Chiara Lubich twieldet fi Trento, fl-Italja ta’ Fuq, fit-22 ta’ Jannar 1920. Ġiet mgħammda bl-isem ta’ Silvia; ħadet l-isem Chiara meta bħala membru tat-Terż Ordni Franġiskan tant kienet milquta mill-għażla t’Alla li għamlet Chiara t’ Assisi.
It-tieni gwerra dinjija kienet fl-aqwa tagħha meta hi għamlet esperjenza qawwija ta’ Alla Mħabba; qasmitha mal-ewwel ħbieb tagħha u flimkien għażlu lil Alla bħala “l-ideal” ta’ ħajjithom.
Kien fis-7 ta’ Diċembru 1943, meta ż-żagħżugħa Lubich tat lilha nnifsha b’mod sħiħ lil Alla b’vot tal-kastita’. Tfajliet oħra bdew isegwuha u madwarhom bdiet tifforma ruħha komunita’ li minnha twieled il-Moviment tal-Fokolari, li llum jinsab f’182 nazzjon u jħaddan fih nies ta’ kull eta’, minn kull qasam tal-ħajja, ta’ kultura u twemmin differenti.
Chiara Lubich hi meqjusa bħala waħda mill-figuri kariżmatiċi kbar ta’ żminijietna. Hi magħrufa għall-ħidma kbira li wettqet biex nies minn Knejjes differenti, ta’ reliġjonijiet differenti u anki oħrajn li m’għandhom ebda twemmin reliġjuż jagħrfu lil xulxin bħal aħwa u jagħtu s-sehem tagħhom għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. Matul ħajjitha, hi bniet rabtiet mill-qrib mhux biss ma’ ħafna minn dawk li għażlu li jsegwuha fit-triq tal-unita’, imma wkoll ma’ Papiet, mexxejja ta’ Knejjes u reliġjonijiet, ma’ fundaturi ta’ Movimenti, ma’ diversi personalitijiet fil-ħajja ċivili u politika.
L-ispirtu tal-Moviment, li Chiara Lubich kienet il-president tiegħu sakemm damet ħajja, jipproponi stil ġdid ta’ ħajja anki fl-oqsma ċivili, ekonomiċi u politiċi. U hi rċeviet bosta rikonoxximenti minn diversi istituzzjonijiet akkademiċi internazzjonli għas-sehem f’dawn l-oqsma; fosthom anki lawrja h.c. mill-Universita’ ta’ Malta.
Chiara temmet il-vjaġġ tagħha fuq din l-art fl-14 ta’ Marzu 2008. Fl-2015 bdiet il-kawża tal-beatifikazzjoni tagħha. Hi ħalliet wirt kbir li għadu qed ikun ta’ ispirazzjoni mhux biss għall-familja tal-Moviment tal-Fokolari mxerrda mad-dinja kollha, imma wkoll għal ħafna u ħafna oħrajn.
Programm fuq ir-radju, fis-sensiela Ilkoll Ħaġa Waħda: “Min hi Chiara Lubich? X’kien ir-rwol tagħha fil-Knisja u fis-soċjetà?” Ippreżentat minn Chris Mallia u Sonia Camilleri. Mistiedna: Chiara Tedesco