Kelma tal-Ħajja

Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin” (Lq 24, 29).

It-triq li tieħu għar-raħal ta’ Għemmaws tissemma fir-rakkont dwar mixja li għamlu żewġ dixxipli ta’ Ġesù. Dawn kienu sejrin lura lejn darhom, għax il-ħolm, il-pjanijiet, il-ġranet sbieħ li qattgħu mal-Imgħallem kienu għabu fix-xejn, u għalhekk iddeċidew li jerġgħu lura għall-ħajja li ħallew qabel ma ltaqgħu miegħu. Kienu għaddew biss tlett ijiem minn meta sallbu lil Ġesù, u d-dixxipli ħassewhom delużi, imbeżżgħa u mimlija dubji.

Tbiegħdu minn Ġerusalemm, mill-ħolma li ma seħħitx, filwaqt li “b’dieqa” kienu qed jitbiegħdu minn Kristu u mill-messaġġ tiegħu, għax b’xi mod kienu ġa qatgħuha li jabbandunaw il-pjan li wassalhom biex jimxu wara l-Imgħallem.

Din l-istorja lkoll ngħaddu minnha meta nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet li jpoġġuna f’salib it toroq, u naħsbu li l-unika soluzzjoni tkun li nerġgħu lura, inċedu u nirrassenjaw ruħna.

“Min minna, xi darba jew oħra, ma sabx ruħu f’sitwazzjoni bħal dik tad-dixxipli ta’ Għemmaws? Min minna ma mexiex fuq din it-triq f’xi lejla meta kollox kien jidher mitluf? Kristu jkun mejjet fina… bħallikieku ma jeżisti ebda Ġesù fuq din fl-art”[1].

“Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin.”

Waqt li ż-żewġ dixxipli kienu mexjin, ingħaqad magħhom raġel barrani li deher qisu ma jaf xejn dwar il-ġrajjiet li kienu għadhom kemm seħħew. Beda jagħmlilhom mistoqsijiet preċiżi li komplew iqanqlu fihom dieqa u diżappunt. Għall-ewwel semagħhom u mbagħad beda jfissrilhom l-Iskrittura. Dan kien djalogu; kienet laqgħa li tant ħalliet marka fuqhom, li għalkemm lil Ġesù kienu għadhom ma għarfuhx, talbuh jibqa’ magħhom għax kien sar ħafna ħin[2].

Nistgħu ngħidu li din hi waħda fost l-isbaħ talbiet li nsibu fil-Vanġeli. Hi l-ewwel talba li d-dixxipli għamlu lil Ġesù Rxoxt; hi stedina ħerqana li lkoll nistgħu nagħmluhielu sabiex Hu jibqa’ magħna u fostna. Għajnejn id-dixxipli nfetħu mal-qsim tal-ħobż, u l-ferħ li ħassew meta għarfuh ħeġġiġhom imorru lura Ġerusalemm sabiex iħabbru lil ħbiebhom li Ġesù kien tassew qam mill-mewt.

“Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin.”

Chiara Lubich kitbet hekk: “Forsi m’hemm xejn aħjar minn dan il-kliem biex jispjega l-esperjenza ta’ Ġesù f’nofsna li aħna l-fokolarini għexna sa mill-bidu. Ġesù hu dejjem Ġesù, u anki jekk ikun biss spiritwalment preżenti, Hu jfissrilna l-Iskrittura u jkebbes fina mħabbtu, il-ħajja tiegħu. U la darba nsiru nafuh, b’ħerqa ngħidulu: ‘Ibqa’ magħna, Mulej, għax issa sar ħafna ħin’: mingħajrek insibu ruħna fid-dlam (…)”[3].

Il-lejl hu simbolu ta’ dlam, ta’ dak li għailna jkun misteru, ta’ meta jonqos dak id-dawl li ma jirnexxilniex insibuh għax ma nemmnux li Ġesù hu dejjem miexi magħna.

Il-lejl hu dak li bħalissa qed jiksi d-dinja, miġruħa minn gwerer bejn l-aħwa, minn  gwerer li qed isiru b’kilba għall-poter u għall-flus.

Il-lejl hu dak li qed jgħixu miljuni ta’ nies li ma jistgħux isemmgħu leħinhom kontra l-inġustizzji u l-jasar.

U aħna, kif nistgħu nintebħu bil-preżenza ta’ Ġesù, li mhux dejjem jurina lilu nnifsu kif inkunu qed nistennewh aħna? Kif nistgħu nifhmu li hu miexi magħna u jrid jgħinna nagħrfu s-sinjali tal-preżenza tiegħu? U fuq kollox, kif nistgħu noħolqu l-kundizzjonijiet biex hu juri lilu nnifsu lilna u jibqa’ magħna?

Dawn huma mistoqsijiet li forsi mhux dejjem inkunu nafu nwieġbu għalihom, iżda li jħeġġuna biex nibqgħu nfittxu lil Ġesù, biex niffukaw ħarsitna fuq sieħeb ta’ vjaġġ li spiss ma nintebħux bih, biex nagħrfu lil Dak li jista’ jkun preżenti jekk ikun hemm l-imħabba bejnietna.

It-triq ta Għemmaws hi simbolu tat-toroq kollha li nimxu fihom aħna, hi t-triq fejn niltaqgħu mal-Mulej, hi t-triq li ġġedded il-ferħ tal-qalb, li tressaqna lejn il-komunità biex flimkien nagħtu xhieda ta’ Kristu li qam mill-mewt.

Patrizia Mazzola
u il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

[1] FranҁoisMauriac, Vita di Gesù, Mondadori, Milan, 1950, pġ. 156.
[2] Ara Lq 24, 17-29.
[3] Chiara Lubich, Scritti Spirituali/3, Citta’ Nuova, Ruma 1979, pġ.67.

Add Comment

Click here to post a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.