comment

Click here to post a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.