Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej li għamel is-sema u l-art” (Sal 121 [120], 2)
Hawn xi ħadd li xi darba jew oħra ma ħassux jaqta’ qalbu fil-ħajja?
Anki l-awtur tas-Salm 121 għex il-qtigħ il-qalb meta kien għaddej minn ċirkustanzi diffiċli, u staqsa lilu nnifsu mnejn seta’ jġib l-għajnuna li kellu bżonn.
Fit-tweġiba għal din il-mistoqsija, hu jagħmel stqarrija ta’ fidi li turi l-fiduċja kbira tiegħu f’Alla. Jitkellem b’konvinzjoni kbira dwar il-Mulej li jħares u jieħu ħsieb kull persuna u l-poplu kollu, u dan juri ċertezza li tidher li twieldet minn esperjenza profonda personali.
“L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej li għamel is-sema u l-art”.
Fil-fatt, il-bqija tas-Salm hu tħabbira dwar Alla li jista’ kollox u li jħobb, li ħalaq dak kollu li jeżisti u jħarsu lejl u nhar. Il-Mulej “ma jħalli qatt li riġlek togħtor, ma jongħosx dak li jħarsek”(1), jisħaq is-salmista, li jixtieq jipperswadi lill-qarrej.
L-awtur kien maħkum minn diversi diffikultajiet, imma hu refa’ għajnejh ‘il fuq(2) u fittex dak li seta’ joħorġu ‘l barra u lil hinn mill-ambjent li kien qed jgħix fih; u hu sab tweġiba.
Għaraf li l-għajnuna tiġi mingħand l-awtur tal-ħajja li jieħu ħsieb kull kreatura, li jħarisha u jsostniha f’kull mument bla ma jabbandunaha qatt(3).
Emmen bi sħiħ f’dan Alla li jishar lejl u nhar biex “iħares lil Iżrael”(4); u tant emmen fih li ma setax ma jwassalx din l-aħbar lill-oħrajn.
“L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej li għamel is-sema u l-art”.
Chiara Lubich tisħaq li fil-mumenti ta’ inċertezza, dwejjaq u qtigħ il-qalb: “Alla jridna nemmnu fl-imħabba tiegħu u jitlobna nagħmlu att ta’ fiduċja: (…) iridna napprofittaw ruħna minn dawn iċ-ċirkustanzi ta’ tbatija biex nuruh li nemmnu f’imħabbtu. Dan ifisser: nemmnu li hu Missierna u li hu jieħu ħsiebna. Ejjew nitfgħu fi ħdanu kull inkwiet li jkollna. Ejjew ngħabbu fuqu dak kollu li jtaqqalna”(5).
Imma b’liema mod tasal għandna l-għajnuna t’Alla?
Il-Kotba Mqaddsa jirrakkontaw ħafna ġrajjiet li juruna kif l-għajnuna t’Alla tasal permezz ta’ nisa u rġiel bħal Mosè, Elija, Eliżew, Ester, li kienu msejħin biex ikunu għodda li twassal l-għajnuna ta’ Alla għand il-poplu jew għand xi persuna partikulari.
Jekk “ngħollu ħarsitna ‘l fuq”, aħna wkoll nagħrfu li hemm persuni li, forsi anki bla ma jafu, qed ikunu ta’ għajnuna għalina; u ta’ dan għandna ngħidu grazzi lil Alla, għax fl-aħħar mill-aħħar kull ġid jiġi mingħandu. Hu ħalaq il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna u aħna nistgħu nkunu xhieda ta’ dan għall-oħrajn.
Iżda ma jkunx faċli li nagħrfu dan jekk ningħalqu fina nfusna u jekk fil-waqtiet diffiċli nippruvaw inserrħu biss fuq il-forzi tagħna. Imma jekk ninfetħu, inħarsu madwarna u ngħollu għajnejna ‘l fuq, niskopru li aħna wkoll nistgħu nkunu għodda li Alla jipprovdi għal uliedu. Nintebħu bil-bżonnijiet tal-oħrajn u nkunu ta’ għajnuna prezzjuża għalihom.
“L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej li għamel is-sema u l-art”.
Roger, mill-Costa Rica, jirrakkonta: “Saċerdot li nafu qalli li kellu jiġi xi ħadd għandi biex jiġbor xi nappies għall-adulti, li l-grupp ta’ solidarjetà li nagħmel parti minnu ġabar biex ngħinu anzjan mill-parroċċa tagħna. Waqt li kont qed nistenna lil din il-persuna, għaddiet waħda mill-ġirien li qed tgħix sitwazzjoni diffiċli ħafna. Tajtha l-aħħar seba’ bajdiet li kelli u xi affarijiet oħra tal-ikel. Din il-mara baqgħet mistagħġba għax qaltli li ma kellha xejn biex titma lil żewġha u lil uliedha. Fakkartha fil-kliem ta’ Ġesù “Itolbu u taqilgħu” (Mt 7, 7) u f’kemm hu veru li Alla jieħu ħsiebna f’dak kollu li jkollna bżonn. Marret lura d-dar kuntenta u grata lejn Alla.
Wara nofsinhar wasal ir-raġel li kellu jiġbor in-nappies. Kien xufier tat-trakkijiet; offrejtlu kafè u waqt li konna qed nitkellmu staqsejtu x’merkanzija jġorr. “Bajd” qalli, u tani tnejn u tletin bajda.”
Silvano Malini u t-tim tal-Kelma tal-Ħajja
REFERNZI
1: Sal 121 [120], 3.
2: Cf. Id., v. 1.
3: Cf. Id., v. 8.
4: Id., v. 4.
5: C. Lubich, Conversazioni, Ruma 2019, pġ. 279


 English
 English
 
									 
									 
									
Add Comment