Aħbarijiet

Grazzi Emmaus!

Margaret Karram, President tal-Moviment tal-Fokolari tikteb biex tħabbar il-mewt ta’ Maria Voce – Emmaus.

Għeżież,

Qed nikteb b’niket u kommozzjoni profonda biex ngħidilkom li llum, fil-5.22pm., il-Mulej sejjaħ għal għandu lil Emmaus, Maria Voce, li kienet l-ewwel president tal-Moviment tal-Fokolari wara Chiara Lubich.

Hi temmet il-Vjaġġ Qaddis ta’ ħajjitha f’Rocca di Papa, fil-fokolar tagħha,  imdawra bl-għożża u l-imħabba tal-focolarini u akkumpanjata mit-talb tagħna lkoll. Illum, kmieni wara nofsinhar, Jesús u jiena stajna mmorru nżuruha għall-aħħar darba. Kienet serena.

Kelli rabta sabiħa ħafna magħha u nħoss stima kbira lejha għax hi baqgħet sal-aħħar tagħti lilha nnifisha lil Alla fl-Opra ta’ Marija.

Kemm ili li ġejt eletta President, dejjem ħassejtha qrib tiegħi bil-mod diskret imma ħaj tagħha, u akkumpanjatni u sostnitni bil-pariri tagħha mimlija Sapjenza. Kienet preżenti f’okkażjonijiet mill-aktar varji, festi, anniversarji, vjaġġi; kienet tiżgurani mit-talb tagħha, l-offerta ta’ ħajjitha, u spiss kont nirċievi mingħandha xi rigal, xi fjura, xi poeżija.

Kienet Chiara li tatha l-isem “Emmaus”, li jfakkarna  fl-esperjenza ta’ Kristu Rxoxt miexi magħna. Dan l-isem ħalla marka fuq ħajjitha kollha; fil-fatt kienet tisħaq: “Kif nagħmlu l-Opra t’Alla? B’Ġesù f’nofsna!”

Żgur li jibqgħu minquxa fi qlubna l-fedeltà kbira tagħha lejn il-Kariżma ta’ Chiara, il-kuraġġ li bih affrontat bosta sfidi u l-mod li bih emmnet fl-unità, fil-komunjoni.

Il-kalibru uman, spiritwali u sapjenzali tagħha kien rikonoxxut minn diversi personalitajiet reliġjużi u ċivili: minn Papa Benedittu XVI u Papa Franġisku, minn mexxejja ta’ diversi Knejjes u minn rappreżentanti ta’ Reliġjonijiet u kulturi oħra.

Il-funeral tagħha ser isir nhar it-Tnejn 23 ta’ Ġunju fit-3.00pm (ħin Taljan) fiċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Rocca di Papa.

Nibqgħu magħqudin fl-imħabba li tgħaqqad is-Sema u l-art!

Margaret Karram
Rocca di Papa, 20 ta’ Ġunju 2025

Niżżel l’ittra uffiċjali

 

Add Comment

Click here to post a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.