Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mt 5, 7).

Fil-Vanġelu ta’ San Mattew, id-diskors tal-muntanja nsibuh wara li Ġesù ta bidu għall-ħajja pubblika tiegħu. Il-muntanja narawha bħala simbolu tal-għolja tas-Sinaj ġdida fejn Kristu, il-Mosè ġdid, joffri l-“liġi” tiegħu. Fil-kapitlu ta’ qabel dan, insibu folol kbar jimxu wara Ġesù biex jisimgħu t-tagħlim Tiegħu. Iżda Ġesù għamel dan id-diskors lid-dixxipli u lill-komunità tal-bidu, lil dawk li mbagħad bdew jissejħu Nsara. Hu jintroduċi s-“saltna tas-smewwiet” li hi l-qalba tad-diskors ta’ Ġesù[1]. Dan il-kliem ifisser il-programm tiegħu, u hu messaġġ ta’ salvazzjoni li “jiġbor fil-qosor l-Aħbar Tajba li turi l-imħabba ta’ Alla li ssalva[2].

“Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.”

Xinhi l-ħniena? Min huma dawk li jħennu? Fil-bidu ta’ din is-sentenza nsibu l-kelma “imbierek/ imberkin”[3], li tfisser ferħan, xortih tajba u tfisser ukoll imbierek minn Alla. Fost id-disa’ beatitudnijiet, din qiegħda f’nofshom. Il-beatitudnijiet m’humiex xi mġiba li tiġi ppremjata, imma huma tassew ċans tad-deheb biex insiru nixbhu ʹl Alla. B’mod partikolari, dawk li jħennu huma dawk li għandhom qalb mimlija mħabba għaliH u għal ħuthom il-bnedmin; imħabba konkreta li tressaqhom lejn dawk li jinsabu fl-aħħar post, il-minsijin, il-foqra, lejn dawk  li jeħtieġu min iħobbhom bla ma jistennew xejn; fil-fatt il-Ħniena hi waħda mill-kwalitajiet li nsibu f’Alla[4]; Ġesù stess hu ħanin.

“Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.”

Il-beatitudnijiet jibdlu għal kollox il-mod kif ġeneralment naħsbuha. Mhumiex biss kliem ta’ faraġ, imma għandhom is-setgħa li jibdlulna qalbna, għandhom il-qawwa li joħolqu bnedmin ġodda: l-aħbar tal-Kelma tkun waħda li tagħti l-frott. Jeħtieġ ngħixu l-beatitudni tal-ħniena anki magħna nfusna, irridu nagħrfu li aħna neħtieġu dik l-imħabba straordinarja, mill-aktar wiesa’ u mmensa li għandu Alla għal kull wieħed u waħda minna.

Ħniena[5] ġejja mill-kelma Lhudija rehem, “ġuf” u tfakkarna fil-ħniena t’Alla li hi bla limiti, bħall-ħniena li turi omm ma’ wliedha. Hi “mħabba bla qies, abbundanti, universali, konkreta. Hi mħabba li tqanqal sabiex inħobbu ʹl xulxin, li hi l-iskop aħħari tal-ħniena. […] Għalhekk, jekk xi ħadd naqasna, jew mexa b’mod inġust magħna, irridu naħfrulu u mbagħad aħna nirċievu l-maħfra. Irridu nkunu aħna l-ewwel li nagħdru, li nħennu! Quddiem kull proxxmu tagħna, irridu nistaqsu lilna nfusna: ommu kif kienet iġġib ruħha miegħu? Ukoll jekk tkun tidher ħaġa diffiċli u li titlob minna qalb kbira. Dan il-ħsieb jgħinna naħsbu u ngħixu skont il-qalb ta’ Alla”[6].

“Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena”.

“Wara sentejn żwieġ, it-tifla tagħna u r-raġel tagħha ddeċidew li jinfirdu u aħna rġajna lqajnieha lura d-dar. F’mumenti ta’ tensjoni fittixna li nħobbuha, naħfrulha u nifhmuha sew bis-sabar kollu. Ippruvajna nibnu rabta miftuħa magħha u ma’ żewġha, mingħajr ma niġġudikaw kemm lilha kif ukoll lil żewġha. Wara li domna tliet xhur nisimgħuhom, ngħinuhom b’mod diskret u wara ħafna talb, huma reġgħu lura flimkien b’għarfien, fiduċja u tama ġdida”[7].

Infatti l-ħniena hi akbar mill-maħfra. Il-ħniena hi li jkollok qalb kbira, li jkollok seba’ mitt sena sa ma tħassar kollox, sa ma taħraq darba għal dejjem dak kollu li jista’ jfixkel ir-rabta tagħna ma’ xulxin. L-istedina ta’ Ġesù għall-ħniena tfisser li għandna nersqu lejn xulxin biex inkunu dak li għalih konna  maħluqa: li nkunu nixbhu lil Alla.

Letizia Magri

[1] Ara Mt 4: 23; Mt 5: 19, 20.

[2] C. Lubich, Parola di Vita novembre 2000, mill-ktieb, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Ruma 2017), pġ. 633.

[3] Bil-Grieg makarios/i li tintuża biex turi kundizzjoni ta’ xorti tajba, ta’ ferħ tal-bnedmin u li turi l-kundizzjoni ta’ privileġġ tal-allat meta mqabbla mal-bnedmin.

[4] Mil-Lhudi hesed, jiġifieri mħabba bla interessi u li tilqa’, imħabba lesta li taħfer.

[5] Mil-Lhudi Rahamim.

[6] Cit., C. Lubich, Parola di Vita Novembru 2000, pġ. 633-634.

[7] Esperjenza meħuda minn fuq: www.focolare.org


Listen to the Word of Life

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.