Papa Frangisku jippromwovi il-kultura tal-unità

Loppiano, Il-Ħamis 10 ta’ Mejju 2018

Għeżież Ħuti Isqfijiet,
Awtoritajiet,
u intom ilkoll,

Grazzi tal-merħba tagħkom! Insellmilkom ikoll, insellem lil kull wieħed u waħda minnkom u nirringrazzja lil Maria Voce għall-introduzzjoni ċara tagħha ….. kollox ċar ħafna! L-ideat tagħha huma ċari tassew!

Photo © CSC Audiovisivi

Kuntent ħafna li llum ninsab fostkom hawnhekk f’Loppiano, din “il-belt” ċkejkna, magħrufa fid-dinja għax twieldet mill-Vanġelu u trid tmantni ruħha bil-Vanġelu. Dan hu li jwassal lil ħafna li huma dixxipli ta’ Ġesù, u anki oħrajn, ħutna ta’ reliġjonijiet u konvinzjonijiet oħra, biex iħarsu lejha bħala belt magħżula u ta’ ispirazzjoni. F’Loppiano kulħadd iħossu d-dar!

Xtaqt li niġi nżurha għax, kif kienet tisħaq is-serva t’Alla Chiara Lubich – li ġiet ispirata biex twaqqafha -, din il-belt trid turi l-missjoni tal-Knisja llum, dik il-Knisja li jitkellem dwarha l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. U nħossni tassew kuntent li nista’ niddjaloga magħkom biex inkompli nħeġġeġ ħalli, filwaqt li tagħrfu l-pjan t’Alla, il-proġett ta’ Loppiano jkompli jkun ta’ servizz f’din il-pass ġdid ta’ xhieda u tħabbira tal-Vanġelu, li għalih l-Ispirtu s-Santu qed isejħilna llum.

Tifhmu li jien il-mistoqsijiet kont ġa nafhom! U issa ser inwieġeb għalihom. It-tweġibiet jinsabu kollha hawnhekk.

L-ewwel mistoqsija

L-għodwa t-tajba Santità! Għadna kemm smajna lil Maria Voce titkellem dwar il-liġi ta’ Loppiano: l-imħabba lejn xulxin, il-Kmandament il-Ġdid tal-Vanġelu. Matul is-snin, din il-ħaġa ħadnieha bis-serjetà u fittixna li dan ma jkunx biss impenn privat imma li jkun ukoll impenn kollettiv, ta’ kulħadd. Fittixna li Loppiano tinbena fuq dan l-impenn tal-imħabba lejn xulxin; tant hu hekk li fl-1980, snin ilu, meta konna xi ftit aktar żgħar fl-età u kien hawn ħafna nies – li llum qegħdin hawn – Chiara kienet ipproponiet li jsir patt, patt tassew: jiġifieri li dan l-impenn jinkiteb u jkun iffirmat. Dan il-patt inġedduh kuljum u nipproponuh anki lil dawk li jiġu hawn, ukoll jekk jiġu għall-ġurnata, għax b’hekk biss wieħed jista’ ssir ċittadin ta’ Loppiano.

Santità, l-għixien tal-Kmandament il-Ġdid huwa l-punt tat-tluq tal-ħajja nisranija tagħna u anki l-punt fejn irridu naslu: ‘l hemm irridu nimmiraw.

Wara ż-żmien tal-fondazzjoni li għexna ma’ Chiara, issa sibna ruħna f’fażi ġdida. Forsi għal xi wħud iż-żmien tal-entużjażmu għadda; bla dubju issa hu aktar diffiċli li wieħed jagħraf it-toroq li jrid jimxi fihom biex tibqa’ tinkarna ruħha l-profezja tal-bidu. Santità, kif nistgħu ngħixuh dan iż-żmien?

Photo © CSC Audiovisivi

Papa Franġisku

L-ewwel mistoqsija qed tagħmluhieli intom, “il-pijunieri” ta’ Loppiano. Kontu l-ewwel li, aktar minn 50 sena ilu u mbagħad bil-mod il-mod anki fis-snin ta’ wara, intfajtu f’din l-avventura. Ħallejtu l-postijiet fejn kontu toqogħdu, id-djar tagħkom, il-postijet tax-xogħol… biex tiġu hawn u tagħtu ħajjitkom ħalli sseħħ din il-ħolma. Qabel kollox, grazzi, grazzi għal dak kollu li għamiltu, grazzi għall-fidi tagħkom f’Ġesù! Huwa hu li wettaq dan il-miraklu, intom emmintu fih. Il-fidi tħalli lil Ġesù jaħdem. Hu għalhekk li l-fidi tagħmel il-mirakli għax tħalli l-post għal Ġesù, u hu jwettaq il-mirakli wieħed wara l-ieħor. Il-ħajja hekk hi!

Lilkom “pijunieri” u abitanti ta’ Loppiano, inħoss li għandi ngħidilkom kliem li hemm fl-Ittra lil-Lhud li nkitbet lil komunità li kienet qed tgħix żmien jixbah lil dak li qed tgħixu intom illum. L-Ittra lil-Lhud tgħid: “Ftakru f’dawk l-ewwel jiem: lanqas biss ilħaqtu ddawwaltu bit-tagħlim, li ma ġarrabtux bis-sabar taqbida ħarxa (…) Fraħtu meta serqulkom ġidkom, għax tafu li għandkom ġid akbar li jibqa’ għal dejjem. Tarmux mela il-fiduċja tagħkom – il-parresia tagħkom – għax din iġġib magħha ħlas kbir. Tassew li teħtieġu s-sabar – juża l-kelma hypomoné, jiġifieri li ġġorru l-piż ta’ kuljum fuq spallejkom – biex tagħmlu r-rieda t’Alla u tiksbu dak li hu wiegħed” ( 10, 32-36)

Dawn iż-żewġ kelmiet, li huma qofol, jidħlu fil-kwarniċ tat-tifkira; dik id-dimensjoni “dewteronomika” tal-ħajja: it-tifkira. Meta, raġel jew mara – ma ngħidx nisrani, imma raġel jew mara – jagħlqu ċ-ċavetta tat-tifkira, dawn jibdew imutu. Jekk jogħġobkom: ftakru. Kif jgħid l-awtur tal-ittra lil-Lhud: “Ftakru f’dawk l-ewwel jiem….” F’dan il-kwarniċ tat-tifkira, wieħed ikun jista’ jgħix, ikun jista’ jieħu n-nifs, ikun jista’ jimxi ‘l quddiem, u jagħmel il-frott. Iżda x’jiġri jekk ma jkollokx it-tifkira… Is-siġra tagħti l-frott għax għandha l-għeruq, għax għeruqha mhumiex imqaċċtin. Jekk ma jkollokx it-tifkira, ma jkollokx għeruq u ma jkunx hemm frott. It-tifkira: din hi l-gwarniċ tal-ħajja.

F’din il-kitba hemm żewġ kelmiet li huma qofol fil-mixja tal-komunità nisranija: parresia u hypomoné. Kuraġġ, frankezza u sabar, perseveranza, li ġorr il-piż ta’ kuljum fuq spallejk.

Il-parresia fit-Testment il-Ġdid tkellimna dwar l-istil ta’ ħajja tad-dixxipli ta’ Ġesù: il-kuraġġ u s-sinċerità, flimkien mal-fiduċja f’Alla u fil-ħniena tiegħu, biex bihom nagħtu xhieda tal-verità. Anki t-talb irid isir b’parresia. Lil Alla ngħidulu l-affarijet “b’wiċċna minn quddiem”, b’kuraġġ. Aħsbu ftit kif kien jitlob missierna Abram; kellu l-kuraġġ jitlob lil Alla jħallih “jgħodd” in-numru tan-nies ġusti f’Sodoma: “Jekk hemm tletin bniedem ġust?…. U jekk ikunu ħamsa u għoxrin?…. U jekk ikunu ħmistax?….”. Kellu l-kuraġġ joħodha m’ Alla! U l-kuraġġ ta’ Mosè, il-ħabib kbir t’Alla, li b’wiċċu minn quddiem qallu: “Jekk teqred lil dan il-poplu, eqred lili wkoll”. Kuraġġ. Irid ikollna l-kuraġġ li meta nitolbu, noħduha ma’ Alla. Fil-ħajja, fl-azzjoni u anki fit-talb hemm bżonn tal-parresia.

Il-parresia tesprimi kwalità fundamentali tal-ħajja nisranija: din hi li nduru b’qalbna kollha lejn Alla u nemmnu fl-imħabba tiegħu (ara 1 Ġw 4,16), għax l-imħabba tiegħu tkeċċi kull biża’ falz, kull tentazzjoni li ninħbew għall-kwiet, jew li ninħbew wara r-rispett, jekk ma naqgħux ukoll f’ipokreżija sottili. Dawn huma kollha susa li tmermer lir-ruħ.Hemm bżonn nitolbu lill-Ispirtu s-Santu frankezza, kuraġġ, parresia – dejjem magħquda mar-rispett u t-tenerezza – biex nagħtu xhieda tal-opri kbar u sbieħ li Alla jwettaq fina u f’nofsna. U anki fir-relazzjonijiet tagħna bħala komunità, jeħtieġ inkunu dejjem sinċieri, miftuħa, liberi, bla biża’, bla għass u bla ipokresija. Jeħtieġ li nkunu aperti. M’għandniex ninqatgħu għal rasna biex niżirgħu s-sikrana, biex ingergru; iżda rridu nagħmlu sforz biex ngħixu bħala dixxipli sinċiera u kuraġġużi, bil-karità u l-verità. Kif tafu, meta tiżra’ s-sikrana, teqred il-Knisja, teqred il-komunità, teqred ħajtek stess, għax tavvelena lilek innifsek ukoll. Meta nħares lejn dawk li jgħixu bit-tpaċpiċ u li dejjem igergru fuq xulxin, ngħid li dawn huma “terroristi” għax jitkellmu ħażin fuq l-oħrajn. U meta titkellem ħażin fuq xi ħadd biex teqirdu tkun qed tagħmel bħat-terrorista: tmur bil-bomba, titfagħha, teqred, u mbagħad titlaq ‘l hemm trankwill. Le! Irridu nkunu aperti, kostruttivi, kuraġġużi, b’imħabba.

Imbagħad hemm il-kelma l-oħra: hypomoné, li nistgħu ngħidu li tfisser: toqgħod taħt, tissaporti. Tfisser li nibqgħu ngħixu s-sitwazzjonijiet impenjattivi li l-ħajja tippreżentalna u nitgħallmu minnhom. B’dan it-terminu, l-Appostlu Pawlu jesprimi l-mod dejjiemi u sod li bih irridu ngħixu l-għażla t’Alla u l-ħajja ġdida fi Kristu. Iva, irridu nkunu sodi f’din l-għażla anki akkost ta’ diffikultajiet u kuntrarju, għax nafu li dan il-mod kostanti, din is-sodizza u l-paċenzja jnisslu t-tama. Hekk jgħid San Pawl. U t-tama ma tqarraqx (ara Rum 5, 3-5). Żommuha f’moħħkom din: it-tama ma tqarraq qatt! Ma tqarraq qatt! L-Appostlu jgħidilna li l-bażi tal-perseveranza tinsab fl-imħabba li Alla sawwab fi qlubna bid-don tal-Ispirtu s-Santu, imħabba li tippreċedina u tagħmilna kapaċi ngħixu saħansitra l-mumenti l-aktar diffiċli b’tenaċja, serenità, pożittività, fantasija…. u xi ftit tal-umoriżmu wkoll. Itlobu għaliha l-grazzja tal-umoriżmu. Hi l-imġiba umana li l-aktar tavviċina l-grazzja t’Alla. L-umoriżmu. Kont naf saċerdot qaddis, li tant kien impenjat, tant kellu x’jagħmel… dejjem sejjer minn ħaġa għall-oħra… imma qatt ma kien bla tbissima. U għax kellu dan is-sens ta’ umoriżmu, dawk li kienu jafuh kienu jgħidu: “Dak kapaċi jidħak bl-oħrajn, jidħak bih innifsu u jidħak ukoll b’dellu stess!” Dan hu l-umoriżmu!

Barra minn hekk, l-Ittra lil-Lhud tistedinna: “Ftakru f’dawk l-ewwel jiem”; jiġifieri kebbsu qlubkom u moħħkom bin-nar tal-esperjenza li minnha twieled kollox.

Chiara Lubich ħassitha mqanqla twelled lil Loppiano – u mbagħad iċ-ċittadelli l-oħra f’partijiet oħra tad-dinja – meta, ġurnata waħda, kienet qed tikkontempla l-abbazija benedittina ta’ Einsiedeln, fejn rat il-Knisja, il-monasteru tal-patrijiet, u anki l-bibiljoteka, ix-xogħol tal-injam, l-għelieqi….Hemmhekk, fl-abbazija, Alla hu ċ-ċentru tal-ħajja fit-talb u ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, li minnha joħorġu u jissaħħu l-fraternità, ix-xogħol, il-kultura, it-tixrid tad-dawl u tal-enerġija soċjali tal-Vanġelu. Filwaqt li kkontemplat din l-abbazija, Chiara ġiet imqanqla tagħti l-ħajja lil xi ħaġa tixbaħha, f’forma ġdida u moderna,li nibtet mill-kariżma tal-unità, f’sintonija mal-Vatikan II: buzzett ta’ belt ġdida bl-ispirtu tal-Vanġelu.

Belt li fiha jispikka qabel kollox il-ġmiel tal-poplu t’Alla fir-rikkezza u l-varjetà tal-membri tiegħu, il-vokazzjonijiet differenti, l-espressjonijiet soċjali u kulturali, kull wieħed fi djalogu u ta’ servizz għal kulħadd. Belt li għandha qalbha fl-Ewkaristija, għajn tal-unità u ta’ ħajja dejjem ġdida, u belt li tippreżenta ruħha quddiem dawk li jżuruha b’libsa lajka, ferjali, inklużiva u miftuħa: bil-ħidma tal-art, bl-attivitajiet tal-impriża u l-industrija, bl-iskejjel ta’ formazzjoni, id-djar ta’ ospitalità u l-anzjani, l-ateliers artistiċi, il-gruppi mużikali, il-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni…

Familja fejn il-membri kollha jagħrfu li huma wlied ta’ Missier wieħed u jimpenjaw ruħhom biex jinħabbu bejniethom u jgħixu l-kmandament tal-imħabba lejn xulxin ma’ kulħadd. Mhux biex ikunu trankwilli bejniethom u jinqatgħu mid-dinja, imma biex joħorġu, jiltaqgħu u jieħdu ħsieb l-oħrajn, u biex b’idejn miftuħa jixħtu l-ħmira tal-Vanġelu fl-għaġna tas-soċjetà, l-aktar fejn hemm bżonn, fejn hemm min qed jistenna u jitlob il-ferħ tal-Vanġelu: fejn hemm il-faqar, it-tbatija, it-tiġrib, id-dubju, fejn wieħed qed ifittex.

Il-kariżma tal-unità hi stimolu providenzjali u għajnuna qawwija biex ngħixu l-mistika evanġelika tal-‘aħna’, jiġifieri biex nimxu flimkien fl-istorja tal-bniedem ta’ żmienna billi “nkunu qalb waħda u ruħ waħda” ( ara Atti 4,32), filwaqt li niskopru u nħobbu lil xulxin għax “kull wieħed minna hu membru tal-ieħor” (ara Rum 12,5). Ġesù talab għal dan lill-Missier: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda, kif jien u int ħaġa waħda” (Ġw 17,21).Hu stess uriena t-triq li twassalna għal dan don meta xejjen lilu nnifsu b’mod abbissali fuq is-salib (ara Mk 15,34; Fil 2,6-8). Din hi l-ispiritwalità tal-“aħna”. Biex tiċċajtaw tistgħu tagħmlu dan it-test lilkom stess jew lill-oħrajn. Saċerdot li qiegħed hawn – ftit jew wisq moħbi – biex jiċċajta għamilli din il-mistoqsija: “Father, x’inhu l-oppost ta’ ‘jien’?” Waqajt fin-nasba u malajr weġibtu: “Int”. U hu qalli: “Le, l-oppost ta’ kull individwaliżmu, kemm ta’ ‘jien’ kif ukoll ta’ ‘int’ huwa ‘aħna”. L-oppost huwa aħna”. Din hi l-ispiritwalità tal-aħna, li intom tridu tmexxuha ‘l quddiem, li ssalvana minn kull egoiżmu u kull interess egoistiku. L-ispiritwalità tal-aħna.

Dan mhuwiex biss fatt spiritwali imma realtà konkreta, li jekk ngħixuha u nwassluha b’ mod awtentiku u b’kuraġġ fid-diversi dimensjonijiet, ikollha konsegwenzi formidabbli fil-livell soċjali, kulturali, politiku, ekonomiku….. Ġesù ma fediex biss l-individwu, imma feda wkoll ir-relazzjoni soċjali (ara Evangelii gaudium, 178). Jekk nieħdu dan il-fatt bis-serjetà, inkunu qed nagħtu wiċċ ġdid lill-belt tal-bnedmin skont il-pjan tal-imħabba t’Alla.

Loppiano hi msejħa biex tkun din ir-realtà. U, b’fiduċja u realiżmu, tista’ tfittex li tkun dejjem aħjar. Dan hu essenzjali. Hemm bżonn li dejjem nibdew mill-ġdid minn hawn.

Din hi t-tweġiba għall-ewwel mistoqsija: tridu dejjem terġgħu tibdew minn din ir-realtà li hi l-ħajja. Mhux mit-teoriji, le, mir-realtà tal-għixien. U meta wieħed jgħix ir-realtà b’mod awtentiku, din tkun ħolqa f’dik il-katina li tgħinna nimxu ‘l quddiem.

It-tieni mistoqsija

L-għodwa t-tajba Papa Franġisku! Jiena Xavier u ġej mill-Kolumbja. L-ewwelnett nirringrazzjak tal-imħabba konkreta tiegħek għall-poplu tagħna li qed ibati, u għat-tama li tagħtina. Qed nistudja għall-Masters fix-Xjenza ekonomika u politika fl-Istitut Universitarju Sophia, hawnhekk f’Loppiano.

Għażiż Papa Franġisku, meta sellimt lill-Assemblea Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari fl-2014, kont stedintna biex “nagħmlu skola” ħalli “niffurmaw rġiel u nisa ġodda fuq il-kejl tal-umanità ta’ Ġesù”. Loppiano tixtieq tkun “belt-skola” fejn la jkunu r-rwoli u lanqas id-differenzi fl-età jew kultura li jibnuna, imma tkun biss l-imħabba ta’ bejnietna li tibni lil kull wieħed u waħda minna. Irridu li jkun Ġesù , Alla mal-Poplu tiegħu, li jedukana u jibgħatna fid-dinja. X’kontribut ġdid u kreattiv taħseb li jista’ jiġi żviluppat mill-iskejjel ta’ formazzjoni li hawn f’Loppiano u mir-realtà akkademika “Sophia”, biex jinbena leadership li jwassal għall-ftuħ ta’ toroq ġodda?

Papa Franġisku:

F’Loppiano tgħixu l-esperjenza ta’ mixja flimkien, stil sinodali, bħala Poplu t’Alla.Din hi l-bażi solida u indispensabbli ta’ kollox: l-iskola tal-Poplu t’Alla fejn dak li jgħallem u jiggwida hu l-Imgħallem waħdieni (ara Mt 23,10) u fejn id-dinamika hi waħda ta’ smigħ reċiproku u ta’ sharing ta’ doni bejn kulħadd.

Il-korsijiet ta’ formazzjoni li warrdu f’Loppiano mill-kariżma tal-unità: il-formazzjoni spiritwali ta’ diversi vokazzjonijet, il-formazzjoni għax-xogħol, għall-imġiba ekonomika u politika, il-formazzjoni għad-djalogu ekumeniku, interreliġjuż u ma’ nies ta’ diversi konvinzjonijiet; il-formazzjoni ekkleżjali u kulturali – dawn jistgħu jieħdu spinta ġdida minn din l-għajn, filwaqt li jistagħnew bil-fantasija tal-imħabba u jinfetħu għal dak li jitlob l-Ispirtu u l-istorja. U dan tagħmluh biex tkunu ta’ servizz għal kulħadd, b’ħarsa li tħaddan l-umanità kollha u billi tibdew minn dawk li b’xi mod huma imwarrba u qed jgħixu fil-periferiji tal-eżistenza. Loppiano belt miftuħa, Loppiano belt li toħroġ għall-oħrajn. F’Loppiano m’hemmx periferiji.

Hi rikkezza kbira li f’Loppiano hawn dawn iċ-ċentri kollha ta’ formazzjoni. Rikkezza tassew kbira! Nissuġġerilkom li twassluhom biex jagħmlu pass ġdid, billi jinfetħu għal orizzonti aktar wesgħin u jsiru proġetti aktar miftuħa. B’mod partikulari, hu essenzjali li jkun żviluppat il-proġett formattiv li jorbot il-mixja li jagħmlu t-tfal, iż-żgħażagħ, il-familji, il-persuni ta’ diversi vokazzjonijiet. Il-bażi u ċ-ċavetta ta’ kollox għandu jkun “il-patt formattiv”, li jinsab fil-bażi ta’ kull waħda minn dawn il-mixjiet, u li l-metodu privileġġat tiegħu jinsab fil-qrubija u fid-djalogu. Hawnhekk hawn kelma li anki għalija hi qofol: “qrubija”. Ma tistax tkun nisrani mingħajr ma tkun qrib tal-oħrajn, mingħajr din l-imġiba ta’ qrubija, għax dan hu li għamel Alla meta bagħat lil Ibnu. L-ewwel, Alla kien qrib tal-poplu ta’ Israel, mexxieh u staqsieh: “Għidli, rajt poplu ieħor li għandu l-allat qrib tiegħu daqskemm jien qrib tiegħek?” Dan hu li jitlob Alla: qrubija, viċinanza. Imbagħad bagħat lil Ibnu biex ikun aktar qrib tagħna – sar wieħed minna – ġie biex ikun qrib tagħna. Din il-kelma hi qofol fil-Kristjaneżmu u fil-kariżma tagħkom.

Imbagħad hemm bżonn li wieħed jeduka ruħu biex jeżerċita flimkien tliet affarijiet: il-moħħ, il-qalb u l-idejn. Dan ifisser li wieħed irid jitgħallem jaħseb tajjeb, iħoss tajjeb u jaħdem tajjeb. Iva, anki x-xogħol, għax kif kiteb Dun Pasquale Foresi, li wettaq rwol ċentrali fil-pjan ta’ Loppiano: “(ix-xogħol) mhuwiex biss mezz ta’ għixien, imma hu xi ħaġa li tikkonċerna l-ħajja tagħna bħala persuni umani, u allura anki mezz biex nagħrfu r-realtà, biex nifhmu l-ħajja: hu strument ta’ formazzjoni umana reali u effettiva”. Dawn it-tliet affarijiet huma importanti għax l-idea li writna mill-illuminiżmu – li xejn mhi sana – hi li l-edukazzjoni tikkonsisti filli timla l-moħħ bil-kunċetti. Aktar ma taf, aktar aħjar. Le. L-edukazzjoni trid tmiss il-moħħ, il-qalb u l-idejn. Trid teduka biex wieħed jaħseb tajjeb, u mhux biss biex jitgħallem il-kunċetti, trid teduka biex wieħed iħoss tajjeb u jagħmel tajjeb. Dawn it-tliet affarijet jridu jkunu f’rabta bejniethom: taħseb dwar dak li tħoss u tagħmel, tħoss dwar dak li taħseb u tagħmel, tagħmel dak li tħoss u taħseb, f’unità. Dan hu li teduka.

Tnejn mir-realtajiet li twaqqfu f’Loppiano f’dawn l-aħħar snin huma xhieda tal-inċiżività u l-projezzjoni fuq skala vasta ta’ dan l-impenn li jipprometti: il-Polo Imprenditorjali “Lionello Bonfanti”, ċentru ta’ formazzjoni li jippromwovi l-ekonomija ċivili u ta’ komunjoni; u l-esperjenza akkademika tal-Istitut Universitarju Sophia, li twaqqaf mis-Santa Sede, u ferħan li dalwaqt ikun hemm ukoll sede lokali fl-Amerika Latina.

Importanti li f’Loppiano hawn ċentru universitarju li kif naraw minn ismu stess hu ddestinat għal min qed ifittex is-Sapjenza u jimmira lejn il-bini tal-kultura tal-unità. Kultura tal-unità. Mhux ta’ uniformità. Le. L-uniformità hi kontra l-unità! F’dan il-proġett, ibda mill-ispirazzjoni li tagħtu l-ħajja, tilmaħ dawk il-punti li semmejt fil-Kostituzzjoni appostolika Veritatis gaudium li tistieden għal tiġdid għaref u kuraġġuż fl-istudji akkademiċi. U dan biex joffri sehem kompetenti u profetiku fil-bidla missjunarja tal-Knisja, fil-viżjoni tal-pjaneta tagħna bħala patrija waħdanija u dik tal-umanità bħala poplu wieħed, magħmul minn ħafna popli li jgħixu f’dar komuni.

Ibqgħu mexjiin ‘l quddiem, imxu ‘l quddiem hekk!

Domanda n. 3

Loppiano ma tridx li tingħalaq fiha nnifisha; trid tagħti sehemha għall-bini ta’ dinja aktar magħquda. Allura, Santità, flimkien magħna llum hawn ukoll xi ħbieb tagħna immigranti li kellhom iħallu djarhom u pajjiżhom, imma f’Loppiano sabu d-dar tagħhom.

L-għodwa t-tajba Santità, aħna niġu mill-Kosta d’Avorju, minn Mali, mill-Kamerun, min-Niġerja u wara vjaġġ twil mill-pajjiżi tagħna wasalna l-Italja u mbagħad ġejna trasferiti għal Loppiano. Għal aktar minn sena għexna flimkien; aħna ġejjien minn Pajjiżi differenti, nitkellmu b’ilsna differenti u għandna tradizzjonijiet differenti; hemm min iħaddan reliġjon musulmana u hemm min hu nisrani minn Knejjes differenti…. Tista’ timmaġina li ma kienx fid-dar tagħna, iżda l-ħajja ta’ Loppiano għenitna negħlbu d-diffikultajiet u naraw lil xulxin bħal aħwa. Għenuna ħafna l-kliem: “Nerġgħu nibdew mill-ġdid”. Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja l-awtoritajiet tal-Italja li laqgħuna. Hu ta’ unur kbir għalina li nistgħu nkunu hawn, naqraw din it-tislima u nirringrazzjawk. Int dejjem fit-talb tagħna.

Santità, matul dawn l-aktar minn ħamsin sena ta’ ħajja, Chiara Lubich tkellmet dwar Loppiano bħala: Belt Vanġelu u Belt skola, Belt fuq l-Għolja u Belt tal-ferħ, Belt tad-djalogu u Mariapoli, Belt ta’ Marija. Dawn huma kollha espressjonijiet li akkumpanjawna u qed ikomplu jikkumpanjawna fil-passi tagħna. Illum nixtiequ nistaqsu lilek ukoll, Santità, biex tgħidilna kelma, li turina liema hi l-“missjoni“ tagħna f’dan iż-żmien ta’ evanġelizzazzjoni ġdida, u wkoll x’risposta nistgħu nagħtu għall-isfidi ta’ żmenijietna biex din tkun okkażjoni li fiha nikbru lkoll?

Papa Franġisku

Nixtieq ngħolli l-ħarsa lejn l-orizzont u nistedinnkom tagħmlu dan miegħi, biex inħarsu b’ fedeltà fiduċjuża u b’ kreattività ġeneruża lejn il-futur, li jibda minn hawn illum.

L-istorja ta’ Loppiano għadha fil-bidu. Tinsabu fil-bidu. Hi żerriegħa ċkejkna li nxteħtet fil-ħamrija tal-istorja u ġa bdiet tinbet sew, imma għad trid tagħmel għeruq b’saħħithom u tagħti frott sustanzjuż, biex taqdi il-missjoni tat-tħabbira u tal-inkarnazzjoni tal-Vanġelu ta’ Ġesù, li l-Knisja hi msejħa biex tgħix illum. Dan jitlob umiltà, ftuħ, sinerġija, ħila li wieħed jirriskja. Jeħtieġ li nużaw dan kollu: umiltà u ħila ta’ riskju, flimkien ma’ ftuħ u sinerġija.

L-urġenzi, ħafna drabi drammatiċi , li qed jaslu minn kull naħa, ma jistgħux iħalluna trankwilli; qed jitolbuna nagħmlu kollox, filwaqt li nafdaw dejjem fil-grazzja t’Alla.

Fil-bidla ta’ epoka li qed ngħixu – mhijiex epoka ta’ bidla, imma bidla ta’ epoka – hemm bżonn ninpenjaw ruħna mhux biss biex il-persuni, il-kulturi u l-popli jiltaqgħu u jkun hawn alleanza bejn iċ-ċiviltajiet, imma biex flimkien nirbħu l-isfida epokali u tinbena kultura kondiviża tal-encounter u ċiviltà globali tal-alleanza; bħal qawsalla ta’ kuluri li fiha joħroġ id-dawl abjad tal-imħabba t’Alla! U biex dan iseħħ hemm bżonn ta’ rġiel u nisa – żgħażagħ, familji, nies ta’ kull vokazzjoni u professjoni – li jkunu kapaċi jfasslu triqat ġodda li nimxuhom flimkien. Il-Vanġelu hu dejjem ġdid. F’dan iż-żmien tal-Għid, il-Knisja qaltilna ħafna drabi li l-Qawmien ta’ Ġesù jġibilna żgħożija u jwassalna biex nitolbu għal żgħożija mġedda. Dejjem nimxu ‘l quddiem bi kreattività!

L-isfida hi dik tal-fedeltà kreattiva: li nkunu fidili lejn l-ispirazzjoni tal-bidu u flimkien inkunu miftuħa għan-nifs tal-Ispirtu s-Santu, filwaqt li nimxu b’kuraġġ fit-toroq ġodda li Hu jissuġġerilna.Insib li l-akbar eżempju għalija hu dak li hemm fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli – u nagħtikom parir li dan ikun ta’ eżempju għalikom ukoll. Araw kemm l-Appostli kienu kapaċi jibqgħu fidili lejn it-tagħlim ta’ Ġesù u x’kuraġġ kellhom biex jagħmlu tant “ġennati”; wettqu ħafna u marru kullimkien. Għaliex? Għax għexu din il-fedeltà kreattiva. Aqrawh dan it-test tal-Iskrittura, mhux darba, imma tnejn, tlieta, erba’, ħames jew sitt darbiet, għax hemm issibu t-triq ta’ din il-fedeltà kreattiva. Huwa l-Ispirtu s-Santu u mhux il-bon sens tagħna, il-kapaċitajiet pragmatiċi tagħna, il-mod limitat kif naraw l-affarijiet; le, jeħtieġ nimxu ‘l quddiem bin-nifs li jonfoħ l-Ispirtu.

Imma kif nagħrfuh l-Ispirtu s-Santu u kif nimxu warajh? Billi nipprattikaw id-dixxerniment komunitarju. Dan ifisser li ningħaqdu flimkien f’assemblea madwar Ġesù li qam mill-mewt, il-Mulej u l-Imgħallem, ħalli nisimgħu dak li l-Ispirtu s-Santu qed jgħidilna llum bħala komunità nisranija (ara Ap 2,7), u biex, f’din l-atmosfera, niskopru flimkien is-sejħa t’Alla li qed ikellimna fis-sitwazzjoni storika li ninsabu fiha biex ngħixu l-Vanġelu.

Hemm bżonn nisimgħu lil Alla sakemm flimkien miegħu naslu biex nisimgħu l-għajta tal-Poplu, u hemm bżonn nisimgħu lill-Poplu sabiex naslu biex nagħrfu r-rieda li Alla qed isejħilna għaliha. Id-dixxipli ta’ Ġesù jeħtieġ li jikkontemplaw il-Kelma u jikkontemplaw il-Poplu t’Alla.

Aħna lkoll imsejħin biex insiru artiġjani tad-dixxerniment komunitarju. Mhux faċli nagħmlu dan, iżda jeħtieġ nagħmluh jekk irridu li jkollna din il-fedeltà kreattiva, jekk irridu nkunu doċli għall-Ispirtu s-Santu. Din hi t-triq anki biex Loppiano tiskopri u timxi pass pass fit-triq t’Alla fil-qadi tal-Knisja u tas-soċjetà.

********************

Qabel nispiċċa, irrid nerġa’ ngħid grazzi lilkom ikoll għall-merħba u għall-festa!

U hemm xi ħaġ’oħra f’qalbi li xtaqt ngħidilkom. Ninsabu hawn ilkoll miġbura quddiem is-Santwarju ta’ Maria Theotokos. Ninsabu taħt il-ħarsa ta’ Marija. F’dan ukoll hemm sintonija bejn Vatikan II u l-kariżma tal-Fokolari, li l-isem uffiċjali tagħha għall-Knisja hu Opra ta’ Marija. Fil- 21 ta’ Novembru 1964, fit-tmiem tat-tielet Sessjoni tal-Konċilju, il-Beatu Pawlu VI kien ipproklama lil Marija “Omm il-Knisja”. Jien xtaqt li minn din is-sena tiġi istitwita l-memorja liturġika ta’ din il-proklamazzjoni, li ser tkun iċċelebrata għall-ewwel darba nhar it-Tnejn 21 ta’ Mejju, l-għada tal-Pentecoste.

Marija hi Omm Ġesù u Fih hi Omm tagħna lkoll: l-Omm tal-unità. Is-Santwarju ddedikat lilha hawn f’ Loppiano hu stedina biex inpoġġu ruħna fl-iskola ta’ Marija ħalli nitgħallmu nagħrfu lil Ġesù, ngħixu ma’ Ġesù u b’Ġesù preżenti f’kull wieħed minna u bejnietna.

Tinsewx li Marija kienet lajka. L-ewwel dixxipli ta’ Ġesù, omm Ġesù kienet lajka. Hawnhekk hawn ispirazzjoni kbira. Eżerċizju sabiħ li nistgħu nagħmlu – u nisfidakom tagħmluh – hu, li tieħdu l-episodji fil-ħajja ta’ Ġesù (fil-Vanġelu) fejn insibu nuqqas ta’ qbil – bħal per eżempju l-episodju ta’ Kana – u taraw kif ġabet ruħha Marija. Marija tkellmet u rat x’setgħet tagħmel. “Iżda, Father, (dawn l-episodji) mhux kollha nsibuhom fil-Vanġelu…”. Immaġina, immaġina li l-Omm kienet hemm, li kienet qed tara dak li kien qed jiġri……..Kif ġabet ruħha Marija? Din hi l-vera skola biex wieħed jimxi ‘l quddiem; għax Marija hi l-mara tal-fedeltà, il-mara tal-kreattività, il-mara tal-kuraġġ, tal-parresia, il-mara tal-paċenzja, il-mara li tissaporti. Ħarsu dejjem lejha, lejn din il-lajka, lejn din l-ewwel dixxipla ta’ Ġesù u araw kif ġabet ruħha fl-episodji tal-ħajja ta’ Binha fejn kien hemm nuqqas ta’ qbil. Dan jgħinkom ħafna.

U tinsewx titolbu għalija, għax għandi bżonn! Grazzi!

Migjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.