Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru

Download pdf


Kelma tal-Ħajja

“Farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, kif qegħdin tagħmlu” (1Tes 5, 11).

San Pawl kien iżomm kuntatt mal-komunità  ta’ nsara li waqqaf f’Tessalonika permezz tal-kitba. Ma setax imur iżurhom għax hu kien ħarab minn hemm minħabba diffikultajiet u  persekuzzjoni kbira, iżda baqa’ jsegwihom b’imħabba kbira permezz tal-ittri li kien jiktbilhom, u kien ifaħħarhom talli huma baqgħu sħaħ fil-fidi. Kienu saru xhieda tassew eżemplari!

Pawlu kien jaf li fil-qalb ta’ din il-komunità kien hemm mistoqsijiet importanti bħal: X’hemm jistenniena wara l-mewt? Il-Mulej se jdum ma jerġa’ jiġi? Kif għandna nħejju ruħna għall-miġja tiegħu?

Fit-tweġiba tiegħu ma tahomx preċetti x’jobdu, imma stqarr mill-ġdid il-fidi tiegħu f’Ġesù li ta ħajtu b’imħabba għall-bnedmin kollha, qam mill-mewt u fetħilna t-triq li twassal għall-Ħajja.

Hu wissiehom li jekk huma riedu jħejju ruħhom għall-miġja ta’ Kristu, kellhom jgħixu bi sħiħ il-Vanġelu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u jkomplu jaħdmu b’onestà biex jibnu komunità ta’ aħwa:

“Farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, kif qegħdin tagħmlu”.

Pawlu stess kien ġarrab l-esperjenza li l-Vanġelu jagħti l-ħajja u jkabbar dik iż-żerriegħa ta’ tjubija li Alla jħawwel fil-qalb tal-bniedem.

Din hi żerriegħa ta’ tama li tikber fina kuljum meta aħna niltaqgħu mal-imħabba t’Alla u li tagħti l-frott meta aħna ninħabbu bejnietna. Hi żerriegħa li tqanqalna biex neħduha kontra l-individwaliżmu u l-indifferenza li jagħlquna fina nfusna u jwassluna biex neħduha kontra xulxin; hi żerriegħa li tħeġġiġna biex ngħinu `l ħutna jerfgħu t-toqol  tal-ħajja u biex inqawwu qalb xulxin.

Dan hu Kliem sempliċi; aħna lkoll nistgħu nifhmuh u ngħixuh, imma hu jista’ jibdlilna  ħajjitna mill-qigħ.

Hu wkoll parir prezzjuż, li jgħinna niskopru mill-ġdid il-verità fundamentali tal-imħabba t’aħwa lejn xulxin. Prinċipju tal-filosofija Bantu tal-Ubuntu jgħid hekk: “Jien dak li jien bil-ħila ta’ dak li aħna lkoll”.

Dan il-ħsieb mexxa  l-ħidma politika ta’ Nelson Mandela, mexxej kbir  fl-Afrika t’Isfel li kien Metodista. Kien jgħid: “Ubuntu ma tfissirx taħseb fik innifsek, imma pjuttost tistaqsi: “Jien irrid ngħinha l-komunità li tgħix madwari?”[1]. L-azzjoni koerenti u kuraġġuża tiegħu wasslet għal taqlib storiku f’pajjiżu u għal pass `il quddiem fiċ-ċiviltà.

“Farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, kif qegħdin tagħmlu”.

Kif se ngħixu din il-Kelma?

“Ngħixuha billi aħna wkoll infittxu li nikbru fl-imħabba ta’ bejnietna fil-familji tagħna, fuq il-post tax-xogħol, fl-għaqdiet tal-parroċċa, eċċ. Din il-Kelma titlob minna mħabba kbira, li tagħraf tegħleb il-kejl fqir tagħna, dak kollu li jifridna u l-egoiżmu fin tagħna. Ikun biżżejjed naħsbu f’ċerti kwalitajiet tal-imħabba (nittolleraw, nifhmu, nilqgħu u nissaportu `l xulxin, inkunu lesti naqdu u naqsmu mal-proxxmu l-ġid li għandna, eċċ.) biex nindunaw kemm għandna okkażjonijiet li fihom nistgħu ngħixuha.

Naturalment, jekk bejnietna jkun hemm din l-imħabba, is-sħana tagħha tinfirex, u anki dawk li ma jafux bil-ħajja nisranija jindunaw kemm hi ħaġa sabiħa u, xejn ma trid li huma wkoll jibdew jagħmlu bħalna, u jħossuhom parti mill-istess familja”[2].

“Farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, kif qegħdin tagħmlu”.

Fil-belt ta’ Palermo, fi Sqallija, twieled grupp ta’ tobba speċjalisti, psikoloġi u nurses li jgħixu dan l-ispirtu u qed jaħdmu b’risq il-foqra. Isimgħu x’qalulna: “Aħna nagħmlu parti minn grupp ta’ tobba u professjonisti Nsara li naħdmu fil-qasam tas-saħħa. Il-kliem tal-Vanġelu jħeġġiġna biex f’kull persuna naraw lil ħuna jew `l oħtna, speċjalment f’min hu marid u m’għandux flus biex jieħu l-kura meħtieġa. Fost dawk li nieħdu ħsiebhom aħna hemm ukoll uħud li huma  milquta minn mard serju, jew inkella huma vittmi tal-logħob jew tal-Internet. Aħna noffru l-professjoni tagħna u nsaħħu l-postijiet ta’ kura li diġà jeżistu hawnhekk. Ħloqna chat bil-Whatsapp u paġna fuq Facebook; għandna wkoll l-indirizzi email ta’ xulxin biex inkunu nistgħu nikkomunikaw bejnietna u ninfurmaw lil xulxin dwar il-ħtiġiet li niltaqgħu magħhom.  Għalkemm  dan il-grupp twaqqaf m’ilux, diġà qed jagħmel ħafna xogħol l-aktar mal-barranin, speċjalment ma’ dawk li waslu mill-Ghana u li huma ta’ reliġjon Avventista. Ħafna minn dawn il-barranin huma nies b’karattru ferħan u magħhom aħna naqsmu l-ferħ li ngħinu `l xulxin bħal aħwa, ulied tal-istess Missier”.

Letizia Magri

[1] Mill-“Ubuntu Experience”, intervista `l Tim Modise, 24 ta’ Mejju 2006: https://lecitazioni.it/autori/nelsonmandela/.

[2] C. Lubich, Kelma tal-Ħajja, Novembru 1994 (Opere di Chiara Lubich 5, Città Nuova, Ruma, 2017) pp. 559-560.


Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.