Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“Għixu ta’ wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu veru” (Ef 5,8-9).
San Pawl qed jikteb lill-komunità ta’ Efesu, belt kbira ħafna, fejn kien għex biex jgħammed u jwassal il-Vanġelu. Aktarx li meta kiteb din l-ittra kien jinsab il-ħabs f’Ruma, madwar is-sena 62. Pawlu kien qed jgħix żmien ta’ tbatija, imma qed jikteb lill-Insara mhux biex isolvi xi problemi ta’ dik il-komunità, imma biex iħabbrilhom is-sbuħija tal-pjan t’Alla għall-Knisja li kienet qed titwieled.
Lill-Efesini qed ifakkarhom li, bid-don tal-Magħmudija u tal-fidi, huma kienu għaddew minn “żmien ta’ dlam” għal “żmien ta’ dawl” u qed iħeġġiġhom biex iġibu ruħhom skont it-twemmin tagħhom.
Għal Pawlu dan ifisser li rridu nimxu minn triq li fiha l-ħin kollu nikbru fl-għarfien t’Alla u tar-rieda Tiegħu ta’ mħabba, fejn kuljum irridu nibdew mill-ġdid.
Għalhekk jixtieq iħeġġiġhom biex jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum skont l-għażla li kienu għamlu: li jkunu “jixbhu lil Alla-Missier”(1) bħala “wlied mill-aktar għeżież”: qaddisa u kollhom ħniena.
“Għixu ta’ wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu veru.”
Aħna wkoll, Insara tas-seklu wieħed u għoxrin, imsejħin biex “inkunu dawl”, imma nistgħu nħossuna bla ħila, ikkundizzjonati mil-limiti tagħna jew imkaxkrin miċ-ċirkustanzi li nsibu ruħna fihom.
Kif nistgħu nimxu bit-tama, minkejja d-dlamijiet u l-inċertezzi li xi drabi nħossuhom jaħkmuna?
Pawlu jkompli jqawwilna qalbna: jekk ngħixu l-Kelma t’Alla, hi ddawwalna u tagħtina l-ħila “niddu fid-dinja bħal kwiekeb”(2), fost il-bnedmin mifxula ta’ żmienna.
“Kull Nisrani jista’ jkun bħal Kristu ieħor u jagħti sehemu […] fl-oqsma kollha tal-ħajja: fix-xjenza, fl-arti, fil-politika. […] Jekk aħna nilqgħu Kelmtu, insiru ħaġa waħda mal-ħsieb, mas-sentimenti u t-tagħlim Tiegħu. Kelmtu ddawwal kull ma nagħmlu, tmexxina fis-sewwa u tikkoreġina. […] Il-“bniedem il-qadim tagħna” iħajjarna nagħmlu dak li jaqblilna, ninqatgħu għalina nfusna u ninsew lill-oħrajn; jagħmilna indifferenti għall-bżonnijiet ta’ dawk qrib tagħna. Mela ejjew inkebbsu f’qalbna l-ħuġġieġa tal-imħabba u hekk ikollna għajnejn ġodda biex inħarsu madwarna”(3).
“Għixu ta’ wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu veru.”
Meta ngħixu l-Vanġelu, kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunità, niksbu d-dawl meħtieġ sabiex insaħħu r-rabtiet ta’ bejnietna, anki meta xi pandemija bħall-Covid iġġib magħha tbatija u tkabbar il-faqar tan-nies.
John jirrakkonta li fil-Filippini, fl-eqqel tal-pandemija, kien hemm komunità li ġarrbet ħsarat kbar bin-nirien li ħakimhom u ħafna familji tilfu kull ma kellhom: “Avolja aħna foqra, marti Flor u jien kellna xewqa kbira sabiex nagħtu l-għajnuna tagħna. Din ix-xewqa qsamtha ma’ sħabi li jsuqu l-muturi, avolja kont naf li kienu qed ibatu bħalna. Imma dan ma waqqafniex milli naraw xi stajna nagħmlu; ġbarna bottijiet tal-ikel, għaġin, ross u ikel ieħor li qassamnieh lil dawk li sfaw vittmi ta’ dak il-ħruq.
Marti u jien sikwit nitilfu kull kuraġġ meta naħsbu fuq dak li jista’ jiġri għada, imma dejjem niftakru f’dak li qal Ġesù: “Min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Bxara t-tajba, isalvaha”. (4) Avolja m’aħniex għonja, nemmnu li dejjem ikollna xi ħaġa x’naqsmu bl-imħabba għal Ġesù fl-oħrajn. Hi din l-imħabba lejn il-proxxmu li tħeġġiġna nkunu ġenerużi u nibqgħu nittamaw fl-imħabba t’Alla”.
Jiġifieri dan id-dawl irid idawlilna qalbna. Il-frott ta’ din il-mixja: tjieba, ġustizzja u sewwa jogħġbu lill-Mulej u jsiru xhieda tal-ħajja tal-Vanġelu, aktar minn kull diskors ieħor. U ma rridux ninsew l-għajnuna li nierċivu minn dawk kollha li jaqsmu magħna dan il-vjaġġ qaddis tal-ħajja.(5) Il-ġid li naqilgħu, il-qsim tal-ġid materjali u spiritwali mal-oħrajn u l-maħfra lil xulxin, huma kollha għajnuniet prezzjużi li jiftħuna għat-tama u bihom nagħtu xhieda tal-imħabba t’Alla.
Hekk wegħidna Ġesù: “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”(6). Ġesù Rxoxt, l-għajn tal-ħajja Nisranija, jinsab dejjem magħna fit-talb tagħna u fl-imħabba lejn xulxin, biex isaħħilna qalbna u jdawlilna moħħna.
Letizia Magri
u t-team tal-Kelma tal-ħajja
1. Ara Ef 5, 1.
2. Ara Fil 2, 15.
3. Ara C. Lubich, Parola di Vita Settembru 2005, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Ruma 2017) pġ. 760
4. Ara Mk 8, 35.
5. Chiara Lubich kienet tqis il-ħajja bħala vjaġġ qaddis, fejn ilkoll flimkien qegħdin riesqa fi ħdan il-Missier.
6. Ara Mt 28, 20.
Be the first to comment