Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru

Download pdf


“Ħares bil-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien afdat f’idejk” (2 Tm, 1:14).

Din hi silta minn kitba ta’ San Pawl  lil Timotju, “ibni tassew fil-fidi”[1], li  kien jaħdem miegħu fix-xandir tal-Vanġelu u li kien fdalu l-komunità ta’ Efesu.

Pawlu, li kien qed iħoss ruħu qrib it-tmiem ta’ ħajtu, beda jagħmel kuraġġ `il Timotju biex isaħħu fl-impenn tiegħu ta’ gwida.  Timotju kien rċieva “għana prezzjuż”: il-fidi nisranija kif wassluha l-appostli stess, u issa kellu r-responsabbiltà li jxandarha b’fedeltà sħiħa lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Għal Pawlu dan kien ifisser li Timotju ried jieħu ħsieb id-don li rċieva u juri s-sbuħija tiegħu, u li kellu jkun lest anki li jagħti ħajtu biex iwassal l-aħbar sabiħa tal-Vanġelu.

Pawlu u Timotju rċevew l-Ispirtu s-Santu li kien dawl u garanzija fix-xogħol siewi tagħhom ta’ rgħajja u ħabbara tal-Vanġelu. Bix-xhieda tagħhom u ta’ dawk li ġew warajhom, din l-aħbar waslet għandna wkoll. 

“Ħares bil-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien afdat f’idejk”. 

Bl-istess mod, kull nisrani għandu “missjoni” x’jaqdi fil-komunità soċjali u reliġjuża li jgħix fiha: jibni familja magħquda, jgħallem liż-żgħażagħ, jimpenja ruħu fil-politika u x-xogħol, jieħu ħsieb il-batuti, idawwal il-kultura u l-arti bl-għerf u l-għixien tal-Vanġelu,  jikkonsagra ruħu `l Alla fil-qadi ta’ ħutu l-bnedmin.

Anzi, skont dak li Papa Franġisku qal liż-żgħażagħ, “[…] kull raġel u mara huma missjoni […]”[2]. Il-Knisja Kattolika pproklamat ix-xahar ta’ Ottubru bħala “xahar missjunarju straordinarju”. Din tista’ tkun għalina okkażjoni biex inġeddu l-impenn tagħna u nagħtu xhieda tal-fidi tagħna b’qalb miftuħa dejjem aktar għal dik l-imħabba tal-Vanġelu li tilqa’, tiltaqa’ u tiddjaloga mal-oħrajn[3]. 

“Ħares bil-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien afdat f’idejk”.

Kull nisrani hu “tempju” tal-Ispirtu s-Santu, li jagħtina dak li neħtieġu biex niskopru u nħarsu “t-teżori” li ġew fdati lilna, inkabbruhom u nwassluhom lill-oħrajn. L-ewwel  fost dawn it-teżori hu t-twemmin tagħna fil-Mulej Ġesù. Jeħtieġ li aħna l-insara nqajmu fina l-fidi u nsaħħuha bit-talb, biex imbagħad inwassluha lill-oħrajn bix-xhieda ta’ mħabbitna.

Saċerdot li għadu kif ġie ordnat jirrakkonta: “Ġejt inkarigat nieħu ħsieb il-fidili ta’ knisja kattolika kbira f’belt fil-Brażil. L-ambjent soċjali hu diffiċli ħafna u sikwit niltaqa’ ma’ nies li m’għandhomx identità reliġjuża definita, iżda jieħdu sehem fil-quddiesa kif ukoll f’ċerimonji antiki tradizzjonali. Naf li hu dmir tiegħi nwassal il-fidi nisranija b’fedeltà lejn il-Vanġelu, iżda nixtieq li fil-parroċċa kulħadd iħossu milqugħ. Ħsibt li biex nagħti valur lill-għeruq kulturali ta’ dawn in-nies, iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tkun bħal festa animata bi strumenti mużikali tipiċi tal-kulturi tagħhom. Din hi sfida impenjattiva, imma tferraħ lil kulħadd għax, minflok ma tifred  il-komunità, iġġib lil kulħadd flimkien u tgħaqqadna f’dak li hu tagħna lkoll: il-fidi f’Alla li hu għajn ta’ ferħ”. 

“Ħares bil-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien afdat f’idejk”. 

Teżor ieħor ta’ valur mill-aktar kbir li tana Ġesù nnifsu hu l-kelma tiegħu, li hi kelma t’Alla.

Dan ir-rigal “[…] jitfa’ fuqna responsabbiltà kbira […]. Alla tana l-kelma tiegħu biex aħna  nħaddmuha hekk li hi tagħti l-frott. Hu jrid jara sseħħ f’ħajjitna u f’dak kollu li nagħmlu fid-dinja dik il-bidla profonda li hi għandha l-ħila twettaq. […]. Mela kif għandna ngħixu din il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar? Għandna nħobbu l-kelma t’Alla u nfittxu li nsiru nafuha dejjem aħjar, u fuq kollox għandna ngħixuha b’ġenerożità kbira, biex issir tabilħaqq l-ikel ewlieni tal-ħajja tar-ruħ tagħna, dik li tmexxi l-kuxjenza tagħna u tiggwidana fl-għażliet u f’kull ma nagħmlu. […] Fil-kuxjenzi tan-nies hemm ħafna taħwid, u kollox qed isir relattiv u mċajpar. Meta ngħixu l-kelma t’Alla mhux biss nilqgħu kontra dan il-periklu serju imma, skont il-kliem stess li qal Ġesù u li jfisser ħafna (ara Mt 5, 15-16), aħna nsiru bħal imsiebaħ mixgħula li bid-dawl tagħhom jgħinu lill-oħrajn  isibu t-triq it-tajba u jimxu fiha”[4] .

Letizia Magri

© 2019 Focolare Movement

[1] 1 Tm 1, 2.

[2] Ara FRANĠISKU, Messaġġ għall-ġurnata missjunarja dinjija 2018.

[3] Għal aktar informazzjoni, ara www.october2019.va.

[4] C. Lubich, Parola di Vita ottobre 1991, in eadem, Parole di Vita, a cura di Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5, Città Nuova, Roma, 2017), p. 486.

Kummenti fuq il Kelma tal-Ħajja

Il-Kelma tal-Ħajja għax-xahar ta’ Ottubru tikkwota kliem ta’ Papa Franġisku: “Kull raġel u mara huma missjoni”.

Fl-ittra appostolika Evangelii Gaudium il-Papa jispjega:
“Il-missjoni li nkun fil-qalba tal-poplu mhix parti minn ħajti (…..), mhijiex xi ħaġa miżjuda jew mument fost il-ħafna mumenti l-oħra ta’ ħajti. Hi xi ħaġa li ma nistax inħassarha minn dak li jien jekk ma rridx neqred lili nnifsi.
Jiena missjoni fuq din l-art u għalhekk ninsab fid-dinja. Irridu naraw lilna nfusna mmarkati bin-nar minn din il-missjoni li twassalna biex indawlu, inbierku, insostnu, inserrħu, infejqu, neħilsu. U hekk jibda jidher l-infermier li għandu ruħ, l-għalliem li għandu ruħ, il-politiku li għandu ruħ, dawk li f’qalbhom ħadu d-deċiżjoni li jgħixu mal-oħrajn u għall-oħrajn.

Jekk wieħed jifred id-dmir tiegħu fuq naħa u l-ħajja privata tiegħu fuq in-naħa l-oħra, kollox jinbidel u jibda jfittex (…) ir-rikonoxximenti u jiddefendi l-ħtiġijiet tiegħu. Ma jibqax jgħix għall-oħrajn.
Biex naqsmu ħajjitna mal-oħrajn u ningħataw b’ġenerożita’, għandna bżonn nagħrfu wkoll li kull persuna jixirqilha l-attenzjoni tagħna”.

Il-Kelma tal-Ħajja tgħid ukoll “ li teżor mill-aktar kbir li tana Ġesu’ (…) hu l-Kelma tiegħu”.
Chiara Lubich tfissrilna l-kobor ta’ dan it-teżor. Tgħid:
“Il-Kelma t’Alla tesprimi l-ħsieb u l-qalb tiegħu, tesprimi l-pjan mill-isbaħ li Hu għandu għal kull wieħed u waħda minna, jiġifieri li nsiru parti mill-familja tiegħu u flimkien miegħu jkollna l-ħajja li ma tintemm qatt. Alla mhux biss jurina t-triq, imma wkoll jagħtina l-forza biex nilħqu dan il-għan. Anzi jekk aħna nilqgħu kelmtu sa minn issa stess Hu jagħmilna wliedu u jnissel fina l-mod kif hu stess iħobb u jħares lejn l-affarijiet”.
( Kelma tal-Ħajja Ottubro 1991)

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.