Kelma tal-Ħajja – Diċembru 2018

“Ifirħu dejjem fil-Mulej” (Fil 4, 4). Download pdf


L-appostlu San Pawl kien qed jikteb lill-komunità tal-belt ta’ Filippi waqt li hu stess kien għaddej minn persekuzzjoni li poġġietu f’diffikultajiet kbar. Madankollu, lil dawn il-ħbieb għeżież tiegħu tahom parir, anzi  ordnalhom biex “jifirħu dejjem”.

Imma tista’ tordna `l xi ħadd biex ikun dejjem ferħan?

Jekk inħarsu madwarna, ħafna drabi lanqas is-sliem ma nsibu, aħseb u ara l-ferħ!

Quddiem il-persekuzzjonijiet tal-ħajja, l-inġustizzji tas-soċjetà u l-ġlied bejn ilġnus diġà  hu diffiċli ma naqtgħux qalbna, ma nċedux u ma ningħalqux fina nfusna. Iżda Pawlu qed jistieden lilna wkoll u jgħidilna:

“IFIRĦU DEJJEM FIL-MULEJ”.

X’inhu s-sigriet?

“[…] minkejja d-diffikultajiet kollha, hemm raġuni għaliex għandna nkunu dejjem ferħana. Jekk nieħdu l-ħajja nisranija b’impenn, din twassalna għall-ferħ. Permezz ta’ din il-ħajja, Ġesù jgħix fina b’mod sħiħ u għalhekk ma nistgħux ma nkunux ferħana. Hu l-għajn tal-veru ferħ, għax jagħti sens `il ħajjitna, imexxina bid-dawl tiegħu, jeħlisna minn kull biża’ kemm tal-imgħoddi kif ukoll dak li għadu ġej, isaħħaħna biex negħlbu d-diffikultajiet kollha, it-tentazzjonijiet u l-provi li nistgħu niltaqgħu magħhom”1.

Il-ferħ tan-nisrani mhuwiex sempliċement ottimiżmu, jew sigurtà li tiġi mill-ġid materjali, jew il-kuntentizza ta’ min għadu żagħżugħ u b’saħħtu. Hu pjuttost ilfrott tal-laqgħa persunali tagħna m’Alla li jinsab fil-fond ta’ qalbna.

“IFIRĦU DEJJEM FIL-MULEJ”.

Pawlu żied jgħid li dan il-ferħ jitwieled fina jekk aħna jkollna l-ħila nilqgħu lillproxxmu tagħna bil-ħlewwa, jekk aħna nkunu lesti li niddedikaw il-ħin għal dawk ta’ madwarna.

F’okkażjoni oħra Pawlu jtenni b’ċerta qawwa kliem Ġesù li qal: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu”2.

Mill-ħbiberija tagħna ma’ Ġesù aħna niksbu wkoll il-paċi tal-qalb, dik il-paċi li bil-qawwa  tagħha tmiss il-qalb tal-proxxmu tagħna.

Minkejja l-perikli serji u l-problemi li ġġib magħha l-gwerra, m’ilux fis-Sirja numru mdaqqas ta’ żgħażagħ iltaqgħu flimkien biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar l-għajxien tal-Vanġelu u jħossu l-ferħ li ġġib magħha l-imħabba lejn xulxin. Imbagħad wara telqu lura deċiżi li jagħtu xhieda li iva, hu possibbli li l-bnedmin jgħixu bħal aħwa ta’ xulxin. Wieħed li kien hemm kiteb hekk:

“Smajna ħafna stejjer ta’ tbatija kbira, ta’ tama u ta’ fidi erojka fl-imħabba t’Alla. Kien hemm min tilef kull ma kellu u issa kien qed jgħix mal-familja tiegħu f’kamp tar-refuġjati; kien hemm min ra `l-qraba għeżież tiegħu jmutu […]. Dawn iż-żgħażagħ qed jagħmlu ħilithom kollha biex jagħtu l-ħajja lill-oħrajn: huma jorganizzaw festivals fl-ibiet li fihom jieħdu sehem  eluf ta’ nies;  reġgħu bnew skola u ġnien fiċ-ċentru ta’ raħal, li qatt ma kienu tlestew minħabba l-gwerra; joffru għajnuna lil ħafna familji ta’ refuġjati […]. Qed niftakar f’dak li kienet qalet Chiara Lubich: “Il-ferħ tan-nisrani hu bħal raġġ tax-xemx li jiddi fuq demgħa, hu bħal fjura li twarrad fuq ferita mdemma’, hu essenza ta’ mħabba li tissaffa bit-tbatija […] u għalhekk fih hemm il-qawwa appostolika ta’ dehra tal-Ġenna”3. F’ħutna s-Sirjani aħna nsibu l-qawwa tal-ewwel insara; f’din il-gwerra mill-aktar kiefra huma qed jagħtu xhieda tal-fiduċja u tat-tama f’Alla Mħabba filwaqt li jgħadduha `l dawk li jinsabu magħhom f’dan il-vjaġġ tal-ħajja. Grazzi, Sirja, ta’ din il-lezzjoni ta’ kristjaneżmu ħaj!”.

Letizia Magri

1: C. Lubich, Invito alla gioia, «Città Nuova», 31 (1987/22), p. 11.

2: Atti 20, 35.

3: C. Lubich, La gioia, fil-Ġublew taż-żgħażagħ li sar Ruma fit-12 t’April 1984.


Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.