Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet […] B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10,7-8).
F’dan il-kapitlu mill-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù kien għadu kemm għażel lill-appostli, sejħilhom b’isimhom u tahom is-setgħa li jkeċċu l-ispirti ħżiena u jfejqu kull xorta ta’ mard. (Mt 10,7-8). Ġesù tahom ukoll ordnijiet dwar fejn u kif kellhom iwettqu l-ewwel missjoni tagħhom. Il-messaġġ li kellhom iħabbru kien ċar: “is-Saltna tas-smewwiet waslet”[1].
Il-messaġġ li d-dixxipli ġew fdati biex ixandru waqt li “kienu fi triqthom” jisħaq li l-veru dixxiplu hu dak li qabel kollox jippriedka l-qrubija, iżda l-fatt stess li d-dixxipli kienu qed jagħmlu mixja flimkien ġa hu aħbar fiha nnifisha. Tant hu hekk li fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li meta Ġesu tahom il-Kmandament il-ġdid, hu saħaq: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi: jekk tħobbu lil xulxin”[2].
“Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet […] B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10,7-8)
Is-“saltna tas-smewwiet” hi l-qalba tal-aħbar ta’ Ġesù. It-Testment il-Qadim jagħmel użu mill-espressjoni “saltna t’Alla” biex juri l-kobor t’Alla, it-tmexxija u l-ħidma ta’ fidwa li hu jwettaq fl-istorja tal-bnedmin. Hu s-sultan tad-dinja u fuq kollox hu s-sultan tal-poplu Lhudi li kien qed jistenna lil dak li kellu jiġi min-nisel ta’ David biex jerġa’ jagħtih postu fost il-ġnus. It-Testment il-Ġdid jippreżentalna lil Ġesù stess bħala dak li ġej min-nisel ta’ David u allura hu sultan. Is-saltna tas-smewwiet mhijiex saltna bħal dik ta’ din id-dinja: hi saltna ta’ paċi u ġustizzja, fejn wieħed jieħu ħsieb il-foqra, fejn hemm il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni; hi saltna li twassal ħajja u dawl lill-ġnus kollha. Hi saltna li ġa teżisti fid-dinja u fil-qalb tal-bniedem, imma li tasal għall-milja tagħha meta Ġesù jerġa’ jiġi.
“Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet […] B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10,7-8).
Ġesù ħabbar li s-saltna t’Alla hi fil-qrib, li s-saltna waslet. Il-parabboli, bħal dik taż-żerriegħa tal-mustarda jew tal-ħmira li tkabbar l-għaġna kollha, iwassluna biex nifhmu li Alla jaħdem b’mod misterjuż u umli, imma b’mod kuraġġuż u li jieħu ż-żmien. Fil-kelma “qrib” hemm ukoll sens ta’ spazju. Meta d-dixxipli bdew mexjin u joqorbu lejn in-nies biex iwasslu l-preżenza tal-ispirtu ta’ Ġesù, is-saltna t’Alla bdiet toqrob. Għalhekk meta fil-Vanġelu ta’ San Mark, Ġesù qal lill-kittieb tal-Liġi: “M’intix ‘il bogħod mis-Saltna t’Alla”[3], wisq probabbli ma riedx jgħidlu biss: “Bdejt tifhem”, imma ried jgħidlu wkoll “M’intix ‘il bogħod minni”.
“Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet […] B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10,7-8).
“B’xejn ħadtu” hi t-traduzzjoni ta’ dak li fl-oriġinal Grieg ifisser “dak li ġejtu mogħtija bħala don”. Dan jurina li dak li rċevew l-appostli ma kienx mogħti lilhom għax kien jistħoqqilhom. L-għajn kienet il-ġenerożità t’Alla u l-fatt li kienu magħżula biex iwettqu missjoni partikulari. Chiara Lubich kitbet hekk: “Is-saltna t’Alla rridu nilqugħha. Hi don mogħti lilna minn Alla. M’hemm ebda sforz uman, ebda tentattiv axxetiku, ebda studju jew riċerka intellettwali li jistgħu jdaħħluna fis-saltna t’Alla. Hu Alla stess li jiltaqa’ magħna u jurina d-dawl tiegħu jew imissna bil-grazzja tiegħu. M’għandek ebda mertu li tista’ tiftaħar bih jew isserraħ fuqu biex ikollok dritt għal dan id-don t’Alla. Is-saltna hi offruta lilna bla ebda ħlas.”[4]
Aħna msejħin biex nilqgħu dan id-don anki llum, ħalli nkomplu nwettqu dak li Ġesu ħalla f’idejn l-appostli, inxandru l-Kelma u nuru bil-fatti li s-saltna hi qrib u, flimkien, nagħtu messaġġ ta’ tama lil kull bniedem: ngħidu lil din id-dinja mifluġa u mħassba li Alla jħobbha ħafna, li Alla għandu mħabba kbira għal kulħadd.
Augusto Parody Reyes
u il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja
[1] Mt 10,7
[2] Gv 13,35
[3] Mc 12,34
[4] Ara C.Lubich Parole di Vita, minn Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5) , Città Nuova, Ruma 2017
Photo credit: Pixabay


English
Add Comment