Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“It-truf kollha tal-art jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna” (Is 52, 10).
Meta l-poplu ta’ Iżrael kellu jitlaq eżiljat lejn il-Babilonja, tilef kollox: l-art, is-sultan u anki t-tempju fejn kien imur iqim lil dak Alla li kien ħarġu mill-art tal-Eġittu. Iżda l-leħen ta’ profeta wassallu aħbar tal-għaġeb: kien wasal iż-żmien li jerġa’ lura lejn daru. Għal darb’oħra, Alla kien ser jidħol bil-qawwa tiegħu biex imexxi lill-Iżraeliti fid-deżert u jwassalhom Ġerusalemm, u l-ġnus kollha tal-art kellhom ikunu xhieda ta’ din il-ġrajja.
“It-truf kollha tal-art jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”
L-aħbarijiet li nisimgħu llum huma mimlija ġrajjiet li jallarmawna: nies li qed jitilfu x-xogħol, is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità, l-iżjed iż-żgħażagħ, li qed jirriskjaw il-ġejjieni tagħhom minħabba gwerer u faqar kawża ta’ bidliet fil-klima; popli bla art, bla paċi u bla ħelsien. Din ix-xena traġika fuq skala dinjija qed tħallina bla nifs u tpoġġi quddiemna xefaq mudlam.
Min ser isalvana mill-qerda ta’ dak kollu li nemmnu li hu tagħna? Ma jidher li hemm ebda tama. Iżda l-aħbar tal-profeta tgħodd għalina wkoll.
“It-truf kollha tal-art jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”
Il-kelma tal-profeta turina li Alla jaħdem fl-istorja personali u kollettiva tagħna, u tistedinna niftħu għajnejna biex naraw is-sinjali ta’ dan il-pjan ta’ salvazzjoni. Fil-fatt, il-ħidma t’Alla ġa qed isseħħ permezz tal-ħeġġa edukattiva tal-għalliema, bl-onestà tan-negozjanti, bil-ħidma retta tal-amministraturi, bil-fedeltà bejn tnejn miżżewġin, fit-tgħanniqa ta’ tifel, bil-qalb tenera tal- infermiera, bil-paċenzja tan-nanniet, bil-kuraġġ ta’ rġiel u nisa li jeħduha kontra l-kriminalità b’mod paċifiku, bil-mod kif komunità tkun lesta li tiftaħ il-bibien tagħha.
“It-truf kollha tal-art jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”
Il-Milied qed joqrob. U meta nħarsu lejn l-innoċenza kbira tat-Tarbija Ġesù, għal darb’oħra nilmħu s-sinjal tal-preżenza mimlija sabar u ħniena t’Alla fl-istorja tal-bniedem, li aħna nistgħu nkunu xhieda tagħha bl-għażliet li nagħmlu biex immorru kontra l-kurrent.
“(…) F’dinja bħal tagħna fejn nisimgħu ħafna dwar gwerer u ġlied, fejn issaltan il-liġi ta’ min hu b’saħħtu, ta’ min moħħu jilħaqlu u m’għandu ebda skruplu, u fejn il-materjaliżmu u l-egoiżmu jidhru li qed jipparalizzaw kollox, it-tweġiba hi l-imħabba tal-proxxmu. Din hi l-mediċina li tista’ tfejjaq lid-dinja tagħna (…). Hi bħal mewġa ta’ sħana divina li tinfirex filwaqt li tippenetra fir-rabtiet bejn persuna u oħra, bejn grupp u ieħor, u bil-mod il-mod iġġib bidla fis-soċjetà”[1].
Dan hu l-mument fejn aħna wkoll nistgħu nibdew il-mixja bħalma għamel il-poplu ta’ Iżrael; hi okkażżjoni f’waqtha biex nagħmlu pass deċiżiv ʹil quddiem lejn dawk kollha – żgħażagħ u anzjani, fqar u immigranti, nies bla xogħol u bla saqaf fuq rashom, morda u ħabsin – li qed jistennew ġest ta’ għożża u qrubija, xhieda li Alla jgħammar fostna bl-imħabba tiegħu li tħalli l-frott.
Jekk irridu nwasslu din l-aħbar ta’ tama, żgur li llum irridu mmorru lil hinn minn dawk il-ħitan li jifirdu pajjiż minn ieħor u li spiss ifissru t-tbatija li ġġib magħha l-gwerra, iżda hemm ukoll firdiet kulturali u eżistenzjali. Barra minn hekk, hemm ukoll is-sehem attiv tal-komunitajiet li toħloq il-midja soċjali, li spiss insibu fihom iż-żgħażagħ u li permezz tagħhom nistgħu negħlbu l-aggressività, is-solitudni u l-emarġinazzjoni. Kif kiteb Henri Boukoulou, poeta mill-Kongo: “(…) Oh, tama divina! Fl-ilfieq iddisprat tar-riħ qed jinkitbu l-ewwel versi tal-isbaħ poeżija ta’ mħabba. U dak li qed nittamaw illum se jseħħ għada!”[2].
Letizia Magri
il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja
[1] C. Lubich, Kelma tal-Ħajja, Mejju 1985, – Kliem ta’ Ħajja, miġbur minn Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma, 2017, pġ. 323-324.
[2] Cf. AA. VV. Poeti Afrikani Anti-Apartheid, vol. 1, Edizzjoni dell’Arco, Milan, 2003.


English