“Ħassejt il-preżenza tal-Madonna, fija u madwari”

Silta minn diskors ta’ Chiara Lubich fil-Kungress internazzjonali tal-artisti, Ruma, 23 ta’ April 1999

Darba, jiena u għaddejja bil-karozza, ridt nisma’ l-Ave Maria ta’ Gounod. Daqqewha b’ħila kbira u dak il-ħin ġieni f’moħħi bħal velu fin ħafna, li partijiet minnu kienu miksija bir-rakkmu u magħmul b’ħila delikata ħafna. Jiena u nismagħha ħassejt l-ispirtu tiegħi jintrefa’ ʹl fuq, hekk li dak il-ħin ħassejtni ningħaqad m’Alla u permezz tiegħU ma’ Marija, għax Gounod rnexxielu jfaħħarha b’mod mill-aktar fin.

Dakinhar kienet il-festa tal-Maternità divina u jien bdejt inħares mistagħġba lejHa li Hi “ta’ sbuħija hekk kbira li ma jistax jitfisser bil-kliem”. Ħsibt li ladarba Alla immaġinaha bħala Ommu f’Ġesù, il-Verb magħmul bniedem, tlellix tal-Missier, xi grad ta’ sbuħija setgħet qatt laħqet Marija? Dan ma kellix ħila nimmaġinah!

U kellimtha fuq il-wasla tiegħi għandha, forsi f’jum mhux ʹil bogħod. U ħassejt li l-preżenza tagħha, fija u madwari, kienet qed twarrab b’deċiżjoni dak kollu li jiena għadni marbut miegħu f’din id-dinja, anki jekk sabiħ u tajjeb.

Infatti, kien biżżejjed noqgħod naħseb fuqHa u fuq sbuħitHa biex nistampa f’qalbi bħal siġill: “Mulej, m’għandix ġid ieħor ħliefek”.

U fhimt li dawk il-virtujiet, li kuljum nitlobha tgħallimni, u li huma meħtieġa biex kliem bħal jitwettaq, Hi bdiet tagħtihomli, mhux bħala lista miktuba, mhux billi tfissirhomli, mhux billi tħeġġiġni ngħixhom, imma billi turini lilHa nfisHa.

Iva, hi s-sbuħija, li tagħha Marija hi eżempju divin, li għad issalva d-dinja. U dan kollu fhimtu jiena u nisma’ mużika li kienet biċċa xogħol magħmula b’arti.

Chiara Lubich

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.