Kelma tal-Ħajja

Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2026

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Qumu, la tibżgħux” (Mt 17, 7).

 Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni, u tellagħhom fuq muntanja għolja; hemmhekk huma raw il-glorja tal-Imgħallem, u semgħu leħen il-Missier jistqarr li Ġesù hu Ibnu. Din kienet esperjenza tal-għaġeb fejn Alla ppermetta li dawn il-ħlejjaq tiegħu jagħrfuh fil-ġmiel tiegħu. Id-dixxipli tant beżgħu li waqgħu mal-art, iżda Ġesù messhom u qalilhom:

“Qumu, la tibżgħux.”

“Qumu” hu l-verb li spiss insibuh fil-Vanġelu biex jagħmel referenza għall-Qawmien ta’ Kristu. U wara li Kristu Rxoxt sellem lin-nisa li marru jfittxuh fil-qabar vojt, l-ewwel ħaġa li qalilhom kienet: “tibżgħux”[1]. Għalhekk, dan il-kliem ċar u qawwi li Ġesù qal lid-dixxipli f’din l-okkażjoni kien stedina deċiżiva għal ħajja ġdida, li huma setgħu jagħmlu esperjenza tagħha għax hu kien “messhom”.

Xi drabi, aħna wkoll inħossuna idejna marbuta u mtaqqla minħabba l-biżgħat tagħna, minħabba t-tiġrib tal-ħajja u s-sitwazzjonijiet li ma nkunux nistgħu nsibu tarfhom. Iżda jekk irridu nsibu mill-ġdid l-entużjażmu biex nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, ma nistgħux inserrħu biss fuq il-forzi tagħna; irridu nserrħu fuq il-grazzja t’Alla li dejjem hi hemm għalina.

“Hemm xi ħadd li ma għaddiex mill-provi tal-ħajja? Il-provi jaslu taħt uċuħ differenti: falliment, faqar, dipressjoni, dubju, tentazzjoni […]; u barra minn hekk, aħna qed ngħixu f’soċjetà materjalista u individwalista, f’dinja fejn ma jonqsux il-gwerer, il-vjolenza u l-inġustizzji. Quddiem dan kollu jista’ jidħol id-dubju u nistaqsu: imma l-imħabba t’Alla fejn hi? […] Ġesù jidħol f’kull sitwazzjoni ta’ tbatija; hu ħa fuqu t-tiġrib kollu li ngħaddu minnu […] Hu l-Imħabba, u l-imħabba tkeċċi l-biża’. Kull darba li l-biża’ jaħkimna jew li t-tbatija toħnoqna, aħna nistgħu nagħrfu r-realtà li hemm moħbija f’dak li nkunu qed inġarrbu: Ġesù jinsab hemm […] Mela, ejjew inħalluh jidħol f’ħajjitna; u nkomplu ngħixu dak li Alla jitlob minna billi nintefgħu nħobbu ‘l-proxxmu tagħna. Hekk inkunu nistgħu niskopru li Ġesù hu dejjem Imħabba, u nkunu nistgħu ngħidulu dak li qalulu d-dixxipli: «Int tassew l-Iben t’Alla!” (Mt 14, 33)[2].   

“Qumu, la tibżgħux.”

Meta fil-ħajja tagħna niltaqgħu ma’ Alla bis-serjetà, il-preżenza tiegħu ssaħħarna, u l-Kelma tiegħu tmissna u tfejjaqna. Spiss, ix-xhieda tal-komunità nisranija takkumpanjana f’din l-avventura divina u tagħtina l-kuraġġ inqumu fuq saqajna, noħorġu minna nfusna u nerġgħu nibdew il-mixja tagħna ma’ Ġesù u mal-oħrajn.

Żagħżugħa mis-Sirja li qasmet l-esperjenza tagħha, qalet hekk:

“Fl-aħħar tas-sena l-oħra, pajjiżi kien għaddej minn mument iebes ħafna; fil-belt fejn noqgħod jien kien hemm mewġa kbira ta’ rvellijiet u biża’. Kont ninkwieta ħafna minħabba l-familja, il-ħbieb u anki minħabba fija stess. Iżda minkejja dak kollu li kien qed jiġri u li ħadd ma jaf kif u fejn ser nispiċċaw, fittixt li nibqa’ nemmen u ngħix b’mod sħiħ it-tama tiegħi f’Alla. Qabel ma nibtet din is-sitwazzjoni, flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ li nagħmlu ħilitna biex ngħixu l-Vanġelu, konna bdejna nippjanaw kif ser ngħinu lil xi familji fil-bżonn billi nagħtuhom affarijiet tal-ikel u nagħmlu inizjattivi oħra.

Iżda għal xi żmien bilfors kellna nwaqqfu kull attività minħabba s-sitwazzjoni fil-pajjiż. Meta rnexxielna nerġgħu niltaqgħu, sibna l-forza u l-kuraġġ f’xulxin, u ddeċidejna li m’għandniex ninħakmu mill-biża’, imma li npoġġu l-fiduċja tagħna f’Ġesù u nkomplu bil-mixja li konna bdejna. Grazzi għal din il-ħajja ta’ fidi li ngħixu flimkien, irnexxielna ngħinu aktar minn 40 familja li kienu tassew fil-bżonn tal-għajnuna. Minkejja d-diffikultajiet kollha, grazzi għall-imħabba t’Alla u għall-għaqda ta’ bejnietna, stajna nagħmlu ftit tad-differenza fil-ħajja”.

“Qumu, la tibżgħux.

Wara li nkunu tlajna ma’ Ġesù fuq il-muntanja biex niltaqgħu ma’ Alla u nisimgħu leħnu, imbagħad inkunu nistgħu ninżlu wkoll minn hemm fuq miegħu sabiex  “[…] nerġgħu lura lejn il-wita fejn niltaqgħu ma’ ħutna l-bnedmin imtaqqla bl-għejja, il-mard, l-inġustizzji, l-injoranza, il-faqar materjali u spiritwali”[3].

 Letizia Magri u il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

[1] Mt 28, 10; cf, 28, 5
[2] C. Lubich, Kelma tal-Ħajja Awwissu 2002, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma, 2017, pġ. 664-665
[3] Ara Papa Franġisku, Angelus 16 ta’ Marzu 2014
[4] Ibid.

Add Comment

Click here to post a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.