Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
Temmnu inti dan?” (Ġw 11, 26).
Erbat ijiem wara l-mewt ta’ Lażżru, Ġesù rħielha lejn Betanja. Kif saret taf b’dan, Marta oħt Lażżru, imtliet bit-tama u telqet tiġri biex tiltaqa’ miegħu. Il-Vanġelu jgħid li Ġesù kien iħobb ħafna kemm lilha, kif ukoll lil ħutha Marija u Lażżru[1]. Għalkemm kienet imnikkta għall-aħħar, Marta wriet lil Ġesù li kellha fiduċja sħiħa fih, ċerta illi kieku kien hemm hu, ħuha ma kienx se jmut. Imma wkoll issa, dak kollu li hu jitlob lil Alla żgur li kien jagħtihulu. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum” (Ġw 11, 23).
“Temmnu inti dan?”
Ġesù fissrilhom li Lażżru kien se jqum dak il-ħin stess, u mhux fl-aħħar jum. Hu qal lil Marta biex temmen fi kliemu, jiġifieri fil-miraklu li jagħmel ma’ kull min jemmen li Hu jista’ jagħtih ħajja ġdida u l-qawmien mill-mewt. Minflok il-kelma miraklu, San Ġwann juża l-kelma: “sinjal”. “Jien hu l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11, 25), stqarr Ġesù. Issa l-fidi li talabha hi rabta personali miegħu, rabta kollha ħeġġa. Li temmen ma jfissirx taċċetta kuntratt li tiffirmah darba u mbagħad ma tħarisx lejh aktar, imma l-fidi hi ġrajja li tibdel u timla ʹl ħajjitna.
“Temmnu inti dan?”
Ġesù jistedinna ngħixu ħajja ġdida kulfejn inkunu. Jistedinna nagħmlu l-esperjenza tagħha kull ġurnata għax nafu li, kif skoprejna fil-Milied, kien hu stess li ġabilna din il-ħajja meta ġie jgħammar fostna u kien hu li ġie jfittixna l-ewwel. Issa kif se nwieġbu għal din il-mistoqsija? Ejjew inħarsu lejn Marta, oħt Lażżru. Hi u titkellem ma’ Ġesù stqarret il-fidi sħiħa fih. Kif insibu fl-oriġinal Grieg tal-Vanġelu, il-kliem “jiena nemmen” li qalet hi, ifisser “wasalt biex nemmen”, “nemmen b’fidi sħiħa” li “inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla li ġie fid-dinja”[2]. Din hi konvinzjoni li mmaturat biż-żmien, imsaħħa biċ-ċirkustanzi li ltaqgħet magħhom f’ħajjitha.
Il-Mulej qed idur fuqi u jagħmilli l-istess mistoqsija. Jitlob lili wkoll li jkolli fiduċja sħiħa fih, u fil-mod kif għex hu li kellu mħabba kbira u konkreta lejn kulħadd. Il-perseveranza tgħinni nimmatura fil-fidi tiegħi li tissaħħaħ meta nagħraf kemm hu veru kliem Ġesù li ngħix fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, u li ma jonqosx li juri ruħu fl-imġiba tiegħi mal-oħrajn. Aħna wkoll nitolbu t-talba tal-appostli li għamlu lil Ġesù: “Kattar fina l-fidi” (Lq 17, 6).
“Temmnu inti dan?”
Patricia, omm mill-Amerika t’Isfel tgħid hekk: “Waħda minn uliedi bniet sfat bla xogħol, hi u sħabha kollha għax il-gvern kien għalaq l-aġenzija fejn kienu jaħdmu. Bħala protesta, marru jikkampjaw quddiem il-bini ta’ din l-aġenzija. Jiena fittixt li nkun ta’ għajnuna għalihom u ħadt sehem f’xi attivitajiet tagħhom. Kont neħdilhom x’jieklu u noqgħod nitkellem magħhom.
Nhar il-Ħamis ix-Xirka, numru ta’ qassisin li kienu qed jgħinuhom, iddeċidew li jagħmlu ċelebrazzjoni li fiha offrew ħinijiet ta’ smigħ, ta’ qari tal-Vanġelu u sar il-ħasil tar-riġlejn, b’tifkira ta’ dak li kien għamel Ġesù. Il-maġġoranza ta’ dawk preżenti ma kinux nies ta’ fidi. Madankollu, kien mument ta’ għaqda profonda, ta’ fraternità u tama. Ħassewhom bħallikieku maħbubin u rringrazzjaw lil dawk is-saċerdoti li marru ħdejhom u mxew magħhom f’dan il-mument ta’ inċertezza u tbatija”.
Din il-Kelma ta’ Ġesù ntagħżlet bħala gwida għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-għaqda tal-Insara ta’ din is-sena. Ejjew mela nitolbu u nagħmlu ħilitna kollha biex it-twemmin tagħna jkun mezz biex inkunu lkoll aħwa ta’ xulxin. Din hi x-xewqa ta’ Alla għall-bnedmin, imma jeħtieġ li nagħtu lkoll sehemna. It-talb u l-ħidma tagħna jagħtu l-frott jekk inserrħu fuq din il-fiduċja tagħna f’Alla u fuq dak kollu li nagħmlu.
Silvano Malini u t-team tal-Kelma tal-Ħajja
[1] Ġw 11, 5.
[2] Ġw 11, 27.
Be the first to comment