Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti

“Int Sidi; m’għandix ġid ieħor ħliefek.” (Sal 16 [15], 2). 

Il-Kelma tal-Ħajja ta’ dan ix-xahar hi meħuda mill-ktieb tas-Salmi, li fih hemm miġbur talb mill-isbaħ, ispirat minn Alla lis-Sultan David u lil nies oħra, biex jgħallimna nduru lejH. Is-Salmi jolqtu lilna lkoll: huma jmissu l-fond ta’ ruħna, fihom insibu sentimenti profondi u qawwija ħafna: dubji, tbatija, korla, qtigħ il-qalb, disperazzjoni, tama, ferħ. Għalhekk jgħoddu għal bniedem ta’ kull żmien, kultura u f’kull waqt ta’ ħajjitna. 

“Int Sidi; m’għandix ġid ieħor ħliefek. 

Is-Salm 16 kien ippreferut minn ħafna kittieba spiritwali. Per eżempju, Santa Tereża t’Avila tgħid: “Xejn ma jonqsu min jikseb ʹl Alla: Alla jkun biżżejjed għalih!”. Patri Antonios Fikri, teologu tal-Knisja Ortodossa, kiteb: “Dan hu s-salm tal-Irxoxt; il-Knisja titolbu fl-ewwel sigħat […], għax Kristu rxoxta maż-żernieq. Dan is-salm jagħtina t-tama li għad nirtu l-ħajja ta’ dejjem, għalhekk jgħidu li hu “tad-deheb”, jiġifieri fih insibu kliem tad-deheb, ġawhar tal-Kotba Mqaddsa”. Ejjew intennuh spiss, aħna u naħsbu f’kull kelma li hemm fih. 

“Int Sidi; m’għandix ġid ieħor ħliefek.”

Din it-talba twassalna biex inħossu l-preżenza attiva tal-imħabba t’Alla li tħaddanna, b’dak kollu li aħna flimkien mal-ħolqien kollu, u nindunaw li Alla jiġbor fih l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni tagħna. Fih insibu l-qawwa biex inħabbtu wiċċna bil fiduċja kollha mat-tbatija li tiġi fuqna fil-mixja tagħna u nsibu s-sliem li jgħinna ngħollu wiċċna ʹl fuq, lil hinn mid-dlam tal-ħajja, biex naslu għat-tama.

Mela kif nistgħu ngħixu l-Kelma tal-Ħajja ta’ dan ix-xahar? Din hi l-esperjenza ta’ C.D. “Ftit ilu bdejt inħoss saħħti sejra lura; għalhekk kelli mmur nagħmel ħafna testijiet u noqgħod nistenna r-riżultati. Fl-aħħar, meta sirt naf li kelli l-Parkinson… kien xokk kbir għalija! Kif jista’ jkun dan meta għad għandi biss 58 sena? Bdejt nistaqsi lili nnifsi: “għaliex ?”. Jiena ngħallem l-isports u bilfors ikolli nagħmel ħafna attivitajiet fiżiċi!

Ħsibt li kont qed nitlef xi ħaġa importanti ħafna. Imma quddiem għajnejja ġiet l-għażla li kont għamilt meta kont żagħżugħ: “Ġesù Abbandunat, m’għandix ġid ieħor ħliefek”!

Grazzi għallmediċini mill-ewwel bdejt inħossni aħjar, imma ma nafx eżattament x’għad jiġri. Qtajtha li ngħix il-mument preżenti. Wara li sirt naf li għandi din il-marda, mill-ewwel ktibt kanzunetta li fiha kantajt l-Iva tiegħi lil Alla: u ruħi mtliet bis-sliem!”.

Chiara Lubich ukoll kienet milquta ħafna mill-kliem ta’ dan is-salm u kitbet hekk: “Dan il-kliem sempliċi jnissel fina fiduċja kbira fiH u jħarriġna ngħixu l-ħin kollu f’għaqda mal-Imħabba. Hekk, magħqudin dejjem aktar ma’ Alla u mimlija biH, nagħrfu li fuqu trid isserraħ il-ħajja vera tagħna, magħmulin xbieha Tiegħu”[1].

Mela, matul dan ix-xahar ta’ Ġunju, ejjew flimkien ngħollu leħinna ʹl fuq lejn Alla biex inwasslulu din ‘id-dikjarazzjoni ta’ mħabba’ u nxerrdu s-sliem u l-paċi madwarna.

Letizia Magri

[1] C. Lubich, Parola di Vita luglio 2001, mill-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma, 2017) p. 643.


Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.