Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“Ara, ser inġedded kollox” (Ap. 21,5).
Din il-Kelma tal-Ħajja hi meħuda miIl-Ktieb tal-Apokalissi, l-aħħar ktieb tat-Testment il-Ġdid. It-titlu tiegħu jfisser rivelazzjoni, u min kitbu ried li jfiehem dak li għandu jiġri meta fl-aħħar taż-żmenijiet Kristu jerġa’ jiġi fuq din l-art, isseħħ ir-rebħa aħħarija fuq il-ħażen, u d-dinja tkun tista’ tara smewwiet ġodda u art ġdida.
Mhux faċli tifhem din il-kitba. Jeħtieġ li mmorru lura lejn is-snin 81-96 wara Kristu, meta l-persekuzzjoni kontra l-Insara kienet fl-aqwa tagħha. Il-komunitajiet Insara kienu jgħixu fil-biża’: x’ser isir minna u mill-messaġġ li ġie fdat lilna? Għaliex Alla ma jidħolx għalina?
Din kienet is-sitwazzjoni. Ir-Rumani kienu eżiljaw lill-awtur tal-ktieb u bagħtuh jgħix fil-gżira ta’ Patmos, fejn kellu sensiela ta’ dehriet li kien ordnat jikteb dwarhom.
“Ara, ser inġedded kollox.”
Il-Ktieb tal-Apokalissi ried li jagħti tama lill-komunitajiet ippersegwitati; ried jurihom li għalkemm il-preżent kien diffiċli u mimli vjolenza u li l-ġejjieni ma kienx ċert, iżda fl-aħħar it-tajjeb jirbaħ u Alla jġedded kollox.
Illum ukoll meta nisimgħu “l-aħbarijiet jew naqraw il-gazzetti nsibu ħafna traġedji; jirrapurtaw ħafna aħbarijiet ta’ gwaj u hemm ir-riskju li nidraw nisimgħuhom. […] Iżda hemm Missier li qed jibki magħna, li jxerred dmugħ ta’ ħniena bla qies għal uliedu. Hemm Missier li qed jistenniena biex ifarraġna għax hu jagħraf it-tbatija tagħna u ħejja għalina ġejjieni differenti. Din hi d-dehra tat-tama nisranija, li qiegħda hemm għalina lkoll fil-ġranet kollha ta’ ħajjitna u trid tfarraġni”1.
“Ara, ser inġedded kollox.”
Ma nafux meta u kif dan għad iseħħ, u għalxejn infittxu biex inkunu nafu. Ħaġa waħda hi żgur: dan għad iseħħ.
“L-aħħar paġni tal-Bibbja juru x-xefaq aħħari tal-mixja għal dawk li jemmnu: Ġerusalemm tas-Sema. Qabelxejn, din nistħajluha għarix kbir fejn Alla jilqa’ lill-bnedmin kollha biex jgħammar għal dejjem magħhom (Ap. 21,3). Din hi t-tama tagħna. U x’ser jagħmel Alla meta fl-aħħar inkunu lkoll miegħu? Jimxi magħna bi ħlewwa liema bħalha, jilqa’ lil uliedu kollha li jkunu tħabtu u batew għal żmien twil. ‘Din hi l-għamara ta’ Alla għall-bnedmin! […] Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajjat jew tbatija, ma jkun hemm xejn iżjed għax il-ħwejjeġ ta’ qabel għabu. […] Ara, ser inġedded kollox’ (Ap. 21,3-5). Alla tal-ġdid!”2
“Ara, ser inġedded kollox.”
Kif ser ngħixu l-Kelma tal-Ħajja għal dan ix-xahar? “Din il-Kelma tiżgurana li aħna mexjin lejn dinja ġdida li qed inħejjuha u nibnuha sa minn issa stess. Żgur li mhijiex stedina biex naħarbu mid-dinja u ma ngħixux l-impenn tagħna. Alla jrid li jġedded kollox: il-ħajja personali tagħna, il-ħbiberija, l-imħabba fiż-żwieġ, il-familja, l-iskola, il-kultura, il-mistrieħ, is-saħħa, l-ekonomija, il-politika, eċċ, f’kelma waħda hu jrid li jġedded l-aspetti kollha tal-ħajja tal-bniedem. Iżda biex jagħmel dan hu għandu bżonn lilna. Għandu bżonn ta’ nies li jħallu l-Kelma tgħix fihom, li jkunu l-Kelma ħajja, li jkunu Ġesù ieħor fl-ambjent fejn jgħixu”3.
Alice, żagħżugħa nisranija fehmet li biex tgħix il-vokazzjoni tagħha kien hemm bżonn ta’ bidla profonda ħalli Alla jkun jista’ jaħdem f’ħajjitha u jġeddidha. Kellha l-opportunità li tagħmel esperjenza fl-Indja. Hemmhekk hi daqet il-veru ferħ u ħassitha mgħaddsa tassew fil-grazzja t’Alla, anki meta għexet mumenti diffiċli. Iddedikat il-ġranet tagħha għat-talb, għall-ħajja komunitarja u għall-qadi fil-volontarjat. Kienet milquta ħafna mit-tfal fl-orfanatrofju: għalkemm ma kellhom xejn, dawn kienu mimlija entużjażmu li bilkemm jitwemmen, u għallmuha ħafna dwar il-ħajja. Ma għamlitx biss vjaġġ, għamlet pellegrinaġġ, mixja ta’ tlugħ u nżul li wasslitha biex teħles minn dak kollu li kien qed itaqqalha u ssib dak li jagħmilha tassew sinjura u ħielsa.
Augusto Parody Reyes
u il-grupp tal-Kelma tal-Ħajja
REFERENZI
1: Cf., Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali tat-23 ta’ Awwissu 2017. Katekeżi fuq it-Tama Nisranija
2: Ibid
3: Cfr. C.Lubich, Kelma tal-Ħajja, ta’ Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Citta Nuova, Ruma, 2017, pġ. 429
Photo credit: Pixabay


English
Add Comment