Ngħixu l-Vanġelu: “Henjin dawk li jġibu l-paċi”

Il-paċi mhijiex biss nuqqas ta’ gwerra jew xi kunċett  astratt; il-paċi hi xi ħaġa li rridu nibnuha flimkien waqt li naffrontaw is-sitwazzjonijiet diffiċli li niltaqgħu magħhom u  nibdew aħna  stess mill-ambjent li ngħixu fih.

Qed nibda nsir naf Rob ieħor

Rob telaq mid-dar wara argument li nqala’ bejnietna; ħsibt li dan kien  it-tmiem taż-żwieġ tagħna. Kien ilu sentejn li telaq u qatt ma smajt b’aħbaru. Sirt naf biss mingħand il-ġenituri tiegħu li beda jagħmel xi auditioning għall-films u li kien involut f’dan ix-xogħol. Meta ġie lura mill-Italja kien diżappuntat għall-aħħar u ma kienx għad fadallu sold f’butu. Beka u talabni naħfirlu. Ir-raġel li kont ħabbejt u għażilt biex ikun is-sieħeb ta’ ħajti, issa kien bħal wieħed barrani; tilef kull ma kellu, kien bniedem fallut. Fejn mar is-sabiħ  u s-sens ta’ kburija  li kellu? Meta hu kien ‘l bogħod minni, jien sirt aktar qrib ta’ Alla u erġajt bdejt nibni ħajti  fuq il-valuri li kont warrabt. Kif ġie lura, ħassejt li Alla kien qed jippruvani u bdejt aktar nissaħħaħ aktar fil-fidi tiegħi. Issa hu wkoll beda jsib paċi ġdida fil-qalb tiegħu waqt li flimkien qed niskopru ħajja ġdida. Inħossni li qed nibda nsir naf Rob ieħor.

(R. H. – Switzerland)

Bennejja tal-għaqda

Waqt laqgħa on-line, kont fi grupp ma’ oħrajn minn pajjiżi differenti. Wara li saru diversi preżentazzjonijiet, kien hemm xi ħadd li għadda kummenti politiċi b’mod imprudenti ħafna. Qamet tensjoni, beda għaddej kliem iebes u l-laqgħa spiċċat ħażin; kienet falliment totali. Bħala ġurnalista li żar diversi pajjiżi u studja l-istorja tagħhom, l-opinjoni tiegħi kienet differenti ħafna minn ta’ dawk li joqogħdu biss fuq dak li jisimgħu jew fuq dak li jirrappurtaw il-mezzi tax-xandir.

L-għada meta kont qed inhejji ruħi  għal-laqgħa oħra ta’ ħidma fi grupp ieħor għamiltha  f’moħħi li nitkellem biss fuq dak li jgħaqqad u mhux fuq dak li jifred. Kienet laqgħa ferm differenti  minn dik tal-ġurnata ta’ qabel. Meta qgħadt naħseb, għidt: anki meta tiskot, tista’ tkun kompliċi  biex  iġġib il-firda jew biex tibni l-għaqda. Il-ħolma ta’ Ġesu: “li jkunu lkoll ħaġa waħda” ma tiġix bix-xejn, wieħed irid iħallas għaliha.

(G.M. – Hungary)

Fis-skiet

Fl-isptar fejn naħdem, nagħmel ix-xift ta’ bil-lejl ma’ tabib ieħor. Għalkemm Nisrani, dan ma  kienx jipprattika t-twemmin tiegħu,  u meta kien jarani mmur għall-Quddies kuljum kien jidħak bija. Ix-xift tagħna jibda minn wara nofsinhar  u jtul il-lejl kollu; dan kien jidħol għax-xogħol, jaħdem sa tard fil-għaxija u mbagħad  jitlaq. U allura  ħafna mix-xogħol kien jaqa’ fuqi.  Iżda  jien dejjem ippruvajt inżomm attitudni miftuħa lejh, bla ma niġġudikah. Għaddew xahar, xahrejn…. u ġurnata minnhom qalli li xtaq jiġi miegħi għall-Quddiesa. “Matul dawn ix-xhur tgħallimt ħafna mingħandek, tgħallimt ħafna mill-mod kif int tħobb fis-skiet”, qalli. U minn dakinhar mhux biss qed jagħmel dmiru kollu, imma anki qed jieħu ħsieb li jien ma ngħejjiex wisq”.

(Bashar – Iraq)

Compiled by Maria Grazia Berretta

(from  Il Vangelo del Giorno, Città Nuova, year VII, n.4, NovemberDecember 2021)

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.