Kont insegwi l-Quddiesa ta’ Papa Franġisku li kienet tixxandar kuljum fuq it-TV u kliemu kien tassew jidħol f’qalbi. Fl-omelija li għamel fil-15 ta’ April, il-Papa tkellem dwar il-faqar; saħaq li hawn ħafna faqar u li hemm bżonn nagħtu lill-foqra d-dinjita’ tagħhom ta’ bnedmin. Dakinhar, meta ħriġt biex nagħmel ix-xirja, nara raġel maħmuġ u bi ħwejġu mqattgħin, taħt tinda ta’ ħanut jipprova jistkenn mix-xemx.
Meta mort lura d-dar, ħassejt li kelli nara x’nista’ nagħmel. Wara li qsamt dan ma’ oħti, lestejt xi ħaġa tal-ikel u mort nagħtihielu. Jumejn wara erġajt mort biex nagħtih l-ikel li kont hejjejt għalih; din id-darba mhux biss irringrazzjani, iżda qagħad jgħidli l-istorja tiegħu. Qalli li kif mietet ommu, ħuh keccieh ‘l barra mid-dar. Kien ilu għal xi żmien jorqod barra, għalkemm xi drabi kienu jarawh il-pulizija u ma kienux iħalluh. Qalli wkoll li xi social worker kien qed jagħmel ħiltu biex isiblu xi mkien fejn idaħħal rasu.
Erġajt mort infittxu drabi oħra, għax kont lestejtlu xi ħaġa li sirt naf li kienet togħġbu, iżda qatt ma erġajt sibtu hemm. Bqajt ninteressa ruħi f’dan ir-raġel mill-aħjar li stajt u kont tassew kuntenta meta sirt naf li kien sab post fejn joqgħod. Din l-esperjenza ġabitni aktar qrib ta’ min hu waħdu u qed ibati, u indunajt kemm irrid noqgħod attenta u niftaħ qalbi għal tant nies li qed ibatu u jum wara l-ieħor jistennew l-għajnuna tagħna.
E.P. (Malta)
Be the first to comment