Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1, 46).
Fl-ewwel kapitlu tal-Vanġelu ta’ Luqa nsibu l-unika paġna tat-Testment il-Ġdid li fiha l-protagonisti huma żewġ nisa, Marija u Eliżabetta. Eliżabetta kienet toqgħod ġo raħal qrib Ġerusalem, li jinsab madwar 150 kilometru ‘l bogħod minn Nazzaret. Wara li ngħatat l-aħbar li kienet se ssir omm Ġesù (Lq 1, 26-38), Marija telqet malajr minn darha. Ma nafux id-dettalji ta’ dan il-vjaġġ, nafu biss li marret tħaffef lejn l-għoljiet. U x’marret tagħmel hemm?
Marija marret biex taqsam il-ferħ tagħha ma’ persuna li, l-istess bħalma ġara lilha, kienet irċeviet mingħand Alla l-grazzja li tistenna t-twelid ta’ iben; marret biex tkun qrib tagħha f’dawn ix-xhur ta’ stennija. Din hi l-istorja ta’ żewġ nisa, ta’ żewġ tqaliet impossibbli. Min aħjar minnha seta’ jifhem sew u jaqsam magħha din l-esperjenza? Minn hawn tinbet l-għanja tal-Magnificat.
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.”
Fil-kumment tiegħu dwar il-Magnificat Martin Luteru kiteb hekk: “Kliemha jesprimi mħabba kbira u ferħ. Dan juri li Marija ma qalitx: Jien infaħħar lil Alla, imma qalet ruħi tfaħħru; bħallikieku riedet tgħid: il-ħajja kollha tiegħi u s-sensi tiegħi huma mwieżna mill-imħabba t’Alla […]”(1).
Il-kelma “tfaħħar”, tkabbar, turi sens ta’ ferħ imqanqal mill-għarfien li Alla hu akbar minn kif konna nimmaġinawh. Dan il-ferħ ġej minn umiltà profonda u sens ta’ ħajr mill-aktar kbir.
Kif jisħaq Ermes Ronchi, “il-Magnificat hu l-vanġelu ta’ Marija, l-aħbar sabiħa tagħha li tilħaq lil kull nisel”. Għal għaxar darbiet, din it-tfajla minn Nazzaret ittenni: “Hu għamel …”(2), bħallikieku qishom għaxar kmandamenti ġodda li jaqilbu ta’ taħt fuq il-mod kif taħsibha d-dinja.
Jagħtina li nistaqsu jekk żammejniex dak is-sens ta’ stagħġib u ta’ talb fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, quddiem dak li Alla għamel u jkompli jagħmel magħna. Jekk ma nkunux miftuħin għal affarijiet ġodda u nagħrfu nistagħġbu, il-fidi ssir talba għajjiena li ftit ftit tintefa u ssir biss drawwa soċjali (3).
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.”
L-għanja ta’ Marija mhijiex sempliċiment talba ta’ tifħir tar-ruħ tagħna, imma tifħir profetiku, li fih niftakru fi ġrajjiet mill-Kotba Mqaddsa (4), li juru t-triq tal-istorja skont il-qalb ta’ Alla. Li nfaħħruh ifisser li npoġġu lilna nfusna maċ-ċkejknin, li nemmnu li d-dinja tista’ u għandha tinbidel.
Kliem dan l-innu jistedinna nifhmu kemm Alla l-feddej jidħol fl-istorja personali u komunitarja tagħna. Hu jaħdem b’mod differenti minn dak li ngħixu f’ħajjitna u dak li qed jiġri fid-dinja. Jaħdem fil-mument preżenti sakemm għad jaslu smewwiet ġodda u art ġdida. Din hi r-rivoluzzjoni soċjali tal-Vanġelu.
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.”
Dan il-kliem jistieden lilna wkoll biex ħajjitna nagħmluha tifħir ħaj, biex kuljum nagħrfu “l-ħwejjeġ kbar” li Alla jagħmel magħna, biex ngħaqqdu leħinna ma’ leħen Marija biex nistqarru li Alla hu fidil magħna, li l-ħniena tiegħu tinfirex minn nisel għal nisel, u li s-saltna tiegħu ta’ ġustizzja u mħabba ġa qed isseħħ fostna.
Chiara Lubich fehmet sew din id-dimensjoni rivoluzzjonarja tal-Innu ta’ Marija meta liż-żgħażagħ kitbitilhom hekk: “Aqraw il-Magnificat u fih issibu l-ewwel u l-aktar paġna qawwija tad-duttrina soċjali tal-Knisja. Min se jwettaqha, u meta se sseħħ kollha kemm hi?”(5).
Din il-mistoqsija għadha miftuħa u tmiss lilna wkoll. L-intervent ta’ Alla ma jridx jibqa’ magħluq fl-intimità ta’ qalbna, imma jeħtieġ li jintwera fir-rabtiet ta’ bejnietna, fil-ħajja ta’ kuljum, fil-ħajja tal-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.
Patrizia Mazzola
u il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja
REFERENZI
-
- Martin Lutero, Commento al Magnificat, 1520, https://www.associazionealec.it/wpcontent/uploads/2017/09/1.3-Lutero-testo-commentomagnificat.pdf.
- Ermes Ronchi, Magnificat, una finestra aperta sul futuro, Avvenire, 12 ta’ Awwissu 2021.
- Ara. Papa Francesco, Angelus, Pjazza San Pietru, Ruma, 4 ta’ Lulju 2021.
- Ara. Gérard Rossé, Il Vangelo di Luca, Città Nuova, 1992, pġ.69.
- Detti Gen, Città Nuova, Ruma 1969, pġ.57 (4a ed. 1974).

Malti
English
Add Comment