Kelma tal-Ħajja

Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli” (Lq 15, 6).

Dari, fil-pajjiżi tal-Lvant, malli r-ragħajja kienu jidħlu lura minn ġurnata barra, kienu jgħoddu n-nagħaġ tagħhom biex jekk ikun hemm xi waħda minnhom nieqsa, kienu joħorġu jfittxuha. Sa kienu lesti jmorru fid-deżert billejl biex isibu l-mitlufin.

Din il-parabbola titkellem fuq li titlef u ssib, biex turi biċ-ċar l-imħabba tar-ragħaj. Hu jinduna li naqsitlu nagħġa, għalhekk imur ifittixha, isibha u jqegħidha fuq spallejh, għax tkun għajjiena u mbeżża’. Jista’ jkun ukoll li tkun feruta u ma jkollhiex saħħa timxi wara r-ragħaj. Ikun hu li jreġġagħha lura f’post kenni, u fl-aħħar, kollu ferħan, jistieden lill-qraba biex jifirħu miegħu.

Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli”.

F’dan ir-rakkont insibu tliet azzjonijiet: titlef, issib u tagħmel festa.

Titlef. Il-Mulej jagħtina l-aħbar it-tajba, li jmur ifittex lil min intilef. Sikwit jiġri li nintilfu fil-ħafna deżerti li ngħixu fihom, jew li nkunu noqogħdu fihom, jew f’dawk li nistkennu fihom: deżerti li fihom inħossuna abbandunati, imwarrba, foqra, ma jifhmuniex u mifrudin. Ir-Ragħaj ifittixna hemm ukoll, u anki jekk aħna ma nibqgħux narawh, hu dejjem isibna.

Issib. Nimmaġinaw ftit ix-xena ta’ meta r-ragħaj joħroġ fid-deżert u jagħmel ħiltu kollha biex isibna. Din id-dehra tolqotna għax fiha ħafna x’tifhem. Nistgħu nifhmu l-ferħ li jħoss kemm ir-ragħaj, kif ukoll in-nagħġa li mbagħad tħossha sejra lura għall-kenn. Mela li “terġa’ ssib” hu att ta’ ħniena.

Tagħmel festa. Hu jlaqqa’ lil ħbiebu biex jagħmel festa, għax irid jaqsam magħhom il-ferħ tiegħu. L-istess jiġri fiż-żewġ parabboli li nsibu wara din: dik tal-munita l-mitlufa u tal-missier mimli kollu kemm hu ħniena (1). Ġesù jridna nifhmu l-importanza li naqsmu l-ferħ tagħna ma’ kulħadd u qatt ma jridna niġġudikaw lill-oħrajn. Aħna lkoll nies “misjuba mill-ġdid”.

Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli”.

Din il-Kelma tal-Ħajja tistedinna nirringrazzjaw lil Alla għall-ħniena tiegħu lejna. Il-fatt li rridu nifirħu lkoll flimkien iġibilna dehra tal-għaqda, fejn ma teżistix aktar firda bejn min hu “ġust” u min hu “midneb”, imma lkoll naqsmu l-ferħ tagħna mal-oħrajn.

Chiara Lubich kitbet hekk: “Din hi stedina biex nifhmu l-qalb ta’ Alla, biex nemmnu f’imħabbtu. Billi aħna mdorrijin inkejlu kollox, xi drabi nemmnu li Alla wkoll kultant jgħejja jħobbna. […] Alla ma jaħsibhiex bħalna. Alla jistennina dejjem: anzi, tgħidx kemm jifraħ kull darba li nerġgħu lura għandu”(2).

Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli”.

Xi drabi nistgħu nkunu aħna dawk ir-ragħajja, dawk li jieħdu ħsieb xulxin b’imħabba, li jmorru jfittxu lil min tbiegħed minna, mill-ħbiberija tagħna, mill-komunità tagħna, biex infittxu lil imwarrbin u lil mitlufin, lil dawk li minħabba t-tiġrib tal-ħajja sabu ruħhom imwarrba mis-soċjetà.

Waħda għalliema qaltilna hekk: “Uħud mill-istudenti rari kont tarahom l-iskola. Meta kont inkun libera mit-tagħlim, sikwit kont immur is-suq li hemm ħdejn l-iskola: kont nittama li nsibhom hemm, għax sirt naf li kienu jmorru jaħdmu biex jaqalgħu xi ħaġa. Fl-aħħar, jum fost l-oħrajn, rajthom u huma baqgħu skantati għax fehmu li huma wkoll kienu importanti għall-istudenti l-oħra. Għalhekk reġgħu bdew jiġu l-iskola u tassew li dan ġab ferħ fost kulħadd”.

Patrizia Mazzola
u l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

REFERNZI

1: Ara Lq 15, 8 u 15, 11.
2: C. Lubich, Parola di Vita ta’ Settembru 1986, mill-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5, Città Nuova, Ruma 2017) pġ. 369

Add Comment

Click here to post a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.