“Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8, 28).
Il-Kelma tal-Ħajja li qed nissuġġerixxu għal dan ix-xahar hi meħuda mill-ittra tal-appostlu San Pawl lir-Rumani. Hi ittra twila li fiha ħafna ħsibijiet sbieħ u tagħlim, li Pawlu kiteb qabel ma telaq lejn Ruma biex iħejji għaż-żjara li kien ser jagħmel lil dik il-komunità li kien għadu ma jafhiex.
Il-kapitlu 8 jisħaq l-aktar fuq il-ħajja ġdida skont l-Ispirtu u fuq il-wegħda tal-ħajja eterna li hemm tistenna lil kull bniedem, lill-ġnus u lill-ħolqien kollu.
“Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom”.
Kull kelma ta’ din silta fiha tifsira qawwija. San Pawl qed jistqarr li, bħala Nsara, aħna nagħrfu l-imħabba t’Alla u nafu li kull esperjenza tagħna ta’ bnedmin hi sehem mill-pjan t’Alla ta’ salvazzjoni.
Hu jgħid li kollox jgħin biex iseħħ dan il-pjan: it-tbatijiet, il-persekuzzjonijiet, il-fallimenti u d-dgħufijiet personali, imma fuq kollox jaħdem l-Ispirtu t’Alla f’qalb dawk li jilqgħuh. L-Ispirtu għadu jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna u jagħmel tiegħu t-tnehid tagħna l-bnedmin u tal-ħolqien[1] u din hi l-garanzija li l-pjan t’Alla għad iseħħ.
Min-naħa tagħna hemm bżonn li nwieġbu għal din l-imħabba billi nħobbu, fil-waqt li nintelqu b’fiduċja sħiħa fil-Missier u nagħtu xhieda ta’ tama fi smewwiet ġodda u art ġdida[2] li Hu qed iħejji għal dawk li jafdaw fiH.
“Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom”.
Mela kif se nagħmlu biex kuljum nilqgħu f’ħajjitna din il-proposta qawwija? Chiara Lubich tissuġġerixxi li: “L-ewwelnett qatt m’għandna nieqfu quddiem dak li jidher minn barra, dak li hu materjali u profan, imma nemmnu li kull ma jiġri hu messaġġ li bih Alla jrid jurina mħabbtu. Hekk naraw kif il-ħajja, li tista’ tidher bħala nisġa b’ħafna għoqiedi u ħjut, hi realtà oħra: hi pjan mill-isbaħ li l-imħabba t’Alla tkun qed tinseġ fuq il-fidi tagħna.
It-tieni: kull mument irridu nintelqu b’fiduċja sħiħa f’din l-imħabba, kemm fl-affarijiet iż-żgħar kif ukoll dawk kbar. Jekk nagħrfu nafdaw fl-imħabba t’Alla fiċ-ċirkustanzi komuni tal-ħajja, Hu jagħtina l-qawwa biex nafdaw fiH anki fil-mumenti l-aktar diffiċli, bħal f’xi prova kbira, f’xi marda jew fil-ħin stess tal-mewt.
Mela, ejjew nippruvaw ngħixu b’dan il-mod, mhux għax jaqblilna, jiġifieri mhux biex Alla jurina l-pjanijiet tiegħu u jfarraġna, imma biss b’imħabba, u hekk għad naraw li dan l-abbandun fiduċjuż hu għajn ta’ dawl u sliem li ma jintemm qatt, għalina u għal ħafna nies oħra”[3].
Meta niġu biex nagħmlu għażliet diffiċli jeħtieġ nintelqu b’fiduċja sħiħa f’Alla, kif tirrakkonta waħda mara mill-Gwatemala: “Kont naħdem bħala koka f’dar tax-xjuħ. Darba, waqt li kont għaddejja mill-kuritur, smajt waħda xiħa titlobni l-ilma. Għalkemm kellna ordni biex waqt ix-xogħol ma noħorġux mill-kċina, jien irriskjajt u b’għożża kbira mort innewlilha tazza ilma. Għajnejn dik ix-xiħa xegħlu. Meta xorbot nofs l-ilma li tajtha, qabditli idi u qaltli: ‘Ibqa’ ħdejja għaxar minuti!’. Għidtilha li ma stajtx għax kont nitkeċċa mix-xogħol. Imma dik il-ħarsa… Bqajt ħdejha. Qaltli biex nitolbu flimkien: ‘Missierna…’. U fl-aħħar talbitni nkantalha xi ħaġa. Ġiet f’moħħi din: ‘Xejn m’hu se nieħdu magħna, l-imħabba biss…’. Ix-xjuħ l-oħra baqgħu jħarsu lejna. Ix-xiħa dehret ferħana u qaltli: ‘Binti, Alla jbierkek’; wara ftit tal-ħin mietet.
Ġara li keċċewni mix-xogħol għax kont ħriġt mill-kċina. Il-familja tiegħi li tgħix ʹil bogħod minn fejn ngħix jien għandha bżonn l-għajnuna tiegħi, imma jiena ninsab fil-paċi u ferħana: weġibt lil Alla u dik ix-xiħa m’għamlitx l-aktar pass importanti ta’ ħajjitha waħedha”.
Letizia Magri
[1] Cf. Rum 8, 22-27.
[2] Cf. Ap 21, 1.
[3] C. Lubich, Parola di Vita agosto 1984, in eadem, Parole di Vita, a cura di Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017) p. 299
Be the first to comment