Aħbarijiet General Assembly

Margaret Karram reġgħet ġiet eletta biex tmexxi l-Moviment tal-Fokolari; Roberto Almada hu l-Kopresident il-ġdid

“Inwieġeb għal din is-sejħa billi nġedded l-‘iva’ tiegħi, l-impenn li flimkien magħkom nagħmel dak li Alla jrid minni biex inkun ta’ servizz għall-Knisja, għall-Moviment u għall-umanità”.

Margaret Karram ġiet mogħtija t-tieni mandat biex tkompli tmexxi l-Moviment tal-Fokolari fil-ħames snin li ġejjin. Ġiet eletta b’aktar minn żewġ terzi tal-voti ta’ dawk li qed jieħdu sehem fl-Assemblea, li laqgħet dan ir-riżultat b’ċapċip kbir. L-elezzjoni saret il-bieraħ, 12 ta’ Marzu, 2026.

“Bil-grazzja t’Alla u bl-għajnuna tagħkom, naċċetta. Laqatni ħafna Salm 94 li nqara fil-liturġija tal-lum: ‘Illum jekk tisimgħu leħen l-Mulej, la twebbsux qalbkom’. Inwieġeb għal din is-sejħa billi nġedded l-‘iva’ tiegħi, l-impenn li flimkien magħkom nagħmel dak li Alla jrid minni biex inkun ta’ servizz għall-Knisja, għall-Moviment u għall-umanità”.

Dan kien l-ewwel kliem ta’ Margaret Karram ftit tal-ħin wara li ġiet eletta għat-tieni darba biex tkun il-President tal-Moviment tal-Fokolari għall-ħames snin li ġejjin. Kienet eletta minn 261 membru bi dritt għall-vot, li jirrappreżentaw il-komunitajiet tal-Fokolari fil-ħames kontinenti u li qed jieħdu sehem fl-Assemblea Ġenerali li qed issir mill-1 sal-21 ta’ Marzu.

Il-Kopresident il-ġdid huwa Roberto Almada, fokolarin saċerdot mill-Arġentina, li wkoll ġie elett b’maġġoranza ta’ żewġ terzi. Dan qed jieħu post Jesús Moran li temm it-tieni mandat tiegħu, u għalhekk (skont id-Digriet mid-Dekasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja tal-11.06.2021) ma jistax ikompli jokkupa din il-kariga.

Almada qal: “Bil-grazzja t’Alla u taħt il-ħarsien tal-Verġni Marija naċċetta din l-elezzjoni u nwiegħed li nagħmel ħilti kollha, bil-forzi, bl-intelliġenza u b’qalbi kollha….!”

Dawn l-elezzjonijet kienu kkonfermati mid-Dikasteru tal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, l-awtorità kompetenti tas-Santa Sede, kif jitlob l-Istatut Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari (Opra ta’ Maria, art. 79 u 88 )

Margaret Karram, ħajja ddedikata għad-djalogu

Margaret Karram hi t-tielet president tal-Fokolari, li l-ewwel president tiegħu kienet il-fundatriċi Chiara Lubich. Ħadet it-tmexxija tal-Moviment fl-2021 wara Maria Voce, li mietet f’Ġunju li għadda.

Nisranija ta’ nisel Għarbi, imwielda f’Haifa, hi kibret f’ambjent multireliġjuż, fejn sa minn żogħżitha bdiet timpenja ruħha b’mod sħiħ favur id-djalogu bejn kulturi u twemmin differenti. Studjat u ggradwat fl-Ebraiżmu fl-American Jewish University f’Los Angeles u kellha bosta karigi ta’ responsabbiltà fil-Moviment tal-Fokolari fl-Art Imqaddsa, fejn ħadmet ukoll fil-Konsulat Taljan f’Ġerusalemm.

Hi magħrufa fuq livell internazzjonali għall-ħidma tagħha fil-qasam tad-djalogu interreliġjuż: kienet mogħtija l-Premju Mount Zion fl-2013 u l-Premju Santa Rita fl-2016; u ħadet sehem fil-laqgħa ta’ talb għall-Paċi li saret fil-Ġonna tal-Vatikan fl-2014, fejn kien hemm Papa Franġisku, il-President ta’ Israel u l-President tal-Palestina. Kienet eletta biex tkun President tal-Moviment tal-Fokolari fl-2021, u f’dan l-ewwel mandat tagħha hi kompliet issaħħaħ il-ħidma tal-Moviment fid-djalogu ekumeniku u interreliġjużà. Kellha l-opportunità tiltaqa’ ma’ Bartolomeo I, il-Patrijarka ekumeniku ta’ Kostantinopli u kienet mistiedna tieħu sehem fis-Sinodu tal-Knisja Kattolika li sar dan l-aħħar.

Fl-2023 hi ġiet nominata biex tkun Membru fid-Dikasteru tal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja. Għamlet diversi vjaġġi fl-Asja, fl-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel, fl-Ewropa u fil-gżejjer tal-Paċifiku fejn marret biex tiltaqa’ mal-komunitajiet tal-Moviment u ma’ organizzazzjonijiet li jaħdmu għad-djalogu interreliġjuż. Fost dawk l-aktar riċenti: il-Genfest 2024 fil-Brażil, il-forum għall-paċi fl-Istati Uniti fl-2025 u l-konferenza internazzjonali li saret fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju ta’ Laudato sì. Hi l-awtur, flimkien ma’ Monica Mondo, tal-ktieb Per non sfiorarci invano (2023, Ed. Francescane), u tal-ktieb Prossimità, via alla pace – Pagine di vita (Ed. Città Nuova), li ġie ppublikat fl-2025 u hu ddedikat għall-kultura tal-fraternità u tad-djalogu.

Roberto Almada hu l-Kopresident il-ġdid tal-Fokolari

Roberto Almada hu fokolarin saċerdot mill-Arġentina; hu tabib, psikjatra u psikoterapewta. Għandu dottorat fil-filosofija u kien fost dawk li ppromovew l-Iskola tal-Logoterapija fl-Urugwaj u l-Paragwaj. Jagħmel parti minn grupp li jikkoordina programmi ta’ akkumpanjament spiritwali u psikoloġiku fl-Istitut Universitarju Sophia u fl-Istitut Logos ta’ Caserta. Il-ħidma pastorali tiegħu tiffoka fuq il-qasam tal-familja; jagħti s-sehem tiegħu fil-Moviment Familji Ġodda, fejn isegwi proġetti ta’ akkumpanjament għall-koppji.

Hu l-awtur tal-ktieb El cansancio de los buenos, li jitkellem fuq id-dinamika tal-burnout u li ġie tradott f’diversi ilsien, u koawtur tal-ktieb Desafío Parejas; it-tnejn ġew ippublikati minn Ciudad Nueva. Almada ħadem fiċ-Ċentru Internazzjonali tal-fokolarini f’Rocca di Papa mill-1999 sal-2009; u mill-2014 sal-2021 kien wieħed mill-Kunsilliera fl-istess Ċentru. Sal-2026 hu kien f’Buenos Aires fejn ħadem għall-Moviment fis-Southern Cone f’oqsma ta’ evanġelizzazzjoni, filwaqt li għen lill-komunitajiet lokali fi proċessi ta’ riorganizzazzjoni u koeżjoni u ta’ studju.

Għamel ukoll esperjenza konsiderevoli fil-qasam ekkleżjali u edukattiv f’diversi pajjiżi tal-Amerika Latina, fosthom il-Kolumbja, El Salvador, iċ-Ċile, l-Urugwaj, il-Paragwaj u l-Arġentina; akkumpanja presbiteri, komunitajiet reliġjużi u għalliema kattoliċi permezz ta’ korsijiet u eżerċizzi spiritwali, u b’għajnuna partikulari f’mumenti ta’ burnout pastorali biex wieħed jiskopri mill-ġdid it-tifsira tal-missjoni tiegħu. Ħadem ukoll fil-qasam taż-żgħażagħ u fis-settur soċjali mal-emigranti.

Ir-rwol tal-President tal-Moviment tal-Fokolari

L-Istatut Ġenerali tal-Moviment jgħid li l-Presidenza għandha dejjem tkun fdata f’idejn fokolarina kkonsagrata b’voti perpetwi: għażla li tirrifletti presidenza lajka u femminili kif ratha l-fundatriċi Chiara Lubich u li kienet ikkonfermata minn San Ġwanni Pawlu II. Il-President hi msejħa biex takkumpanja bi “spirtu ta’ unità” lill-komunitajiet tal-Fokolari li jinsabu f’150 pajjiż u li jħaddnu l-messaġġ evanġeliku tal-fraternità universali fil-kuntest ta’ pluralità kulturali, soċjali u reliġjuża. Il-ħidma tagħha tinkludi l-gwida u l-orjentament ta’ moviment li jrid jindirizza l-isfidi lokali u globali ta’ żmienna u li hu msejjaħ b’mod partikulari biex ifejjaq il-firdiet personali u soċjali tal-eżistenza umana. L-Istatut jitkellem ukoll dwar l-istil li bih il-President trid teżerċita r-responsabbiltà tagħha: leadership ibbażata fuq servizz u mħabba evanġelika, kif titlob l-istedina ta’ Ġesù biex inkunu qaddejja ta’ kulħadd (ara. Mk 10,44). Hi mitluba tibni pontijiet, tippromwovi l-unità u tagħti xhieda tal-messaġġ ċentrali tal-ispiritwalità tal-Fokolari, billi tkun leħen li jwassal dan il-messaġġ b’koerenza u dedikazzjoni

Ir-rwol tal-Kopresident

Il-Kopresident – li jkun elett minn fost il-fokolarini saċerdoti tal-Moviment tal-Fokolari – hu msejjaħ biex qabel kollox jaħdem f’kollaborazzjoni stretta mal-President, billi jaqsam magħha d-deċiżjonijiet u jagħti s-sehem tiegħu ħalli jiggarantixxi d-dixxerniment u l-għaqda fil-Moviment. Flimkien ma’ dan ir-rwol primarju, il-Kopresident jikkollabora wkoll fit-tmexxija ġenerali tal-Opra, filwaqt li joffri s-sehem tiegħu fil-kwistjonijiet l-aktar rilevanti u jara li l-ħajja tal-Moviment taqbel b’mod sħiħ mal-twemmin u t-tagħlim tal-Knisja.

L-Assemblea tal-Fokolari tkompli

Fil-ġranet li ġejjin, l-Assemblea ser tkompli tagħmel l-elezzjonijiet biex jiġu eletti l-membri l-ġodda fl-organu ta’ tmexxija tal-Moviment: il-Kunsilliera Ġenerali huma l-eqreb kollaboraturi tal-President u jkunu involuti fid-diskussjonijiet dwar il-proposti ta’ modifika fl-Istatut Ġenerali.

Fil-21 ta’ Marzu, il-parteċipanti u l-osservaturi fl-Assemblea ser ikollhom udjenza privata mal-Papa Ljun XIV.

Stefania Tanesini
Focolare Media & Communications Unit (Ruma)

Traduzzjoni: Vivienne Attard, Vickie Baldacchino

Ritratti: © CSC Audiovisivi

Sors: https://www.focolare.org/en/margaret-karram-re-elected-as-leader-of-the-focolare-movement-and-roberto-almada-appointed-as-the-new-co-president/

Add Comment

Click here to post a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.