Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?” (Is 43, 19).
L-eżilju fil-Babilonja u l-qerda tat-tempju ta’ Ġerusalemm kienu trawma għall-poplu Lhudi, li beda jsaqsi: Alla għadu magħna jew telaqna għal riħna? Din is-silta, Isaija kitibha biex jgħin lill-poplu Lhudi jifhem dak li Alla kien qed jagħmel, ħalli jintelaq f’idejh u b’hekk ikun jista` jerġa` lura lejn artu. Kien propju fl-esperjenza tal-eżilju li deher wiċċ Alla ħallieq u feddej.
“Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?”.
Isaija jfakkar fl-imħabba fidila ta’ Alla għal ġensu. Hu baqa’ dejjem fidil mal-poplu tiegħu anki fiż-żmien iebes tal-eżilju. U anki jekk il-wegħdiet li għamel lil Abram dehru bħallikieku ma setgħux iseħħu u l-Patt tal-Alleanza deher fi kriżi, il-poplu ta’ Iżrael baqa’ l-post privileġġjat fejn kienet tinsab il-preżenza ta’ Alla fl-Istorja.
Dan il-ktieb profetiku jittratta mistoqsijiet fundamentali dwar il-ħajja li ma jgħoddux biss għal dawk iż-żminijiet: għax min għandu f’idejh il-ġrajjiet u t-tifsira tal-Istorja? Kull wieħed u waħda minna jista’ jagħmel din il-mistoqsija: min għandu f’idu d-destin ta’ ħajti? X’sens fih dak li qed ngħix jew dak li ġa għext?
“Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?”.
Alla jaħdem il-ħin kollu fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna u jagħmel “affarijiet ġodda”. Jekk ma nindunawx jew ma nifhmux kemm tfisser u tiswa din il-ħidma tiegħu, dan jiġri għax dawn “l-affarijiet ġodda” jkunu għadhom fil-bidu tagħhom, jew inkella għax aħna ma nkunux lesti nagħrfu dak li Alla jkun qed jagħmel. Jista’ jkun li tant inkunu aljenati b’dak li jkun qed jiġri madwarna, u tant aħna meħuda bl-inkwiet u l-ħsibijiet tagħna, li ma niqfux biżżejjed biex nosservaw dak il-ġdid li jkun qed jinbet. Dan jiżgurana li Alla jinsab magħna, li hu qatt ma jitlaqna għal riħna u joħloq u jerġa’ joħloq mill-ġdid lil ħajjitna.
“Din il-‘ħaġa ġdida’, dan il-‘ħolqien ġdid’ li ġej minn Alla huwa aħna. […] M’għandniex għalfejn inħarsu lura u jiddispjaċina għall-affarijiet sbieħ tal-imgħoddi, jew inkella nibku l-iżbalji li għamilna. Jeħtieġ nemmnu bil-qawwa kollha fil-ħidma ta’ Alla li jista’ jkompli jagħmel affarijiet ġodda”1.
“Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?”.
Flimkien ma’ dawk kollha li qed jagħmlu magħna l-mixja tal-ħajja, mal-komunità tagħna, mal-ħbieb, ma’ sħabna tax-xogħol, ejjew nippruvaw naħdmu u naraw x’nistgħu nagħmlu bla ma naqtgħu qalbna li l-affarijiet jistgħu jinbidlu għall-aħjar.
Is-sena 2025 hi waħda speċjali għax l-Għid tal-Knisja Ortodossa se jaħbat fl-istess data ta’ Knejjes Insara oħra. J’Alla li permezz ta’ din il-ġrajja tal-festa tal-Għid il-Knejjes Insara jkomplu jagħtu xhieda tar-rieda tagħhom li jiddjalogaw bla waqfien u jaħdmu flimkien biex iwieġbu għall-isfidi li l-bnedmin qed iħabbtu wiċċhom magħhom.
Mela ejjew inħejju ruħna għal dan iż-żmien tal-Għid mimli ferħ, fidi u tama. Hekk kif Kristu qam mill-mewt, aħna wkoll, wara li nkunu għaddejna minn mumenti diffiċli ta’ ħajjitna, ejjew nintelqu f’idejn Dak li jmexxi l-Istorja u l-ħajja tagħna.
Kitba ta’ Patrizia Mazzola
u il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja
1. C. Lubich, Parola di Vita di marzo 2004, in eadem, Parole di Vita, a cura di Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017) pp. 715-716
Be the first to comment