Spiritwalita'

X’titlob minna l-imħabba vera

L-imħabba hi virtù mill-aktar importanti, hi kollox. Għalhekk, ikun jaqbel li nintefgħu minnufih biex ngħixuha xi ftit aħjar. Issa, biex nagħmlu dan irridu nkunu nafu liema huma l-affarijiet li jagħmluha speċjali.

Wieħed ħassieb jgħid: “Li tħobb hi ħaġa tajba; li tkun taf tħobb huwa kollox”1. Iva, li tkun taf tħobb, għax l-imħabba nisranija hija arti u jeħtieġ li din l-arti nitgħallmuha.

Psikologu kbir ta’ żmienna qal: “Iċ-ċiviltà tagħna rari ħafna tfittex li titgħallem l-arti tal-imħabba u, minkejja t-tfittxija ddisprata għall-imħabba, kollox hu meqjus iktar importanti: suċċess, fama, flus u setgħa. Kważi kull enerġija li għandna nużawha biex nilħqu dawn l-għanijiet u kważi l-ebda waħda ma nużawha biex nagħrfu l-arti tal-imħabba2.

Il-vera arti tal-imħabba toħroġ kollha mill-Vanġelu ta’ Kristu. L-ewwel pass li żgur irridu nagħmlu hu li nwettquha fil-prattika biex inqanqlu rivoluzzjoni paċifika. Imma rivoluzzjoni li tant tinħass li tbiddel kollox. Rivoluzzjoni li ma tolqotx biss dak li hu spiritwali, imma wkoll dak kollu uman, u li ġġedded kull espressjoni: il-kultura, il-politika, l-ekonomija, it-tagħlim, ix-xjenza, eċċ. Hija s-sigriet ta’ dik ir-rivoluzzjoni li biha l-ewwel insara setgħu jinfirxu mad-dinja magħrufa ta’ dawk iż-żminijiet.

Hija arti impenjattiva, li titlob ħafna minna. Hi arti li tridna mmorru lil hinn mill-orizzont dejjaq tal-imħabba naturali li nindirizzawha ħafna drabi sempliċiment lejn tal-familja tagħna, u l-ħbieb biss. Hawnhekk l-imħabba rridu nagħtuha ’l kulħadd: lil min hu simpatku u ’l min mhux, lil min hu sabiħ u ’l min hu ikrah, lil min ġej minn art twelidi u ’l min hu barrani, lil min hu tat-twemmin tiegħi jew ta’ xi twemmin ieħor, lil min għandu l-kultura tiegħi jew xi kultura oħra, ħabib jew avversarju jew għadu: hu xinhu. Jeħtieġ inħobbu ’l kulħadd kif jagħmel il-Missier tas-Smewwiet, li jibgħat ix-xemx u x-xita fuq it-tajbin u fuq il-ħżiena.

Hija din l-imħabba li timbuttana biex inħobbu aħna l-ewwel u dejjem, mingħajr ma nistennew li jħobbuna. Kif għamel Ġesù Kristu li, meta konna għadna “ħżiena”, u għalhekk mhux ta’ min iħobbna, ta ħajtu għalina.

Hija mħabba fejn jien inqis lill-ieħor daqsi, nara lili nnifsi fl-ieħor. Gandhi kien jgħid: “Inti u jien, aħna ħaġa waħda. Ma nistax nagħmillek id-deni bla ma nweġġa’ lili nnifsi”3.

Din l-imħabba mhijiex magħmula biss minn kliem jew sentimenti, hi konkreta. Titlobna nsiru “ħaġa waħda” mal-oħrajn, li b’xi mod “ngħixu” lill-oħrajn fit-tbatijiet tagħhom, fil-ferħ tagħhom, fil-bżonnijiet tagħhom, biex nifhmuhom u ngħinuhom bl-aħjar mod.

Din l-arti tridna nħobbu ’l Ġesù fil-persuna li nħobbu. Infatti, anki jekk din l-imħabba hi diretta lejn dak ir-raġel, jew lejn dik il-mara partikolari, Kristu jqisu magħmul miegħu t-tajjeb jew il-ħażin kollu li nagħmlu magħhom. Dan qalu u tennieh meta kien qed jitkellem fuq ix-xena kbira tal-aħħar ġudizzju: “Għamiltuh miegħi… Għamiltuh miegħi” (ara Mt 25, 40).

Din l-arti tal-imħabba, mgħixa minn ħafna, twassal għall-imħabba reċiproka: fil-familja, fil-post tax-xogħol, fi gruppi, fis-soċjetà; imħabba bejn il-bnedmin, ġawhra tal-Vanġelu, kmandament ġdid ta’ Kristu, li jibni l-unità.

Dawn huma l-karatteristiċi tal-imħabba vera, l-esiġenzi li jagħmluha speċjali u li nsibu fil-Vanġelu.

1        F.R Chateaubriand, f’Aforismi e citazioni cristiane, Casale Monferrato 1994, p. 17.
2     E. Fromm, L’arte di amare, Milan 1971, p. 18.
3        Rif. F’Parole del cuore, ta’ W. Mühs, Milano 1996, p. 82.

Ritratt: Pixabay


Meħud mill-ktieb l’Arti tal-Imħabba, Chiara Lubich, p. 14-16
Maqlub għall-Malti minn pubblikazzjoni oriġinali bit-Taljan: L’arte di amare, © Città Nuova Editrice, Ruma, 2005

Add Comment

Click here to post a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.