Chiara Lubich – Castel Gandolfo, Italia, 24 Dicembru 1989.
“(…)L-Ispirtu s-Santu jgħammar fejn hemm l-imħabba. Huwa Hu li jpoġġi l-imħabba fi qlubna. Huwa Hu li jagħtina l-imħabba. Jekk inħaddmu l-imħabba li Hu jpoġġi fina, Hu jkun dejjem preżenti. Jekk niefqu nħobbu, Hu jiskot, ma jitkellimx aktar.
Anzi, jista’ jiġri li tidħol fina xi ħaġa negattiva, li ma tkunx tajba, li tkun ta’ spirtu ieħor. Kif jgħid Ġesu’: tkun xi ħaġa ta’ din id-dinja u x-xitan jittantak ukoll.
Iżda min jgħix l-imħabba jkun dejjem fid-dawl, u l-Ispirtu s-Santu jħalli l-effett tiegħu fih.
Mela, biex tgħixu dejjem f’din l-atmosfera, jeħtieġ li tkunu dejjem fl-imħabba. Tgħiduli: “Imma, Chiara, dan mhux faċli”. Żgur li mhux faċli; irridu nitħarrġu, f’kollox irridu nidraw. Iżda mbagħad ikun hemm grazzji speċjali, l-Ispirtu s-Santu jqanqalna, ikun hemm tokki divini fir-ruħ tagħna li jwassluna biex nibqgħu mexjin ‘l quddiem. (…)
Ħobbu, ħobbu dejjem! Jekk tħobbu lil xulxin, żgur li Ġesu’ jkun f’nofskom u l-Ispirtu s-Santu jkun f’nofskom. U intom tafuha t-teknika tagħna biex inħobbu, jiġifieri t-teknika tal-imħabba nisranija; din isserraħ fuq erba’ punti. Biżżejjed punt wieħed biex nitqaddsu.
Inkunu aħna l-ewwel li nħobu; inkunu dejjem lesti li nħobbu, dejjem f’tensjoni biex inħobbu, mingħajr ma niefqu, dejjem dinamiċi fl-imħabba…… ; għax it-Trinita’ Qaddisa hi ħajja ta’ mħabba dinamika, u aħna rridu nfasslu ħajjitna fuq dik tat-Trinita’ b’imħabba li ma tiqafx, li hi dinamika. Mela, irridu nkunu aħna l-ewwel li nħobbu .
Inħobbu lil kulħadd, u hekk ikollna l-Ispirtu s-Santu. Matul il-ġurnata niltaqgħu ma’ bosta nies u jeħtieġ li nħobbuhom ilkoll, u mhux ngħid: “Din iva, u din le”. Irridu naraw lil Ġesu’ f’kull persuna u hekk kollox isir aktar sempliċi. Irridu nħobbu lill-oħrajn bħalma nħobbu lilna nfusna, daqskemm inħobbu lilna nfusna. (…)
Irridu nkunu aħna li nħobbu l-ewwel, irridu nħobbu lil kulħadd, irridu naraw lil Ġesu’ f’kull persuna. Jekk nagħmlu dawn l-erba’ affarijiet, ikun biżżejjed biex ngħixu l-Ideal kollu kemm hu, biex ikollna l-Ispirtu s-Santu, biex nirbħu nofs id-dinja; ikun biżżejjed. (…)
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, dak kollu li tagħmlu, kull tbissima, kull pass, kull azzjoni jkun frott tal-Ispirtu s-Santu li hemm fikom. Mela, kuraġġ!
Ejjew nimxu ‘l quddiem f’din it-triq u nimlew id-dinja bl-Ispirtu s-Santu li jġedded kollox u jġedded id-dinja.”
Lejn Ewropa ta’ tama, rikonċiljazzjoni u akkoljenza
Eċċellenza President Marie Louise Coleiro Preca,
Eċċellenza Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna,
Sinjuri,
Fil-25 ta’ Marzu li għadda fakkarna is-60 anniversarju tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma, li taw bidu għal dik il-“komunità ta’ popli” li Robert Schuman kellu viżjoni sħiħa tagħha. Tant hu hekkli fis-7 ta’ Mejju 1950, hu kien ġa ppropona lil Adenauer “solidarjetà fil-produzzjoni tal-faħam u l-azzar”, biex ma jkun hemm ebda forma ta’ gwerra bejn Franza, il-Ġermanja u dawk il-pajjiżi li jaqblu ma’ din il-proposta. Pass straordinarju lejn rikonċiljazzjoni bejn popli mfarrka bl-aktar ġlied aħrax li qatt sar.
L-Ewropa kienet inqerdet għal kollox; mietu aktar minn 35 miljun ruħ. U barra minn din il-qerda kien hemm ukoll qerda soċjali, politika u morali. La kien hemm liġijiet, la ordni publika u lanqas servizzi publiċi. F’dak iż-żmien ta’ taħwid kien diffiċli żżomm sigurtà bejn il-fruntieri u ftehim ta’ paċi; allura kif seta’xi ħadd jimmaġina li ser jitfejqu feriti hekk fondi u li popli kontra xulxin jsiru poplu wieħed Ewropew? Min kien li ispira lil Schuman, lil Adenauer, lil De Gasperi u oħrajn?
Irridu nemmnu li kien Alla li qanqal l-ideat u ta forza lill-Ewropa. Kien Alla li wera mħabbtu għall-bnedmin billi ħa l-mewt l-aktar ħarxa u infami u sar ħaġa waħda mat-tbatijiet kollha tal-bnedmin, anki dawk li jinbtu mill-vjolenza u l-gwerra. U llum ukoll huwa Alla li jista’ jqanqal lill-popli għar-rikonċiljazzjoni biex jiffurmaw il-familja waħda tal-bnedmin. Il-fundaturi tal-Ewropa għamlu esperjenza ta’ dan; ma ħallewx l-assurdità tal-ħażen, id-diżumanità tad-dittaturi, il-kunflitti, is-Shoah…ifarrkuhom.
Chiara Lubich, il-fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari qalet hekk dwar il-kultura li titwieled minn rikonċiljazzjoni profonda:
“…Kull persuna tista’ tagħti s-sehem tipiku tagħha fl-oqsma kollha: fix-xjenza, fl-arti, fil-politika, fil-komunikazzjoni u l-bqija. U dan is-sehem ikollu effett akbar jekk il-persuna taħdem f’għaqda ma’ oħrajn f’isem Kristu. Din hi l-inkarnazzjoni li qed tkompli, inkarnazzjoni sħiħa li tirrigwarda l-membri kollha tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. B’hekk titwieled u tinfirex mad-dinja dik li nistgħu nsejħulha “l-kultura tar-Reżurrezzjoni”: il-kultura ta’ Kristu li qam mill-mewt, tal-Bniedem il-Ġdid, u fiH, tal-umanità ġdida”.
Jekk sa ċertu punt din kienet l-avventura tal-fundaturi tal-Ewropa, aħna nistgħu – u rrid ngħid għandna – naspiraw li nkomplu l-ħidma li bdew huma. Ilkoll imsejħin għal dan. L-għaqda tal-popli Ewropej hi mixja li tinvolvi fl-istess ħin il-qasam edukattiv, dak kulturali u spiritwali, kif ukoll il-qasam politiku, ekonomiku, soċjali u komunikattiv.
Hekk hu allura xi passi li nistgħu nagħmlu:
L-ewwelnett, l-insara mhumiex mitluba biss li jirrikonċiljaw, imma wkoll li jagħmlu mixja ta’ xhieda komuni, fejn dan l-aħħar seħħu laqgħat storiċi: f’Lund, l-Iżvezja; f’Lesbo, il-Greċja u f’Kuba. Aħna lkoll imsejħin nagħmlu passi lejn komunjoni sħiħa u li tidher għax nafu dan kemm jiswa għall-għaqda tal-Ewropa u biex l-umanità tkun moqdija aħjar.
Imbagħad jeħtieġ li nwessgħu ħarsitna lejn l-Ewropa kollha kemm hi – mill-Atlantiku sal-Urali – u dan ifisser li nirrikonoxxu b’mod reċiproku l-valuri u l-ispazji ta’kollaborazzjoni minn fuq s’isfel tal-Ewropa, mil-lvant sal-punent. Il-gwerer, il-ħakmiet totalitarji, l-inġustizzji ħallew feriti li hemm bżonn jitfejqu. Jekk iridu nkunu tassew bennejja ta’ għaqda Ewropea, jeħtieġ nirrikonoxxu li dak li aħna llum hu frott ta’ storja komuni u ta’ destin Ewropew li jeħtieġ nħossu li hu tagħna. Jekk riżultat ta’ dan ikun li nġeddu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u Pajjiżi Ewropej li mhumiex parti minna, dan ġa jkun pass ‘l quddiem għall-paċi, speċjalment fil-Lvant Nofsani.
Fl-Ewropa jinħass ukoll bżonn kbir li ċ-ċittadini jieħdu sehem fil-ħajja tal-ibliet u tal-kontinent kollu. Fi kliem ieħor, dan ifisser li hemm bżonn nagħtu ħajja ġdida lid-demokrazija li twieldet fl-Ewropa, imma li llum għandna bżonn ta’ dimensjoni ġdida, waħda li hi aktar effettiva, aktar inċiżiva, aktar tgħodd għal dan is-seklu.
Aktar minn hekk, f’kuntest Ewropew multikulturali u multireliġjuż hemm bżonn kbir ta’ kapaċità ġdida ta’ djalogu. Djalogu li jista’ jserraħ fuq “Ir-Regola tad-Deheb”, li tgħid: “Kif tridu lill-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom” ( ara Lq 6,31). Din hi regola li tinsab fir-reliġjonijiet ewlenin kollha u li jilqgħuha wkoll dawk li m’għandhom ebda twemmin reliġjuż.
Imbagħad jeħtieġ ukoll li naraw mill-ġdid il-motto magħżul mill-Unjoni Ewropea “unità u diversità” u napplikawh ukoll fuq livell istituzzjonali. Dan ikun rigal anki għall-ġnus f’kontinenti oħra li qed ifittxu triqat għall-għaqda.
Il-fundaturi tal-Ewropa qatt ma ħasbu fuq Ewropa magħluqa fiha nnifisha, imma fuq Ewropa miftuħa għall-għaqda tal-familja umana. Hu sinifikattiv li qed nisħqu mill-ġdid dwar dan f’Malta, l-istat li jinsab propju fuq in-naħa ta’ isfelnett tal-Ewropa, b’ikel, ilsien u fuq kollox b’vokazzjoni mħawla fil-Mediterran, li minn qabar kaħlani jeħtieġ li jerġa’ jkun “Mare nostrum” ta’ Ewropa, Afrika u Lvant Nofsani magħquda.
Il-ħafna kriżijiet internazzjonali ta’ bħalissa jagħtuna stampa ċara tat-triq twila li hemm quddiemna biex naslu għal dan. Chiara Lubich kienet qalet: “Hemm bżonn ta’ studju bis-sabar, hemm bżonn tal-paċenzja, u fuq kollox hemm bżonn ma ninsewx li hemm Xi Ħadd li qed isegwi l-istorja tagħna u jixtieq – li bil-kollaborazzjoni tar-rieda tajba tagħna – iwettaq il-Pjan ta’ Mħabbtu fuq il-kontinent tagħna u fuq id-dinja kollha”.
Dan iwassalna għall-konklużjoni li vale la pena ngħixu ħajjitna għal skop daqshekk għoli.
Jalla anki dan il-Forum jagħti s-sehem tiegħu biex tistabbelixxi ruħha dik “L-Ewropa familja ta’ ġnus”, li skont Papa Franġisku hi “kapaċi twelled umaniżmu ġdid ibbażat fuq tliet kapaċitajiet: il-kapaċita’ li tintegra, il-kapaċita’ li tiddjaloga u l-kapaċita’ li tiġġenera”.
Djalogu jew djalogi? Stil ta’ Ħajja
Maria Voce president tal-Moviment tal-Fokolari flimkien ma’ L-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna fi tmiem laqgħa fl-Istitut Kattoliku, 05/05/2017.
Eminenzi, Eċċellenzi, Awtoritajiet reliġjużi u ċivili, Sinjuri,
Ħuti,
L-ewwelnett nirringrazzja lir-Rev. Professur Hector Scerri u lill-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana għall-istedina tagħhom. Insellem ukoll lill-membri tal-Kunsill Ekumeniku Malti. Ninnota b’ferħ kemm hu ħaj hawn Malta l-impenn għall-kawża ekumenika u kemm nies ħadmu u ddedikaw ruħhom matul is-snin biex jintisġu rapporti kostruttivi bejn Insara ta’ Knejjes u komunitajiet ekkleżjali differenti, li huma bosta fil-gżira.
Nixtieq noffri l-preżentazzjoni tat-tema: ‘Djalogu jew djalogi? Stil ta’ ħajja’ biex flimkien magħkom ilkoll niċċellebraw bi gratitudni l-40 sena li ilha mwaqqfa l-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana.
Fid-dinja globalizzata u interdipendenti tallum, id-djalogu jidher bħala t-triq waħdanija biex l-umanità tista’ tgħix. Il-bnedmin, jew jiġġieldu kontra xulxin sakemm jeqirdu lil xulxin, inkella jiddjalogaw bejniethom; huwa biss il-ftuħ għal xulxin u d-djalogu li jnisslu u jwasslu għall-ħajja, għax is-sisien ta’ kull azzjoni jkun l-għarfien li l-bnedmin huma aħwa ta’ xulxin, ulied Alla. Inħoss li l-Ispirtu s-Santu qed iqanqal lill-Knejjes tagħna, xi ftit kullimkien, biex jimxu f’din id-direzzjoni: biex niddjalogaw ħalli niksbu mill-ġdid dik l-għaqda li maż-żmien inkisret, u biex, bħala nsara, nagħtu quddiem id-dinja dik xhieda komuni skont it-talba ta’ Ġesù: “Missier ħa jkunu lkoll ħaġa waħda, biex id-dinja temmen” (ara Ġw 17).
Premessa
Nitlobkom tippermettuli nagħmel din il-premessa.
L-esperjenzi u r-riflessjonijiet tiegħi huma kollha frott tal-laqgħa tiegħi ma’ Chiara Lubich, fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari u mal-kariżma tagħha. Iltqajt magħha meta kont għadni żagħżugħa qed nistudja l-liġi f’università f’Ruma, u tant kont milquta mill–għixien awtentiku tagħha għal Alla u għal ħutha l-bnedmin, li mill-ewwel li ħassejt li għandi nimxi warajha fit-triq komunitarja tal-fokolar.
Il-kariżma ta’ Chiara Lubich, li hi magħrufa fil-Knisja Kattolika u li ħafna mexxejja tà Knejjes oħra jħeġġu għaliha, welldet spiritwalità, li spiss hi definita bħala spiritwalità tal-unita’ jew spiritwalità ta’ komunjoni. Meta fl-1997 saret it-Tieni Assemblea Ekumenika Ewropea fi Graz, din l-ispiritwalità ġiet imsejħa wkoll spiritwalità ekumenika.
Il-lejla qed nitkellem bħala xhud għax, matul is-snin li għext qrib Chiara u fit-tmien snin li ili President tal-Moviment tal-Fokolari, rajt tinxtered din il-kariżma li Alla waqqaf biex tagħti s-sehem tagħha ħalli jseħħ it-Testment ta’ Ġesù.
L-esperjenza ekumenika personali
Ġejja minn familja Kattolika tradizzjonali, min-naħa t’Isfel tal-Italja, fejn l-għadd ta’ nsara mhux Kattoliċi kien relattivament ftit. Fil-pajjiż fejn kont noqgħod jien, meta kont tisma’ lil xi ħadd jitkellem dwar dawn l-insara, ġeneralment kien ikun b’mod negattiv. Bħaż-żgħażagħ l-oħra ta’ żmienni, jien ukoll kbirt b’ċertu attaġġament ta’ nuqqas ta’ fiduċja fihom u kont konvinta li għandi nevithom.
Meta ltaqt mal-kariżma tal-unità ta’ Chiara Lubich rajt jinfetaħ quddiemi orizzont għal kollox ġdid: Alla hu mħabba, Alla hu Missier ta’ kulħadd, u l-Iben tiegħu Ġesù, il-Kelma li saret bniedem, għallimna l-kejl tal-imħabba trinitarja, imħabba universali, imħabba li ma tagħmilx preferenzi. Dan kollu bidel ħajti ta’ taħt fuq.
Fis-snin ’60, meta Chiara kienet bdiet kuntatt ma’ xi nsara membri tal-Fraternità tal-Ħajja Komuni fil-Ġermanja, l-esperjenza tagħha fetħet din ir realtà għalija wkoll. Konna tassew milquta meta skoprejna kemm l-Insara tar-Riforma jisħqu fuq l-għixien tal-Kelma: jafu bl-amment parti sew mill-Iskrittura u japplikawha għall-ħajja tagħhom ta’ kuljum, kif nippruvaw nagħmlu anki aħna fil-Moviment tal-Fokolari. L-innijiet tagħhom mhux biss jesprimu għaqda profonda ma’ Alla, imma jelevaw lir-ruħ. Bdew jaqgħu l-preġudizzji u bdejna niskopru li aħna aħwa fi Kristu.
Bil-mod il-mod bdejna nsiru nafu aktar lil xulxin. Fl-1965 il-Moviment tal-Fokolari u din il-Fraternita’ li semmejtilkom – bi qbil mal-awtoritajiet ekkleżjastiċi taż-żewġ naħat – iddeċidew li jwaqqfu l-belt żgħira ta’ Ottmaring fil-Ġermanja, fejn sallum stess Kattoliċi tal-Moviment tal-Fokolari u Evanġeliċi ta’ din il-Bruderschaft (il-Fraternita’) jagħtu xhieda komuni, li qed tħalli l-frott, filwaqt li kull wieħed minnhom jibqa’ ankrat mal-spiritwalità tiegħu u mal-Knisja tiegħu. Hawnhekk, kuljum issir nofs siegħa ta’ talb flimkien għall-għaqda fost l-insara u dan ilu jsir għal aktar minn 50 sena.
Waqt il-Konċilju Vatikan II, li kien wassal il-Knisja Kattolika biex tidħol uffiċjalment fil-moviment kbir ekumeniku, l-aktar permezz tad-digriet fuq l-ekumeniżmu, Unitatis Redintegratio, Chiara Lubich kienet għamlet kuntatt ma’ xi osservaturi minn Knejjes oħra, fosthom il-Kanonku Anglikan Bernhard Pawley, it-teologu Riformat-Svizzeru Lukas Vischer, it-teologu Russu-Ortodoss Borovoy u oħrajn. Dawn baqgħu milquta mill-awtentiċità tal-ħajja mgħixa skont l-Evanġelju u xtaqu li l-kariżma tal-unità tinfirex ukoll fost il-Knejjes rispettivi tagħhom.
Fi Chiara u fina lkoll kompliet tikber il-konvinzjoni li Alla waqqaf il-kariżma tal-unità mhux biss għall-Kattoliċi, imma għall-Insara kollha. Kien il-Kardinal Agostino Bea – President tas-Segretarjat għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara – segretarjat li kien għadu kemm twaqqaf u li llum jissejjaħ Kunsill Pontfiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara – li ħeġġeġ u saħħaħ lil Chiara fl-ewwel kuntatti ekumeniċi tagħha.
Hekk bdew sensiela ta’ laqgħat, dawk l-hekk imsejħa Ġimgħat Ekumeniċi, fejn Insara minn Knejjes differenti jiltaqgħu kull sena u jaqsmu bejniethom l-esperjenzi dwar l-għixien tal-Kelma, speċjalment dwar il-Kmandament il-Ġdid ta’ Ġesù: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13,34).
Kibret il-ħtieġa li nsiru nafu sew lil xulxin, li naqsmu bejnietna d-doni tar-rikkezza spiritwali li kull wieħed minna jġorr f’qalbu.
Bdejna niskopru ħaġa wara l-oħra. U kif jisħaq Papa Franġisku fl-eżortazzjoni Evangelii gaudium: “Hawn m’aħniex nitkellmu biss fuq li niksbu tagħrif fuq l-oħrajn biex insiru nafuhom aħjar, imma li nilqgħu dak li l-Ispirtu żera’ fihom bħala don għalina wkoll”.
Mill-1978 sal-1988, għext esperjenza tassew qawwija fil-belt antika ta’ Kostantinopli, li llum hi Istanbul fit-Turkija, waqt li kont responsabbli tal-fokolar hemmhekk.
Fit-13 ta’ Ġunju 1967 – dalwaqt ikunu għaddew 50 sena minn din id-data – Chiara Lubich kienet mistiedna biex tiltaqa’mal-Patrijarka ekumeniku ta’ dak iż-żmien, il-Patrijarka Athenagoras I. Hu kien sama’ bi Chiara mingħand wieħed reliġjuż. Din kienet l-ewwel laqgħa minn 25 oħra li Chiara kellha ma’ din il-persuna daqshekk kariżmatika. Athenagoras stqarr li hu kien dixxiplu ta’ Chiara u xtaq li f’Kostantinopli jkun hemm fokolar.
Meta kont fit-Turkija, sirt naf aktar mill-qrib il-ġmiel u r-rikkeżża tal-ortodossija, speċjalment dik Griega. Skoprjet l-imħabba għall-Missirijiet il-Knisja, il-fedeltà lejn it-tradizzjoni, li mingħajrha din il-Knisja ma setgħetx tibqa’ sħiħa fis-sekli diffiċli tal-passat. Sirt naf personalment lill-Patrijarka Demetrios I, is-suċċessur tal-Patrijarka Athenagoras, li ġie jżurna waqt manifestazzjoni tal-Moviment tal-Fokolari u anki lill-Metropolita Bartolomeo, li illum hu l-Patrijarka ta’ Kostantinopli. Inħossha tassew grazzja li nbniet rabta ta’ stima u ta’ ħbiberija fraterna ma’ dan tal-aħħar. Japprezza ħafna l-ispiritwalità ta’ Chiara Lubich u qed ikompli jmexxi fuq il-wirt spiritwali li ħallew dawk li ġew qablu. Mhux b’kumbinazzjoni aċċetta li jirċievi l-ewwel lawrja honoris causa fil-kultura tal–unità, li l-Istitut Universitarju tagħna Sophia offrilu f’Ottubru 2015, f’Loppiano, qrib Firenze.
Ma’ mexxejja ta’ Knejjes
Fl-aħħar snin, fil-vjaġġi li għamilt bħala President tal-Moviment tal-Fokolari, kelli l-pjaċir li nsir naf personalment diversi mexxejja ta’ Knejjes oħra; fosthom l-Arċisqof ta’ Canterbury, Dr. Rowan Williams tal-Knisja Anglikana; l-Isqof Munib A. Younan, il-President tal-Federazzjoni Dinjija Luterana f’Ġerusalemm; is-segretarju ġenerali tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes: ir-Rev. Olav Fykse Tveit, u personalitajiet oħra.
Kienu laqgħat ta’ impatt spiritwali qawwi, ma’ bnedmin t’Alla, li f’dinja mifnija b’kunflitti u b’għeluq ġdid, għandhom tant għal qalbhom il-kawża tal-għaqda fost l-insara. Kull darba kienet okkażjoni ta’ kuraġġ ġdid biex inkomplu miexja ‘l quddiem f’kollaborazzjoni reċiproka filwaqt li npoġġu dejjem aktar l-ispiritwalità tagħna ta’ komunjoni għas-servizz tal-unità.
Ma’ membri ta’ Knejjes differenti li jagħmlu parti mill-Moviment
Insara minn Knejjes differenti xtaqu jieħdu sehem fl-ispiritwalità tal-unità u diversi ħassewhom imsejħa għall-vokazzjonijiet speċifiċi tal-Moviment. Dawn baqgħu jagħmlu parti mill-Knisja tagħhom, u spiss skoprew mill-ġdid l-għeruq rikki spiritwali tagħhom u komplew jissaħħu fihom.
Bejnietna (Kattoliċi, Anglikani, Luterani, Riformati, Ortodossi u membri tal-Knejjes Orjentali Ortodossi) hemm bosta diversitajiet marbuta mal-kulturi tagħna, mal-postijiet mnejn niġu, mal-mod kif naħsbu u nesprimu ruħna. L-istorja tal-Knejjes tagħna mmarkatna u f’ċertu sens ikkundizzjonatna. B’danakollu, f’kull laqgħa tagħna jew fil-ħajja tagħna flimkien, nisperimentaw li jekk inwettqu dik l-imħabba lejn xulxin li Ġesù jitlob minna f’San Ġwann 15,13 meta jgħid li “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn dik: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”, aħna nkunu nistgħu naqsmu kollox, nistgħu nitolbu, nistgħu nbatu u nifirħu flimkien. U jseħħ dak il-buzzett ta’ poplu wieħed nisrani.
Iva, aħna konxji li l-unità hi rigal t’Alla li Ġesù talab għalih lill-Missier; mhijiex xi ħaġa li nistgħu nagħmluha aħna. Iżda meta nħobbu lil xulxin il-ħin kollu, jista’ jkun hemm dawk il-kundizzjonijiet li jwasslu biex Ġesù stess ikun jista’ jgħammar fostna kif wiegħed fl-Evanġelju: “Fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f’ismi, hemm ninsab jien f’nofshom” (Mt 18.20).
Djalogu jew djalogi?
Id-djalogu mhuwiex biss dak li jsir fuq livell ta’ laqgħat bejn nies ta’ diversi denominazzjonijiet, ta’ reliġjonijiet differenti jew nies mingħajr ebda twemmin reliġjuż. Id-djalogu ma jsirx bejn il-kulturi, imma bejn il-persuni. Jew aħjar, id-djalogu ngħixuh.
Fl-Evanġelju nisimgħu li Ġesù ddjaloga kemm il-darba mal-appostli, man-nies li kien jiltaqa’ magħhom, ma’ ommu Marija, imma qabel kollox iddjaloga mal-Missier. U l-kliem li sama’ mingħand il-Missier, tahom lilna u daħħalna fil-ħajja tat-Trinità. Hu kkomunikalna l-istil tal-ħajja tiegħu. Aħna wkoll imsejħin biex ngħixu l-ħajja tagħna skont it-Trinità: Ġesù għallimna ngħidu: “kif fis-sema hekk hawn fl-art”.
Nifhmu allura li s-sisien tad-djalogu hu Alla, Alla Mħabba u missier tagħna lkoll, li jagħmilna lkoll ulied fl-Iben, ilkoll aħwa, ilkoll familja waħda.
Sa mill-bidunett, Chiara għamlet it-talba ta’ Ġesù “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” – li nistgħu ngħidu li hi “ Ħalli l-bnedmin kollha jkunu familja waħda” – il-motto ta’ ħajjitha u stednet miljuni ta’ nies fid-dinja kollha biex jimpenjaw ruħhom ħalli dan iseħħ. “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” hu l-għan speċifiku tal-Moviment tal-Fokolar, jiġifieri il-Moviment twieled u jgħix għal dan.
Dan id-djalogu, mgħejx fid-dimensjonijiet bla għadd tiegħu, hu aspett fundamentali għall-Moviment tal-Fokolari, xi ħaġa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha; anzi hu t-triq waħdanija b’tama ta’ suċċess għal dawk li jridu jagħtu sehemhom biex isseħħ il-fratellanza universali. Id-djalogu hu stil ta’ ħajja, kultura ġdida, li l-Moviment jista’ u jrid joffri lill-irġiel u n-nisa tallum.
Aħna ġejna mħarrġa biex inħarsu lejn Alla bħala Missier ta’ kulħadd, u allura biex inħarsu lejn kull persuna li niltaqgħu magħha bħala iben jew bint Alla, u allura bħala ħija jew oħti. Dan urietulna Chiara stess, forsi mingħajr ma kienet konxja ta’ dak li kien ifisser, meta fl-1947 kitbet lil sħabha u qaltilhom:
“Il-ħarsa tagħkom għandha tkun dejjem fuq il-Missier wieħed ta’ tant ulied. Imbagħad ħarsu lejn il-kreaturi bħala wlied tal-Missier wieħed. Il-ħsieb u l-qalb iridu jmorru dejjem aktar ‘l hemm minn kull limitu tan-natura umana, u jeħtieġ nagħmluha drawwa li nimmiraw il-ħin kollu lejn l-għan li l-bnedmin ikunu lkoll aħwa ta’ xulxin b’Missier wieħed: Alla”.
Jekk dan hu s-sisien, mela l-metodu tad-djalogu li Chiara tgħallimna ma jistax ma jkunx l-imħabba! Huwa djalogu bejn aħwa, mela djalogu bejn persuni, mhux bejn ideoloġiji jew sistemi t’ ħsieb. Huwa djalogu li hemm bżonn ikun sostnut u sostanzjat mill-ħniena, mill-kumpassjoni, mill-imħabba, kif insibu miġbur fir-Regola tad-Deheb, li nsibuha f’kull kultura u reliġjon: insibuha fl-Evanġelju ta’ San Mattew, kapitlu 7, vers 12: “Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom”.
Fl-1970 Chiara fakkritna:
“Mingħajr l-imħabba ma jkollniex id-dawl t’Alla, u d-djalogu, kull djalogu jsir sterili, ma jagħtix frott; isir diskursata, tpaċpiċ, kliem. Le! Id-djalogu jrid ikun imħabba; fil-ħajja tagħna aħna ma nistgħux ħlief inħobbu għax huwa biss id-dawl tal-Ispirtu s-Santu fina li jista’ jgħinna biex inwieġbu, biex inkunu nafu niddjalogaw, biex nagħtu tweġiba eżatta, biex nibnu”.
Meta npoġġu l-imħabba u l-ħniena, bħala bażi tad-djalogu, dawn mhux biss iwassluna biex naraw lil min ikun ħdejna f’dawl ġdid, imma jwassluna biex niskopru d-diversità bħala don, tkun liema diversità tkun.
Chiara kienet qalet: “Dak li jinsab maġenbi ġie maħluq biex ikun don għalija u jien ġejt maħluqa biex inkun don għal min hu maġenbi. Fuq l-art, kollox hu maħluq f’rabta ta’ mħabba ma’ kollox: kull ħaġa ma’ kull ħaġ’oħra. Iżda jeħtieġ li nkunu Mħabba biex nagħrfu l-fil tad-deheb bejn il-ħlejjeq”.
Fi żmienna l-mezzi ta’ komunikazzjoni qed iwasslu biex il-kuntatti jiżdiedu, imma qed isiru qosra, jgħaddu malajr, huma nieqsa mis-sens, u jkissru jew inaqqsu r-rabtiet. Huwa biss meta l-imħabba tidħol fir-rabta jiena-int, li tingħeleb id-dimensjoni li hi biss naturali u li l-kuntatti jkunu jistgħu jinbidlu f’relazzjonijiet, jiġifieri tkun tista’ tintiseġ xibka bejn persuni li huma aħwa tassew.
L-arti tal-imħabba
Chiara Lubich għexet din hi l-imħabba u wasslet lil dawk li jieħdu l-ispirazzjoni tagħhom minnha biex jittieħdu minnha wkoll.
L-imħabba ta’ Kristu mhijiex imħabba kwalunkwe, imma hi arti; Chiara tkellmet dwar “l-arti tal-imħabba” u ġabritha f’xi punti fundamentali:
Inħobbu lil kulħadd: jiġifieri ma nammettux diskriminazzjoni. Inħobbu mhux biss lil dawk li jiġu minna u lil ħbiebna, imma lil kulħadd: lil bojod u suwed, lil dawk ta’ pajjiżna u lill-barranin, lill-ħbieb u lill-għedewwa, lis-sinjuri u lill-foqra, lil min hu importanti u lit-tallab, lil min jistqarr ir-reliġjon tagħna, li min għandu reliġjon oħra u anki lil min ma jemmenx.
Inħobbu dejjem: din hi mħabba li ma tammettix waqfien, ma tieqafx, ma tintefiex, ma tonqosx. Imma tqanqlek biex tħobb il-ħin kollu.
Inħobbu aħna l-ewwel: din l-imħabba dejjemlesta li tieħu l-inizjattiva, ma tistenniex li tkun maħbuba jew li jkun hemm tweġiba għaliha.
“Insiru ħaġa waħda mal-oħrajn”: f’dan il-kliem Chiara ġabret punt ieħor. Fihom hemm dak li jgħid San Pawl: “Sirt kollox ma’ kulħadd” ( ara 1Kor 9,22) u dan ifisser li tidħol b’mod profond fir-ruħ tal-persuna l-oħra; tismagħha sew, tifhem il-problemi u l-ħtiġijiet tagħha; taqsam magħha t-tbatijiet li jkollha. Nistgħu ngħidu li b’ċertu mod issir il-persuna l-oħra. U hekk il-proxxmu jħossu mifhum, aċċettat, megħjun.
Ġesù abbandunat
Kif ser nagħmlu biex ngħixu din l-arti li ma sserraħx fuq sentimenti jew proponimenti tajba, imma sserraħ fuq l-għixien tal-imħabba bil-kejl li jitlob Ġesù, jiġifieri li wieħed ikun lest li jagħti ħajtu. Hemm xi ċavetta, xi sigriet li jwassalna nkunu dejjem aktar kapaċi ngħixu dan il-kejl?
Nafu li Ġesù, fil-passjoni u l-mewt tiegħu, ma ħassx biss tbatija fiżika, imma ġarrab quċċata tat-tbatija fl-għajta: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27,46).
Iżda Ġesù ntelaq mill-ġdid fil-Missier meta qal: “F’idejk nerħi ruħi” (Lq 23,46); hu għeleb dik it-tbatija kbira u b’hekk wassal lill-bnedmin fi ħdan il-Missier u għall-għaqda ta’ bejniethom.
Kif nistgħu ngħixu dan il-misteru ta’ Ġesù abbandunat-rxoxt? Kif ser jirnexxilna nkomplu meta fil-mixja ekumenika ma naqblux fuq il-kwestjoni tal-verità?
Hubertus Blaumeiser, it-teologu Ġermaniż espert fl-ekumeniżmu u membru tal-Moviment jgħid: “L-unità fil-verità ma tistax tkun imposta minn “fuq”. U lanqas ma tista’ tkun imbuttata minn xi forma ta’ ultimatum. Hu f’dan is-sens li l-Konċilju Vatikan II irrinunzja intenzjonalment għal kundanni duttrinali. L-uniku mod biex twitti t-triq għall-unità fil-verità hu li toqgħod għarkupptejk quddiem l-oħrajn f’attaġġament tal-ħasil ta’ riġlejn aktar milli dak tal-ħasil tal-moħħ. Xi drabi dan jista’ jfisser li jkollok titlef wiċċek biex forsi ssibu f’riġlejn l-oħrajn, u dan ifisser ħafna paċenzja u umiltà. U qabel kollox irid ikollok xewqa kbira li trid il-ġid lill-oħrajn”.
Fl-ittra tiegħu lill-Filippin, l-appostlu Pawlu kiteb hekk: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbaħ lill-bnedmin” (Fil 2,5-7). B’din l-imġiba nkunu nistgħu nittrażmettu l-verità ta’ Kristu b’mod li jitwemmen. Kristu tbattal minn kollox, biex jagħti lilu nnifsu b’imħabba għalina. Ma nistgħux nikkontradixxu din il-verità bil-mod kif inġibu ruħna.
Blaumeiser ikompli jgħid: “Żgur li l-ekumeniżmu hu mixja ma’ Ġesù: mill-mewt għall-qawmien. Kristu ġġenera l-Knisja meta fuq is-salib ħa fuqu d-dnubiet tagħna lkoll u ħass l-abbandun mill-Missier, u minn dak l-abbiss fawwar l-Ispirtu”.
Fl-għajta tiegħu tal-abbandun, Ġesù ġabar it-tbatijiet kollha tal-bnedmin, il-firdiet kollha tad-dinja, il-wirt kollu tad-dnub tagħna. Għalhekk, għalina, il-laqgħa mat-tbatija, mal-problemi, mad-diffikultajiet, jistgħu jsiru laqgħat ma’ Ġesù abbandunat u rxoxt. Huwa hu li jwassalna biex infittxu lil xulxin, biex inħobbu lil xulxin, biex nittamaw, biex nibqgħu hemm anki meta il-ħidma, bħal dak tal-għaqda bejn l-insara, tista’ tidher iebsa u forsi naħslu naqtgħu qalbna.
L-unità titwieled hemm, fejn flimkien ma’ Ġesù, nippenetraw fil-pjaga tal-firda: meta ma nħallux id-delużjonijiet, il-feriti jew fallimenti li jista’ jkun hemm, jaqtgħulna qalbna. L-unità tista’ tikber jekk meta niltaqgħu mad-diffikultajiet ma nħarbux minnhom, imma flimkien ma’ Ġesù Msallab nibqgħu nipperseveraw, u nilqgħu lil xulxin ukoll meta dan jista’ jweġġa’. Hekk tista’ sseħħ bidla u jista’ jkun hemm qawmien.
Ġesù f’nofsna
Fil-25 ta’ Jannar li għadda, fi tmiem il-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-insara, Papa Franġisku qal: “Kif jgħallimna Ġesù, huwa biss meta nitilfu ħajjitna għall-imħabba tiegħu li nirbħuha tassew (ara Lq 9, 24). Hi r-rivoluzzjoni li Pawlu għex, imma hi r-rivoluzzjoni Nisranija ta’ dejjem: ma ngħixux iżjed għalina nfusna, għall-interessi tagħna u biex nidhru aħna, imma ngħixu bħal Kristu, għal Kristu u skont hu, ngħixu bl-imħabba tiegħu u fl-imħabba tiegħu”. Qal ukoll: “Rikonċiljazzjoni awtentika bejn l-Insara tista’ sseħħ meta nagħrfu d-doni ta’ xulxin u nkunu kapaċi, b’umiltà u ħlewwa, nitgħallmu minn xulxin – nitgħallmu minn xulxin –, bla ma noqogħdu nistennew lill-oħrajn jitgħallmu qabilna”.
Il-Papa temm jgħid: “Jekk ngħixu din il-mewt għalina nfusna minħabba f’Ġesù, l-istil qadim ta’ ħajjitna jsir ħaġa tal-passat u, kif ġralu San Pawl, nidħlu f’għamla ġdida ta’ ħajja u ta’ komunjoni”.
Chiara Lubich issejjaħ dan il-mod ġdid ta’ ħajja u ta’ komunjoni: “Ġesù f’nofsna”. Dan il-kliem jirreferi għall-wegħda ta’ Ġesù li jkun preżenti fost dawk magħqudin f’ismu, jiġifieri fl-imħabba tiegħu (Mt 18,20). Qed nitkellmu dwar preżenza ta’ Ġesù li nistgħu tassew nisperimentawha – aħna sperimentajnieha ta’ spiss – kif sperimentawha, per eżempju, id-dixxipli ta’ Emmaus li qalu: “Ma kenitx imkebbsa qalbna huwa u jkellimna fit-triq?” Din il-preżenza tal-Irxoxt fost dawk li huma tiegħu hi deċiżiva għall-ekumeniżmu.
F’Novembru tal-1996, f’laqgħa li Chiara kellha ma’ aktar minn 1000 anglikani u kattoliċi flimkien, fil-Logan Hall f’Londra, kien hemm esperjenza ta’ dan it-tip li qanqlet lil Chiara biex tgħid: “Jekk Kristu hu fostna, ukoll jekk aħna minn Knejjes differenti, min jista’ jifridna?”
Minn dan il-waqt ta’ realta’ ekumenika fl-għixien tal-Kristjaneżmu, Chiara bdiet titkellem dwar tip ġdid ta’ ekumeniżmu, li sejħitlu ekumeniżmu jew djalogu “tal-poplu”. B’din l-espressjoni hi wriet b’mod ċar li kull nisrani hu msejjeħ biex jgħix l-għaqda, biex jagħti sehmu billi jħobb lill-proxxmu tiegħu fl-ambjent fejn jgħix, u mhux biss fl-ambjent ekkleżjali. Meta nħobbu lil xulxin, ikun Kristu stess li jgħaqqadna, hi liema hi l-Knisja tagħna.
Flimkien għall-Ewropa
Esperjenza ta’ din ix-xorta hi l-istorja affaxinanti ta’ “Flimkien għall-Ewropa”. Naf li anki hawn Malta saru xi attivitajiet marbuta mal-ġrajjiet kbar li mmarkaw il-mixja ta’ din ir-realtà.
“Flimkien għall-Ewropa” hi komunjoni u kollaborazzjoni bejn aktar minn 300 moviment u komunità minn Knejjes differenti, li jinsabu mifruxa mal-kontinent kollu. L-għaqda ta’ bejniethom, fl-ispirtu tal-“ekumeniżmu tal-poplu”, twassalna biex naraw buzzett ta’ Ewropa magħquda, li ma tagħmilx uniformità mid-diversità kbira tagħha, iżda li tagħti valur lill-varjetà ta’ identitajiet. “Flimkien għall-Ewropa” hija forza li tgħaqqad, speċjalizzata fil-bini ta’ pontijiet bejn l-identitajiet differenti. Fl-okkażjoni ta’ tmiem il-kariga tiegħu bħala President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara, il-Kardinal Walter Kasper qal li “Flimkien għall-Ewropa” hi t-tama kbira tiegħu għall-ekumeniżmu.
Ser nitkellem biss fuq tliet waqtiet li fuqhom hi mibnija din ir-realtà u li jwassluk biex tifhem din it-tama.
L-ewwel wieħed hu l-konverżjoni mitluba mill-Evanġelju, pass li kull membru jrid jagħmlu personalment meta jiġi f’kuntatt ma’ kariżma u jingħaqad ma’ komunità jew moviment. Din il-konverżjoni hi importanti anki mil-lat ekumeniku. L-Unitatis Redintegratio, id-digriet tal-Konċilju Vatikan II dwar l-ekumeniżmu, f’numru 7 jgħid: “M’hemmx ekumeniżmu li jistħoqqlu dan l-isem mingħajr il-konverżjoni minn ġewwa”.
F’laqgħa li saret fis-sena 2000, il-150 mexxejja ta’ xi 60 għaqda minn Knejjes differenti għexu mument bażiku ieħor meħtieġ għall-komunjoni. Ġesù talab: “Missier, ħa jkunu lkoll ħaġa waħda…biex id-dinja temmen”(Ġw 17, 21); mela l-għaqda bejn l-Insara hi meħtieġa biex in-nies jiltaqgħu ma’ Alla.
F’atmosfera spiritwali profonda, dawk preżenti għal din il-laqgħa ħassewha din ir-responsabbiltà u wasslithom b’mod l-aktar spontanju għal rikonċiljazzjoni. Wara talba komuni, f’daqqa waħda qam wieħed kattoliku u quddiem kulħadd talab maħfra għall-preġudizzji li kellu kontra l-Luterani. Wara ftit ħin ta’ skiet, qam Luteran, ħafer lil dan il-Kattoliku, anki f’isem l-Evanġeliċi preżenti, u mbagħad bid-dmugħ f’għajnejh talab maħfra lill-Pentikostali talli ma kienx tkellem tajjeb dwarhom. U hekk għamlu oħrajn għal nofs siegħa sħiħa, b’mod spontanju, mingħajr tmexxija ta’ ħadd. Dik in-nofs siegħa kienet esperjenza ta’ fejqan u ħelsien għal min jaħfer u għal min ikun maħfur.
Dakinhar saret ħaġa ovvja għal kulħadd li mingħajr rikonċiljazzjoni vera ma nistgħux nagħmlu l-mixja lejn l-unità. U din ir-rikonċiljazzjoni għadha sallum tikkaratterizza l-komunjoni bejn il-movimenti.
Tant hu hekk li wieħed mill-iskopijiet ewlenin tal-manifestazzjoni “Flimkien għall-Ewropa” li saret is-sena l-oħra fi Munich, bi tħejjija għat-tifkira tal-500 mitt sena mir-Riforma, kien propju li joffri esperjenza ta’ vera rikonċiljazzjoni li twassal għall-għaqda fost il-Knejjes u fis-soċjetà. Numru sabiħ ta’ isqfijiet kienu preżenti għal din il-ġrajja.
It-tielet mument bażiku kien il-patt tal-imħabba lejn xulxin, mhux biss bejn individwi imma wkoll bejn il-Movimenti u l-komunitajiet. Dan il-patt sar fit-8 ta’ Diċembru 2001 u ma kienx parti mill-programm tal-laqgħa li għaliha kien hemm 700 diriġenti ta’ Movimenti u komunitajiet ta’ knejjes differenti. Dan seħħ grazzi għall-esperjenza qawwija tal-preżenza ta’ Ġesù kif insibu f’San Mattew 18,20. U bl-intenzjoni li kull wieħed jieħu r-responsabbiltà li jagħti sehmu għall-għaqda fost l-insara billi jpoġġi l-kmandament il-ġdid ta’ Ġesù bħala l-bażi għal dak kollu li jsir taħt it-titlu ta’ “Flimkien għall-Ewropa”. Dan il-patt jiġġedded f’kull laqgħa li jkollha x’taqsam ma’ “Flimkien għall-Ewropa”.
Dikjarazzjoni ta’ Ottmaring
Wara dak li ġara f’Lund fil-31 ta’ Ottubru 2016 meta Papa Franġisku u l-Isqof Munib Younan, President tal-Federazzjoni Dinjija Luterana kkommemoraw flimkien il-bidu tal-500 sena tar-Riforma, din is-sena ħassejt li kelli nagħti spinta ġdida lill-impenn ekumeniku li jikkaratterizza l-Moviment tagħna.
F’Lund assistejna għal ġest importanti li sar minn dawk li jinsabu fl-ogħla kariga ta’ responsabbiltà. Il-firma tad-Dikjarazzjoni li saret miż-żewġ naħat titlob li tikber il-fiduċja reċiproka u li jkun hemm xhieda komuni tal-messaġġ evanġeliku biex nuru l-imħabba t’Alla lill-bnedmin. Iżda jekk il-ġrajja ta’ hemmhekk ma twassalx għall-ħajja konkreta fil-komunità, allura din tibqa’ biss tifkira storika li ma tħalli ebda effett fuq is-sitwazzjonijiet tallum.
Fi Frar kelli l-opportunità li nkun ġimgħa fil-belt żgħira ta’ Ottmaring fil-Ġermanja flimkien mal-Kunsill Ġenerali kollu tal-Moviment tal-Fokolari.
Kif ġa semmejt fil-bidu, f’Ottmaring hemm xhieda ekumenika permanenti ta’ żewġ komunitajiet li ilhom jgħixu hemm sa mill-1968; waħda twieldet fil-Knisja Kattolika u l-oħra fl-ambitu evanġeliku; it-tnejn li huma b’partiċipanti ta’ Knejjes differenti. U xtaqt li propju hemmhekk nistieden lill-membri u lill-ħbieb kollha tal-Moviment għal diskursata mill-qalb.
Id-Dikjarazzjoni ta’ Ottmaring li ppubblikajt f’dawk il-ġranet tixtieq tgħinna naħsbu b’mod ekumeniku: tfakkarna li kull wieħed minn ħutna li niltaqgħu miegħu, sew jekk hu fil-Knisja tagħna u anki jekk jagħmel parti minn xi Knisja oħra, dan hu parti mill-ġisem ta’ Kristu, parti minn dak il-ġisem li Kristu ta ħajtu għalih. Il-Moviment tal-Fokolari qed jieħu dan l-impenn assolut u jrid li jwasslu biex jinfed f’kull dimensjoni tal-ħajja tal-bniedem tallum.
L-ekumeniżmu hu neċessità għal kull żmien. Jeħtieġ li javanza. Għax iwieġeb għal dik il-ħtieġa ta’ Alla li kulħadd iħoss, forsi wkoll mingħajr ma jinduna. Jekk in-nies ikollhom l-okkażjoni li jiltaqgħu ma’ Ġesu’ preżenti fost l-insara li jinħabbu bejniethom, titwieled fihom il-fidi, jibdlu l-mod kif iġibu ruħhom, ifittxu l-paċi u soluzzjonijiet ta’ ġustizzja, u jimpenjaw ruħhom għas-solidatjetà fost il-ġnus.
Id-dinja tkun tista’ tiltaqa’ ma’ Alla biss jekk aħna l-insara nkunu magħqudin bejnietna. Inkella nkunu qed nagħmlu ommissjoni gravi.
It-text tad-Dikjarazzjoni ta’ Ottmaring bgħatnieh ukoll lir-responsabbli tal-Knejjes biex nagħtu aktar tama fil-mixja lejn l-unità.
Eminenzi, Eċċellenzi, Awtoritajiet reliġjużi u ċivili, Sinjuri, Ħuti,
Grazzi, grazzi tassew,li tajtuni l-okkażjoni li nkun magħkom u li smajtuni b’qalb miftuħa.
Nawgura minn qalbi lill-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana u flimkien magħkom nirringrazzja lil Alla għas-sehem li tat, flimkien mal-Kunsill Ekumeniku ta’ Malta, matul dawn l-40 sena biex jissaħħaħ l-ispirtu tal-għaqda fost l-insara.
Flimkien, nitolbu lil Maria, Omm il-Bnedmin kollha u Omm il-Knisja, li tkun magħna, li tgħinna u tagħmlilna l-kuraġġ fil-mixja ekumenika sabiex isseħħ it-talba ta’ Ġesù “ Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17,21).