It-tbatija mibdula f’għajn ta’ tama

Copyright_vatican_media
Copyright Vatican Media

PRESS RELEASE – 6 ta’ Frar 2021

Dal-għodu Papa Franġisku laqa’ f’udjenza privata t-362 parteċipant tal-Assemblea Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari. Rappreżentanza minn dawn kienet preżenti  fis-Sala Pawlu VI waqt li l-parti l-kbira kienet kollegata permezz tal-istreaming.

Meta l-Papa ta merħba lill-parteċipanti, hu sellem lill-membri kollha tal-Moviment. Ħeġġeġhom biex ikunu fidili lejn l-għajn oriġinali tal-kariżma u biex jissuktaw bid-djalogu mas-sitwazzjonijet soċjali u kulturali ġodda. Stieden lill-membri biex jitbiegħdu minn kull forma ta’ awtoreferenzjalità, biex jilqgħu kull kriżi bħala opportunità li tkabbarhom, biex ikunu xhieda tal-imħabba fraterna li tegħleb kull firda u biex jippromwovu dejjem aktar is-sinodalità. Temm bl-istedina biex fil-waqt li jimitaw lill-fundatriċi Chiara Lubich, huma jibqgħu jisimgħu l-għajta ta’ Kristu abbandunat fuq is-salib, il-qalba tal-Kristjaneżmu u tal-kariżma tal-Fokolari.

Fid-diskors tiegħu l-Papa spjega li wara l-mewt tal-fundatriċi, il-Moviment hu msejjaħ biex jegħleb dak li b’mod naturali jista’ jkun ta taħwid u n-nuqqas fin-numri. “Kull kariżma hi kreattiva; mhijiex statwa f’mużew. (…) Dan ifisser li wieħed irid jibqa’ fidil lejn l-għajn li minnha beda kollox, filwaqt li jagħmel kull sforz biex jaħseb dwarha u jesprimiha fi djalogu mas-sitwazzjonijiet soċjali u kulturali ġodda. Għandha għeruq sodi, imma s-siġra tikber fi djalogu mar-realtà. Aktar ma din il-ħidma ta’ aġġornament issir b’mod li jarmonizza kreattività, għerf, sensibbiltà lejn kulħadd u fedeltà lejn il-Knisja, aktar din il-ħidma tagħti frott. Id-djalogu u l-ftuħ għal oqsma kulturali, soċjali u reliġjużi differenti huma karatteristiċi tal-ispiriwalità tagħkom u dan żgur li jiffavorixxi il-proċess. Il-ftuħ għall-oħrajn, huma min huma, hi xi ħaġa li dejjem tridu tieħdu ħsiebha: il-Vanġelu hu għal kulħadd, mhux bħala prożelitiżmu, le; hu ddestinat għal kulħadd, hu ħmira għal umanità ġdida f’kull post u f’kull żmien”.

Il-Papa wissa kontra l-awtoreferenzjalità li “qatt ma tiġi minn spirtu tajjeb, u dan nawgurawh lill-Knisja kollha: noqogħdu attenti li ma ningħalqux fina nfusna, għax dan iwassal biex wieħed jiddefendi l-istituzzjoni b’detriment għall-persuni u jista’ jwassal ukoll biex wieħed jiġġustifika u jgħatti forom ta’ abbuż.(…). Ikun aħjar jekk inkunu kuraġġjużi u naffrontaw il-problemi b’parresia u verità filwaqt li nimxu dejjem fuq it-triq li turina l-Knisja. (…) Biċ-ċelebrazzjoni tagħna nfusna ma nkunux qed naqdu sew lill-kariżma. Le. Minflok, hemm bżonn li kuljum tilqgħu b’għaġeb – ma ninsewx li l-istagħġib dejjem jindika l-preżenza t’Alla – id-don gratwit li Alla takom meta ltqajtu mal-ideal ta’ ħajjitkom. U bil-għajnuna t’Alla fittxu li tikkorrispondu b’fidi, umiltà u kuraġġ kif għamlet Marija wara t-tħabbira tal-anġlu.

Meta kompla jitkellem fuq it-tieni punt, hu saħaq dwar l-importanza tal-kriżijiet li huma dejjem opportunitajiet biex nikbru. Kull kriżi “hi żmien tal-Ispirtu, li jqanqal il-ħtieġa ta’ aġġornament, bla  ma wieħed jaqta’ qalbu quddiem il-kumplessità umana u l-kuntradizzjonijiet tagħha. (…) Kull min hu fdat b’xi ħidma ta’ tmexxija, fil-livelli kollha, irid jaffronta l-kriżijiet komunitarji u organizzattivi bl-aħjar mod u bl-aktar mod kostruttiv; min-naħa l-oħra, fil-kriżijiet spiritwali tal-persuni, li fihom tidħol l-intimità tal-individwu u l-isfera tal-kuxjenza, hemm bżonn li jkunu affrontati b’ħafna prudenza minn dawk li m’għandhom ebda pożizzjoni ta’ tmexxija, fil-livelli kollha, fil-Moviment. (…) Meta wieħed iħawwad l-aspett ta’ tmexxija u ma’ dak ta’ kuxjenza, dan jista’ jagħti lok għall-abbuż ta’ poter u abbużi oħra li sirna xhieda tagħhom meta nkixfet il-borma ta’ dawn il-problemi koroh”.

Il-Papa indika perspettiva doppja dwar l-għajxien tal-unità li l-Moviment iħossu msejjaħ għalija b’mod partikulari: “Dwar l-imġiba tagħkom ‘l barra mill-Moviment, inħeġġiġkom tkunu xhieda tal-viċinanza permezz ta’ dik l-imħabba ta’ aħwa li tegħleb kull firda u li tasal f’kull kundizzjoni umana. Tibżgħux tmorru ‘l hemm minn dak li jifred! Hi t-triq tal-viċinanza fraterna, li tittrażmetti l-preżenza ta’ Dak li qam mill-mewt lill-bnedmin ta’ żmienna, ibda mill-foqra, l-imwarrbin; fil-waqt li taħdmu flimkien ma’ nies ta’ rieda tajba biex tippromwovu l-ġustizzja u l-paċi”. Meta tkellem dwar l-impenn fil-Moviment stess, hu ħeġġeġ għal aktar sinodalità “sabiex il-membri kollha bħala depożitarji tal-istess kariżma, ikunu ko-responsabbli u jieħdu sehem fil-ħajja tal-Opra ta’ Marija u tal-iskopijiet speċifiċi tagħha. Min għandu r-responsabbiltà ta’ tmexxija hu msejjaħ biex jiffavorixxi u jattwa konsultazzjoni trasparenti mhux biss fi ħdan l-organi direttivi, imma fil-livelli kollha, kif titlob il-loġika tal-komunjoni li permezz tagħha kulħadd jista’ jpoġġi għas-servizz tal-oħrajn id-doni tiegħu, l-opinjonijiet tiegħu fil-verità u bil-libertà”.

Hu temm id-diskors tiegħu b’sejħa biex il-membri jibqgħu jimitaw lill-fundatriċi Chiara Lubich billi jisimgħu l-għajta tal-abbandun ta’ Kristu fuq is-salib “li timmanifesta l-kejl tal-akbar imħabba. Il-grazzja li toħroġ minnha hi kapaċi tqanqal fina, dgħajfa u midinba, tweġibiet ġenerużi u xi drabi eroiċi. Hi kapaċi tibdel it-tbatijiet u anki t-traġedji f’għajn ta’ dawl u tama għall-umanità. F’dan il-passaġġ mill-mewt għall-ħajja tinsab il-qalba tal-Kristjaneżmu u anki tal-kariżma tagħkom”.

Maria Voce, il-president tal-Moviment tal-Fokolari li għadha kemm temmet il-mandat tagħha,  tat bidu għal din il-laqgħa mal-Papa billi ppreżentat lil Margaret Karram, il-president il-ġdida. Qalet: “Aħna grati lejn l-Ispirtu s-Santu li għażilha, u kuntenti li issa nistgħu nafdawha fit-talb u l-imħabba tiegħek, Santità, li żgur tkun profonda u kbira bħalma kienet għalija matul dawn is-snin kollha”.

Il-President il-ġdida, emozzjonata, qalet lill-Papa li ma tantx togħġobha il-kelma ‘president’: “Jiena bint il-Knisja u rrid inkun ta’ servizz għaliha u għal kulħadd”. Esprimiet il-gratitudni tagħha għall-kliem u l-ġesti tal-Papa li “l-ħin kollu jqanqluna biex flimkien mal-Poplu t’Alla kollu noħorġu biex inwieġbu għat-tbatija tal-umanità u biex naħdmu ħalli fid-Dar komuni lkoll inħarsu lejn xulxin u nġibu ruħna ma’ xulxin bħal aħwa”. Hi rringrazzjat d-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja li taw il-permess biex din l-Assemblea ġenerali setgħet tkun mgħejxa b’mod telematiku. 

Stefania Tanesini 

Uffiċċju Komunikazzjoni Moviment tal-Fokolari

 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.