Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!” (Ġw 16, 33).
Irridu u ma rridux, ikollna nammettuha: fil-ġrajjiet li għaddejjin minnhom f’dawn iż-żminijiet, kuljum jaslulna aħbarijiet li tassew jaħsduna, hekk li din il-Kelma nistgħu nqisuha bħallikieku “stunata”. Infatti, għax qed inħossuna maqbudin f’nassa ta’ nuqqas ta’ sigurtà, f’sitwazzjonijiet li huma akbar minna u fi stennija ta’ oħrajn li jikkondizzjonawna, kollox qed iwassalna biex naqtghu qalbna.
Il-Vanġelu ta’ San Ġwann jitkellem propju fuq sitwazzjoni li tixbah lil din: fl-Aħħar Ċena l-appostli kienu mdawrin ma’ Ġesù. F’xena bħal dik, nilmħu kemm l-imħabba kif ukoll it-tradiment, fuq naħa l-għotja b’imħabba tagħna nfusna u fuq l-oħra d-dlamijiet tal-ħażen. Ġesù beda jkellimhom għall-aħħar darba biex iħejjihom għall-prova tal-passjoni, imma fl-istess ħin tahom kelmtu li Hu għad jerġa’ jiġi. Qalilhom ukoll biex joqogħdu attenti: “fid-dinja” jistgħu jgħaddu minn maltemp u delużjoni, imma fiH għad isibu dejjem paċi u l-milja tal-ħajja.
Fil-Kliem li qalilna nsibu wegħda li timliena bit-tama:
“Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”
Jekk iċ-ċirkustanzi ta’ barra u d-dgħufijiet tagħna jġegħluna nibżgħu u nbatu, Ġesù jistedinna biex nafdaw fiH, biex nagħrfu s-sinjali tal-preżenza tiegħu f’ħajjitna llum, hekk li nistgħu nħarsu b’mod ġdid fuq dak li qed iseħħ madwarna.
Hekk kitbet Chiara Lubich: “Jekk hemm xi ħaġa misterjuża f’ħajjitna, din żgur li hi t-tbatija. …). Anki dawk ta’ madwarna u li jħobbuna, ħafna drabi ma jkollhomx il-ħila jgħinuna. Madankollu, xi drabi jkun biżżejjed li f’dan iż-żmien iebes insibu ‘l xi ħadd li jaqsamha magħna. Ġesù hekk għamel: ġie biex ikun qrib tagħna u jaqsam kollox magħna. Iktar minn hekk: ħa fuqu kull tbatija li ngħaddu minnha u sar tbatija għalina, sa ma għajjat: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ (Mt 27, 46) (…). Kull tbatija: fiżika, morali u spiritwali tfakkarni fiH, hi preżenza Tiegħu, hi l-wiċċ Tiegħu. Jiena nista’ ngħid: ‘Ġesù abbandunat, f’din it-tbatija jiena nħobb lilek. Inti tieħu fuqek it-tbatija tiegħi, u fiha tiġi żżurni. Għalhekk, lilek irrid, lilek irrid ngħannaq miegħi!’. Jekk imbagħad inkunu lesti nħobbu, li nwieġbu għall-grazzja tiegħu, li rridu dak li jrid Alla minna fil-mument ta’ wara, li ngħixu ħajjitna għaliH, ħafna drabi nħossu li dik it-tbatija tgħib, ma tibqax hemm. Dan iseħħ għaliex l-imħabba ġġib id-doni tal-Ispirtu, li huma ferħ, dawl, paċi”[1].
“Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”
Fil-mumenti ta’ dlam inħallu lilu fina jirbaħ il-ħażin bit-tajjeb, li negħlbu t-tentazzjoni li ningħalqu fina nfusna, li nersqu qrib dawk ta’ madwarna, filwaqt li naqduhom b’imħabba fl-azzjonijiet iż-żgħar ta’ kuljum u dan għall-ġid ta’ kulħadd.
Anki l-imħabba għal xulxin fil-komunità tagħti xhieda li l-Mulej hu qrib tagħna u qed jagħmlilna l-qalb. Din hi l-esperjenza ta’ Javier, żagħżugħ mir-Repubblika Domenikana:
“Mort inżur lill-kuġin tiegħi u bdejt nixxabbat mal-ħajt tal-bitħa tiegħu, imma malli għamilt hekk dan waqa’ fuqi u għaffiġli sieqi l-leminija. Meta ħaduni l-isptar għidt lill-ġenituri tiegħi li ma stajtx nissaporti l-uġigħ li kont qed inħoss. Bi ħlewwa kbira, missieri qalli: ‘Ipprova għannaq miegħek lil Ġesù biex taqsam miegħu t-tbatija li għadda minna Hu’. Wara l-operazzjoni indunajt li sieqi ma kenitx għadha hemm. Għall-ewwel bkejt ħafna, imma ftit ftit bdejt nikkalma, mimli bil-fiduċja li Alla kellu pjan għalija.
Grazzi għall-imħabba u l-appoġġ tal-komunità tagħna u ta’ nies oħra mid-dinja kollha, issa għandi sieq artifiċjali u ftit xhur oħra se jkolli waħda permanenti. Issa nista’ ngħin fix-xogħol tad-dar, noqgħod qrib il-familja tiegħi u saħansitra rnexxieli nispiċċa l-iskola b’riżultati tajbin ħafna. Kulħadd: il-familja tiegħi, ħbiebi u l-ħaddiema tal-isptar, baqgħu milqutin bil-kalma u l-imġiba pożittiva tiegħi”.
Letizia Magri
u l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja
[1] C. Lubich, Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2005, fil-ktieb: Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma, 2017, pġ.745-746.
Photo credit: Pixabay
