Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru

Download pdf


“Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun il-qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9, 35).

Huma u sejrin ma’ Ġesù lejn Kafarnahum, id-dixxipli bdew jiddiskutu fuq min kien l-akbar wieħed fosthom. Iżda meta Ġesù staqsiehom fuq xhiex kienu qed jitkellmu, ma kellhomx il-kuraġġ iweġbuh, forsi għax bdew jistħu xi ftit: fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.

Ġesù kien tkellem ħafna drabi fuq it-tbatija li kienet qed tistennieh, imma għal Pietru u għall-oħrajn dak kien diskors tqil wisq biex jifhmuh u jaċċettawh. Tant hu hekk li kien wara l-esperjenza tal-mewt u l-qawmien tiegħu li ndunaw min hu Ġesù: li hu l-Iben t’Alla li b’imħabba jagħti ħajtu għalina.
Għalhekk, biex jgħinhom ikunu tassew dixxipli tiegħu, Ġesù poġġa bilqiegħda, sejħilhom ħdejh u wriehom min kien “l-ewwel wieħed skont il-Vanġelu”:

“Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun il-qaddej ta’ kulħadd”.

Minkejja li d-dixxipli kienu nies fraġli u beżgħana, Ġesù kien jafdahom u sejħilhom biex jimxu warajh, biex jaqsmu miegħu l-missjoni tiegħu: dik li jaqdu ʼl kulħadd. Dan ifakkarna fi kliem l-Appostlu San Pawl lill-Filippin: “Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom ma għandu jfittex dak li jaqbillu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor. Aħsbu bħalma kien jaħseb Ġesù Kristu” . Naqdu mela, mhux tant bħala lsiera, li bilfors ikollhom jaħdmu, imma bħala nies ħielsa li b’ġenerożità joffru dak li kapaċi jagħmlu, nies li jaħdmu mhux biss għal xi grupp jew naħa waħda, imma għal kull min jeħtieġ l-għajnuna, bla ebda eċċezzjoni u preġudizzji.

Din hi wkoll sejħa għalina ħalli jkollna moħħ u qalb miftuħa biex nagħrfu l-bżonnijiet tal-oħrajn u nieħdu ħsiebhom, naraw x’nistgħu nagħmlu ħalli nibnu rabtiet li jixirqu lill-bnedmin, nużaw it-talenti tagħna għall-ġid ta’ ħaddieħor, fil-waqt li minkejja l-fallimenti tagħna, nerġgħu nibdew kuljum. Din hi stedina biex inkunu minn ta’ quddiem u nħeġġu ʹl kulħadd jaħdem ħalli ngħixu ta’ aħwa bejnietna.

“Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun il-qaddej ta’ kulħadd”.

F’kumment fuq din il-Kelma ta’ Ġesù, Chiara Lubich issuġġeriet kif nistgħu ngħixuha. Hi tgħid hekk: “Fil-ħafna okkażjonijiet li jkollna fil-ħajja ta’ kuljum, irridu nagħżlu l-aħħar post ma’ Ġesù. Ningħataw xi bicca xogħol importanti? M’għandniex inħossu li aħna “xi ħadd” u m’għandniex nagħtu lok għas-suppervja u l-kburija. Irridu niftakru li l-aktar ħaġa importanti hi li nħobbu lill-proxxmu tagħna. Irridu napprofittaw ruħna minn din is-sitwazzjoni ġdida biex naqdu aħjar lil ħutna, bla ma ninsew nieħdu ħsieb dawk li jidhru affarijiet żgħar, ir-rabtiet ta’ bejnietna, id-dmirijiet umli ta’ kuljum, l-għajnuna lill-ġenituri, il-paċi u l-armonija fil-familja, l-edukazzjoni ta’ wliedna… Iva, jiġri x’jiġri, irridu niftakru li Kristjaneżmu jfisser inħobbu u nippreferi ʹl dawk li huma fl-aħħar post. Jekk ngħixu b’dan il-mod, il-ħin kollu nkunu qed nibnu s-Saltna t’Alla fuq din l-art, u għal dan l-isforz tagħna Ġesù wiegħed li l-bqija jingħatalna b’żieda: saħħa, ġid, abbundanza f’kollox… biex ikollna x’inqassmu lill-oħrajn u hekk insiru dirgħajn tal-Providenza t’Alla għal ħafna” .

“Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun il-qaddej ta’ kulħadd”.

Il-ħarsien tad-dar komuni hu qadi li permezz tiegħu, flimkien ma’ ħafna nies oħra fid-dinja, nistgħu nagħtu s-sehem tagħna għall-ġid komuni tal-umanità, u issa dan ilu snin ikun suġġett qawwi ta’ xhieda nisranija komuni. Tajjeb niftakru li, għal numru ta’ knejjes li dejjem qed jiżdied, anki din is-sena x-xahar ta’ Settembru jiftaħ biċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Ħolqien, ċelebrazzjoni li tibqa’ sejra sal-4 ta’ Ottubru, sa Żmien il-Ħolqien.
F’waħda minn dawn l-okkażjonijiet, il-komunità ta’ Taizè ssuġġeriet din it-talba: “Alla tal-imħabba, fil-waqt li nibqgħu fil-preżenza tiegħek, agħtina l-ħila li nintebħu bil-ġmiel infinit ta’ dak kollu li ħlaqt, ta’ dak kollu li jiġi minnek, u tal-ħniena kbira tiegħek. Agħmel li nkunu dejjem aktar attenti għall-oħrajn u għall-ħolqien kollu kemm hu. Għallimna niskopru s-siwi ta’ kollox u agħmel li nkunu bennejja tal-paċi fil-familja tal-bnedmin” .

Letizia Magri

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.