Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar

Download pdf

In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28, 2)

Mitejn u sitta u sebgħin ruħ kienu qed jivvjaġġaw fuq ġifen u, wara ġimgħatejn li kienu ilhom jinġarru mal-mewġ, waslu qrib gżira fil-Mediterran. Kienu mxarrbin għasra, għajjenin u mbeżża’. Ħassew li ma setgħu jagħmlu xejn mal-qawwa tan-natura u ġew wiċċ imb’wiċċ mal-mewt. Wieħed minnhom kien priġunier fi triqtu lejn Ruma biex jidher quddiem l-imperatur.

“In-nawfraġju ta’ San Pawl”

Din il-ġrajja ma ħarġitx mill-aħbarijiet ta’ żmienna, imma hi r-rakkont ta’ esperjenza tal-appostlu San Pawl, li ttieħed Ruma fejn  xandar il-Vanġelu billi xehed għalih bil-martirju.

Pawlu kien priġunier, iżda hu kellu fidi kbira fil-providenza t’Alla, u b’hekk  irnexxielu jqawwi l-qalb ta’ dawk li kienu miegħu f’din l-iżventura, sa ma waslu lkoll fuq xatt hawn Malta.

Kif waslu, in-nies tal-post laqgħuhom, qabbdulhom ħuġġieġa kbira biex jisħnu u wara ħadu ħsiebhom sew. Wara tliet xhur fuq din il-gżira, meta ġew biex iħallu xtutna, tawhom dak kollu li kellhom bżonn.

In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”.

Pawlu, u dawk kollha li kienu fuq il-ġifen, ħassewhom milqugħin minn nies li ma kinux għadhom jafu bil-Vanġelu. Dawn laqgħuhom u qdewhom mill-aħjar li setgħu, mingħajr ma qagħdu jħabblu moħħhom biex jaraw ta’ liema kultura jew reliġjon kienu. Il-ħila li nilqgħu lill-oħrajn tinsab minquxa fina lkoll, għax kull bniedem huwa xbieha tal-Missier kollu ħniena, anki meta l-fidi nisranija tkun għadha ma nxtegħlitx fih jew inkella tkun iddgħajfet. Din hi liġi miktuba f’qalb il-bniedem, u l-Kelma t’Alla ddawwalha u turi l-valur tagħha, ibda minn Abraham 1, sar-rivelazzjoni ta’ Ġesù: “Kont barrani u lqajtuni” (2).

Il-Mulej innifsu jagħtina l-qawwa tal-grazzja tiegħu, biex ir-rieda dgħajfa tagħna tasal għall-milja tagħha fl-imħabba nisranija. B’din l-esperjenza, Pawlu jgħallimna wkoll li għandna nafdaw fil-providenza t’Alla, u nagħrfu u napprezzaw il-ġid li nirċievu permezz tal-imħabba konkreta ta’ ħafna nies li niltaqgħu magħhom fil-mixja ta’ ħajjitna.

In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”.

Din is-silta meħuda mill-Atti tal-Appostli ġiet magħżula mill-Insara ta’ Knejjes differenti f’Malta biex tkun il-motto għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara tal-2020.

Dawn il-komunitajiet jgħinu b’ħafna inizjattivi li jsiru b’risq il-foqra u l-immigrati: jagħtuhom ikel, ilbies u ġugarelli għat-tfal u jgħallmuhom il-lingwa Ingliża biex ikunu jistgħu jitħalltu man-nies tal-lokal. Ix-xewqa hi li wieħed ikun dejjem aktar lest li jilqa’ lill-oħrajn  kif ukoll li jkun hemm aktar komunjoni bejn Insara ta’ Knejjes differenti, ħalli b’hekk dawn jagħtu xhieda ta’ fidi waħda.

U aħna, kif nistgħu nagħtu xhieda  tal-imħabba t’Alla ‘l ħutna? Kif nistgħu nagħtu sehemna fil-bini ta’ familja magħquda? Chiara Lubich tgħidilna hekk:

“Ġesù wriena li biex inħobbu rridu nilqgħu lill-ieħor kif inhu, bl-istess mod li bih Hu jilqa’ `l kull wieħed u waħda minna. Nilqgħuh kif inhu, bil-gosti, idejat, difetti u b’dak li jagħmlu differenti minna. […] Irridu nagħmlulu l-wisa’ ġewwa fina, u nwarrbu kull ġudizzju u kull ħsieb li ma jħalliniex naċċettawh. […] Lil Alla ma nistgħux nagħtuh glorja hekk kbira daqs meta nagħmlu sforz biex naċċettaw il-proxxmu tagħna, għax b’hekk inkunu qed nibnu l-pedament ta’ dik l-għaqda li tagħmilna aħwa ta’ xulxin. L-għaqda tattira l-preżenza ta’ Ġesù f’nofsna u l-preżenza tiegħu tibdel kollox. Mela, ejjew nersqu lejn kull proxxmu tagħna b’din ix-xewqa li nilqgħuh b’qalbna kollha u li nibnu miegħu l-imħabba ta’ aħwa lejn xulxin”.

Letizia Magri

1: Ara Ġen 18, 1-16.
2: Mt 25, 35.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.