“Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (Lq 14, 11).
Fil-Vanġeli sikwit insibu lil Ġesù jaċċetta bil-qalb stediniet għall-ikel, fejn kien jiltaqa’, jagħmel ħbiberiji ġodda u jsaħħaħ ir-rabtiet tiegħu man-nies.
F’din is-silta mill-Vanġelu ta’ San Luqa, Ġesù josserva l-imġiba tal-mistednin: kulħadd jiġri biex jieħu post minn ta’ quddiem, li jkun riżervat għal xi ħadd popolari. Tħoss li n-nies kienu jagħmlu hekk biex jidhru aqwa mill-oħrajn.
Imma Ġesù f’moħħu għandu ikla oħra: dik li l-Missier joffri lil uliedU kollha, fejn m’hemm ebda post riżervat għal min iħossu superjuri fuq l-oħrajn.
Anzi, il-postijiet ta’ quddiem se jitħallew għal min jagħżel l-aħħar post, bħala qaddej tal-oħrajn. Għalhekk hu jistqarr:
“Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.
Meta rridu nkunu fiċ-ċentru ta’ kollox, għax aħna nies rgħiba, kburin, il-ħin kollu neqirdu u nippretendu mill-oħrajn, naqgħu fit-tentazzjoni tal-idolatrija, jiġifieri naduraw allat foloz, li ma jistħoqqilhomx unuri u fiduċja.
Mela l-ewwel stedina ta’ Ġesù hi li ninżlu mill-“pedistall” tal-jien tagħna, biex ma nibqgħux inpoġġu lilna nfusna tagħna fiċ-ċentru ta’ kollox, imma npoġġu lil Alla. Żgur li Hu jixraqlu l-post ta’ unur f’ħajjitna!
Kemm hu importanti nagħrfu nagħmlu l-wisa’ għal Alla fil-ħajja tagħna, ninżlu fil-fond tar-rabta tagħna Miegħu, nitgħallmu mingħandU l-istil tal-Vanġelu, jiġifieri li nitbaxxew. Infatti, meta minn jeddna nfittxu l-postijiet tal-aħħar, inkunu qed nagħżlu l-post li Alla stess għażel għaliH, kif għamel Ġesù. Hu, għalkemm hu l-Mulej, għażel li jsir bniedem bħalna, biex iħabbrilna l-imħabba tal-Missier.
“Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.
Minn din l-iskola tal-ħajja nitgħallmu nkunu lkoll aħwa ta’ xulxin, jiġifieri nsiru komunità magħmula minn irġiel u nisa, kbar u żgħar, b’saħħithom u morda, li jersqu qrib xulxin biex jaqdu lil kulħadd.
Bħal Ġesù, aħna wkoll nistgħu nersqu qrib ħutna bla ebda biża’, noqogħdu ħdejhom biex nimxu flimkien magħhom fil-ferħ u fit-tbatija, biex ngħożżu l-kwalitajiet tajba tagħhom, naqsmu flimkien il-ġid materjali u spiritwali, nagħmlu l-qalb, noffru t-tama, naħfru. B’hekk insibu ruħna fuq quddiem fl-imħabba u l-libertà ta’ wlied Alla.
F’dinja marida bl-attiviżmu, li jikkorrompi s-soċjetà, irridu naqdfu kontra l-kurrent, biex isseħħ ir-rivoluzzjoni evanġelika. Din hi l-liġi tal-komunità nisranija, kif jikteb San Pawl: “Kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu”[1].
“Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.
Chiara Lubich kitbet hekk: “Qed tara? Fid-dinja l-affarijiet qegħdin eżattament bil-maqlub. Fid-dinja nsibu l-liġi ta’ jien l-ewwel […]. U nafuhom il-konsegwenzi ta’ niket: […] l-inġustizzji u l-abbużi ta’ kull tip. Madankollu, il-ħsieb ta’ Ġesù ma jeħodhiex direttament kontra dawn l-abbużi kollha, imma jmur fl-għeruq li minnu jinbet dan kollu: il-qalb tal-bniedem. […] Hu jgħidilna li rridu nibdlu qalbna u b’hekk inġibu ruħna b’mod ġdid biex nibnu rabtiet veri u ġusti. Li nkunu umli ma jfissirx biss li ma nkunux ambizzjużi, imma li nagħrfu nkunu ċkejkna quddiem Alla u li nintelqu f’idejH, bħat-tfal iż-żgħar. […].
Issa kif se ngħixu dan kollu? Billi nwettquh f’ħajjitna, b’imħabba lejn ħutna l-bnedmin. Alla jqisu magħmul miegħu dak kollu li aħna nagħmlu magħhom. Mela rridu nitbaxxew, u naqdu lill-oħrajn. […] U fil-ħajja l-oħra għad nsibu ’l min ikabbarna. Imma għal dawk li jgħixu fi ħdan il-Knisja, din is-sitwazzjoni ta’ bidla diġà qed isseħħ. Infatti, min jikkmanda jrid ikun bħal min jaqdi. Hekk il-Knisja li tgħix il-kliem li qed nirreflettu fuqu, hi sinjal għall-bnedmin tad-dinja li għad tiġi”.
Letizia Magri
[1] Ara Fil 2, 3.
Be the first to comment