Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq” (Mt 15, 28). [1]
Ġesù kien fi triqtu lejn Tir u Sidon, f’art barra minn pajjiżu. Milli jidher Hu u d-dixxipli tiegħu kienu qed ifittxu xi ftit tal-kwiet u l-mistrieħ fejn jitolbu. F’daqqa waħda nstemgħet waħda mara tgħajjat li, bħal nies oħra fil-Vanġeli, isimha ma nafuhx. Id-dixxipli xejn ma ħadu gost biha u “bdew jitolbu” lil Ġesù biex jeħles minnha għax, qalulu: “ġejja tgħajjat warajna”. Kienet mara, u terġa’ u tgħid ma kenitx Lhudija. Imma hi xorta baqgħet tgħajjat avolja l-Imgħallem ma tax każha. Din l-omm kienet tħossha ddisprata għax bintha kellha fiha xitan u kienet magħdura ħafna. B’rieda sħiħa resqet qrib Ġesù biex tiltaqa’ miegħu wiċċ imb’wiċċ, u rnexxielha tinxteħet quddiem l-Imgħallem titolbu jgħinha. Ġesù kellimha b’mod xi ftit iebes: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”.
“Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”.
Din il-mara aċċettat il-fatt li Ġesù ma laqax it-talba tagħha. Fehmet li d-dinja tagħha, l-art barranija minn fejn kienet ġejja hi, kienet għadha ma tagħmilx parti mill-missjoni ewlenija tiegħu. Għarfet ukoll li Alla ta’ Ġesù ma kienx xi magna li tqassam il-grazzji, imma missier li jitlob rabta ma’ wliedu li kapaċi jagħrfu tassew il-faqar personali tagħhom. Konxja minn dan kollu, hi ħarset f’għajnejn Ġesù u qaltlu: “Hekk hu, Mulej, iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom”. Biex ngħidu hekk, poġġiet lil Ġesù b’dahru mal-ħajt, hekk li Hu tqanqal mill-umiltà tagħha li tikkuntenta ruħha bil-frak. Saħansitra bl-għajat tagħha kienet turi l-fidi li kellha għax sejħitlu “Mulej, bin Alla!”.
“Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”.
Il-fidi kbira tagħha nsibuha mnaqqxa fil-Vanġelu b’għemilha: hi għamlet minn kollox biex tersaq ħdejn Ġesù; bdiet tgħajjat; tibki; titlob ħniena; għarfitU bħala l-Mulej u nxteħtet fl-art quddiemu; baqgħet tinsisti għax kienet ċerta li għall-Mulej m’hemm xejn li ma jistax isir; wieġbet b’mod loġiku u preċiż għall-mod aħrax kif ħadha Ġesù. L-imħabba tagħha ta’ omm u l-fiduċja li kellha mlewha b’qawwa kbira. “U minn dak il-ħin stess bintha fieqet”.
Din il-Kelma tal-ħajja tagħtina stampa ta’ kif taħdem fina l-fidi ħajja. Fl-istess waqt turi l-mixja iebsa tal-ewwel komunità Nisranija li għaliha San Mattew kien qed jikteb il-Vanġelu tiegħu, biex hekk huma jersqu qrib dawk li ma kenux Lhud u li kellhom fidi kbira f’qalbhom.
“Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”.
Bħal dik il-mara Siro-Feniċja “anki l-fidi tagħna tista’ tgħaddi minn xi kriżi minħabba xi diffikultà li tasal fuqna għall-għarrieda, jew minħabba xi ħaġa mhux mistennija li taqleb il-pjanijiet tagħna ta’ taħt fuq… per eżempju xi marda serja, jew sitwazzjoni ta’ niket kbir”[2]. U ma dawn nistgħu nżidu wkoll in-nuqqas ta’ paċi li hawn fid-dinja, l-inġustizzji, id-dinja li tinsab marida serjament, il-ġlied fil-familji u fis-soċjetà… Wieħed min-nuqqasijiet kbar tagħna jista’ jkun in-nuqqas ta’ perseveranza u fiduċja. “Alla jippermetti li l-fidi tagħna tgħaddi minn sitwazzjonijiet diffiċli, jekk mhux ukoll bla sens. Hu jkun irid isaffiha, ikun irid jara jekk aħna nagħrfux tassew nintelqu f’idejH, għax nemmnu li mħabbtU hi ħafna akbar mill-proġetti, mix-xewqat u mill-istennija tagħna”[3].
Dan hu li għadda minnu Aaron. Hu wkoll ħtieġlu jitlaq minn Ħoms, il-belt fejn kien joqgħod (fis-Sirja) flimkien mal-ġenituri anzjani tiegħu. Il-ħanut ta’ missieru nqered għal kollox fil-gwerra li fiha ġġarrfet il-belt kollha. Bħal żgħażagħ oħra, Aaron ħaseb biex imur isib futur f’pajjiż ieħor. Kien għad għandu tnejn u għoxrin sena u ried jagħti sehmu biex jgħin lill-poplu tiegħu. Hu ħataf l-okkażjoni biex jingħaqad mal-proġett RestarT[4] u jiftaħ minimarket żgħir, biex ibigħ ġobon, yogurt u butir li kienet tagħmel ommu, kif ukoll fażola, ħwawar u kafè. Bi ħsiebu jixtri friġġ u generator. Fil-ġranet li ma jiftaħx il-ħanut, hu u missieru anzjan imorru jqassmu qfief bl-ikel lil xi familji fil-bżonn[5].
Victoria Gómez u t-team tal-Kelma tal-Ħajja
[1] Mill-1 sas-6 ta’ Awwissu 2023 se jsir f’Lisbona l-Portugall is-37 Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Is-suġġett se jkun: “Marija qamet u marret tħaffef” (Lq 1, 39). Fil-messaġġ tiegħu ta’ stedina liż-żgħażagħ, il-Papa Franġisku qal: “Omm il-Mulej hi mudell għal dawn iż-żgħażagħ li jiċċaqilqu minn post għall-ieħor, u mhux weqfin quddiem il-mergħa jħarsu ċċassati lejhom infushom jew ikunu mhedija jqallbu fl-Internet. Hi kienet mara tħares lejn dak li kien għaddej barra t-triq”. U awgura li l- Jum Dinji taż-Żgħażagħ ikun mument li fih isibu lkoll flimkien: “il-ferħ ta’ tgħanniqa fraterna bejn il-ġnus, tgħanniqa ta’ rikonċiljazzjoni u sliem, tgħanniqa ta’ fraternità ġdida missjunarja”.
[2] Ara C. Lubich, Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 1994, fil-ktieb, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017) pġ. 550.
[3] Ibid.
[4] https://www.amu-it.eu/progetti-int/restart-ripartire-per-restare/
[5] Meħud minn fuq https://www.unitedworldproject.org/workshop/siria-il-minimarket-di-saliba-alzera-presto-la-serranda/
Be the first to comment