Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“Kuljum irrid inbierkek, u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem” (Sal 145 [144], 2).
Bħala għajnuna fil-mixja tagħna għal dan ix-xahar, qed nipproponu silta mis-Salm 145. Fis-Salmi tidher l-esperjenza reliġjuża individwali u kollettiva, li l-poplu ta’ Iżrael għex fil-mixja storika tiegħu, bl-isfidi kollha li ltaqa’ magħhom. It-talba miktuba bi stil poetiku, titla’ għand il-Mulej taħt forma ta’ karba, supplika, ringrazzjament u tifħir. F’dan it-talb insibu sentimenti u attitudni li bihom il-bniedem jesprimi ħajtu u r-rabta tiegħu ma’ Alla l-ħaj.
Fis-Salm 145 naqraw fuq il-maestà ta’ Alla. L-awtur tas-Salmi jfaħħar il-kobor ta’ Alla li jserraħ fuq l-esperjenza persunali tiegħu: “Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta” (vers 3); ifaħħar it-tjieba tiegħu u l-imħabba li għandu lejn il-ħolqien kollu: “Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej, tjubitu fuq kull ma għamel” (vers 9); jagħraf il-fedeltà tiegħu: “Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha” (ara vers 13b), u jasal biex jinvolvi ʹl kull ħlejqa f’għanja universali: “Ibierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu għal dejjem ta’ dejjem” (vers 21).
“Kuljum irrid inbierkek, u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem”.
Xi drabi, il-bniedem tallum iħossu mitluf għax jaħseb li hu maqtugħ għalih waħdu. Il-bniedem tallum jaħseb li l-ġrajjiet ta’ kuljum huma mmexxija minn ċirkustanzi bla sens u li ma jwasslu mkien.
Dan is-salm jagħtina serħan il-moħħ u jħabbar it-tama: “Alla ħalaq is-sema u l-art, hu fidil fil-patt li jorbtu mal-poplu tiegħu, Hu jagħmel ħaqq mal-maħqurin, jagħti l-ħobż lil min hu bil-ġuħ u jeħles l-imjassrin. Hu jkun li jiftaħ għajnejn l-għomja, jerfa’ lil dawk li waqgħu, iħobb lil min hu ġust, iħares lill-barrani, iwieżen l-orfni u r-romol” […]1.
“Kuljum irrid inbierkek, u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem”.
L-ewwelnett, dan il-kliem jistedinna ngħożżu r-rabta tagħna ma’ Alla billi bla ebda riżervi nilqgħu mħabbtu u l-ħniena tiegħu, u billi nintefgħu quddiem dan il-misteru biex nisimgħu leħnu. Fuq dan għandha sserraħ kull talba li nagħmlu. Imma din l-imħabba ma nistgħux nifirduha mill-imħabba tal-proxxmu, l-aktar meta nimitaw lil Missierna li hu fis-smewwiet u nduru lejn min jinsab imwarrab u waħdu. B’hekk, permezz ta’ din l-imħabba lejn il-proxxmu, jirnexxielna nintebħu bil-preżenza t’Alla fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Chiara Lubich kienet mistiedna taqsam il-ħajja Nisranija tagħha f’laqgħa li kellha mal-Buddisti. Hi qalet hekk: “… il-qofol tal-esperjenza tiegħi hu dan: aktar ma nħobbu lil ħutna l-bnedmin, aktar noqorbu lejn Alla. Aktar ma noqorbu lejn Alla, aktar inħobbu ʹl ħutna l-bnedmin”2.
“Kuljum irrid inbierkek, u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem”.
Imma hemm triq oħra biex niltaqgħu miegħu. F’dawn l-aħħar snin il-bniedem kiseb kuxjenza ġdida tal-problema ekoloġika u ż-żgħażagħ jinsabu fuq quddiem f’din it-triq. Huma qed jipproponu mudelli ta’ żvilupp u mpenn biex il-bnedmin kollha jkollhom dritt għal ilma, ikel, arja nadifa, u għal studju aktar fil-fond dwar enerġiji alternattivi. B’hekk il-bniedem mhux biss jikseb lura r-rabta tiegħu man-natura, imma fl-istess waqt ifaħħar ʹl Alla għax ikun skopra kemm hu għażiż il-ħolqien kollu għaliĦ.
Din li ġejja hi l-esperienza ta’ Venant li fil-Burundi, il-pajjiż fejn twieled. Malli jistenbaħ kien jisma’ l-għana tal-għasafar u kien jimxi biex sħah sa ma jasal l-iskola. Kien iħossu ħaġa waħda mas-siġar, l-annimali, in-nixxiegħat tal-ilma, l-għoljiet kif ukoll ma’ sħabu. Intebaħ kemm in-natura hi qribu f’ekosistema li fiha l-ħlejjaq u l-Ħallieq kienu f’armonija sħiħa. Dan l-għarfien kien jinbidel f’tifħir, mhux għal mument wieħed, imma tul il-jum kollu.
Għandu mnejn issib lil min jistaqsi: u fl-ibliet tagħna? “Fl-ibliet tagħna tas-siment, mibnija minn idejn il-bnedmin fost l-istorbju tad-dinja, qajla ssib postijiet li fihom in-natura ġiet salvata. Iżda biżżejjed nilmħu s-sema ċelesti bejn il-qċaċet tal-appartamenti, biex niftakru f’Alla. Ikun biżżejjed raġġ tax-xemx, li ma jonqosx milli jidħol bejn il-ħadid tal-ħabs; biżżejjed fjura, għalqa mħaddra, il-wiċċ ta’ tarbija…”3.
Augusto Parody Reyes u t-team tal-Kelma tal-Ħajja
- Ġwanni Pawlu II. Udjenza Ġenerali, 2 ta’ Lulju, kumment għas-Salm 145.
- M. Vandeleene, Jien, ħija, Alla fil-ħsieb ta’ Chiara Lubich, Città Nuova, Roma 1999, pġ. 252
- C. Lubich, Taħdidiet bit-telefon, ta’ Michel Vandeleene (Opere di Chiara Lubich 8.1; Città Nuova, Roma 2019) pġ. 340.
Be the first to comment