“Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-Smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi” (Mt 12, 50).
Il-Vanġelu ta’ San Mattew jirrakkonta ġrajja mill-ħajja ta’ Ġesù li nistgħu nitilfu l-importanza tagħha: ommu u qrabatu marru Kafarnahum fejn kien mad-dixxipli tiegħu biex iwassal l-imħabba tal-Missier lil kulħadd. Milli jidher kienu mxew ħafna sa ma sabuh, u wara xtaqu li jkellmuh. Ma daħlux fejn kien jinsab Ġesù, imma bagħtulu messaġġ: “Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk”.
Il-familja kienet realtà importanti ħafna għall-poplu Lhudi: il-poplu stess kien meqjus “bin” Alla, werriet tal-wegħdiet tiegħu, u l-Lhud kienu jżommu ’l xulxin bħala “aħwa”. Imma Ġesù qal xi ħaġa mhux mistennija: medd idu b’mod solenni lejn id-dixxipli tiegħu u qal:
“Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-Smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.
Hawnhekk Ġesù wera dimensjoni ġdida: kulħadd jista’ jħossu parti minn din il-familja, kemm-il darba nimpenjaw ruħna biex nagħrfu r-rieda ta’ Missierna li hu fis-Smewwiet u nagħmluha.
Kulħadd, kbir jew żgħir, raġel jew mara, f’saħħtu jew marid, ta’ kull kultura u pożizzjoni soċjali, Alla jitfa’ ħarstu fuq kull persuna u inti tista’ tidħol f’rabta miegħu, biex issir tafu u titħabbeb miegħu.
Mela kulħadd jista’ jagħmel ir-rieda t’Alla. Din hi li nħobbuh u li nħobbu ’l xulxin bħal aħwa. U jekk inħobbu, Ġesù jagħrafna bħala qraba tiegħu: ħutu. Dan hu l-akbar ċans li għandna, li jissorprendina; jeħlisna mill-imgħoddi, mill-biżat u mill-iskemi tagħna. Anki l-limiti u n-nuqqasijiet tagħna jistgħu jsiru okkażjoni biex nirnexxu f’ħajjitna, li mbagħad żgur tieħu togħma oħra.
“Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-Smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.
Saħansitra nistgħu b’xi mod insiru omm Ġesù. Bħal Marija, mat-tħabbira tal-anġlu Gabriel sa fuq il-kalvarju u l-ewwel żminijiet tal-Knisja, hekk ukoll kull wieħed u waħda minna jista’ jwelled u jerġa’ jwelled lil Ġesù ġewwa fih, jekk hu jgħix il-Vanġelu; u permezz tal-imħabba tagħna lejn xulxin, aħna nagħtu sehemna biex Ġesù jerġa’ jitwieled fostna.
‘Kunu familja’: din hi stedina li Chiara Lubich għamlet lil min jixtieq jgħix il-Kelma t’Alla. “Hemm fostkom min qed ibati għax għaddej minn provi spiritwali jew morali? Ifhmuh bħal u aktar minn omm, uruh it-triq bil-kliem u bl-eżempju. Tħalluhx nieqes, anzi uruh l-għożża tal-familja. Hemm fostkom min hu marid? Ġibu ruħkom miegħu ta’ aħwa. […] Kull ma tagħmlu, […] qabelxejn għandu jkun imżejjen bi spirtu ta’ familja. U kulfejn tmorru biex twasslu l-idejal ta’ Kristu […], agħmlu minn kollox biex bil-prudenza kollha, imma b’deċiżjoni, toħolqu spirtu ta’ familja. Dan huwa spirtu umli, li jrid il-ġid tal-oħrajn, ma jitkabbarx… hu l-karità ħajja”[1].
“Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-Smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.
Kull wieħed u waħda minna jista’ jiskopri kuljum il-missjoni li Alla l-Missier jafdalu f’idejh biex il-bnedmin kollha jkunu familja waħda.
F’naħa mill-belt ta’ Homs, fis-Sirja, hemm aktar minn mija u ħamsin tifel u tifla, fil-maġġoranza tagħhom Musulmani, li jiltaqgħu wara l-iskola f’dar tal-Knisja Griega-Ortodossa. Sandra, li tieħu ħsieb dawn it-tfal, tgħid hekk: “Aħna nilqgħu u ngħinu lil dawn it-tfal permezz ta’ għalliema u speċjalisti u noħolqu klima ta’ familja mibnija fuq id-djalogu u l-ħarsien tal-valuri. Ħafna minn dawn it-tfal għaddew minn trawmi u tbatija kbira, u xi wħud minnhom m’humiex interessati fit-tagħlim u huma aggressivi. Nixtiequ li dawn it-tfal jerġgħu jibnu l-fiduċja fihom infushom u fl-oħrajn. Il-gwerra kissret ħafna familji, u hawnhekk huma qed jerġgħu jsibu x-xewqa u t-tama li jibdew kollox mill-ġdid”.
Letizia Magri
[1] C. Lubich, fir-rivista Gen’s, 30 (2000/ 2), pġ. 42.
Be the first to comment