Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ 2023 / 4

Il-Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ 2023 ġiet fi tmiemha nhar il-Ħadd li għadda,6 ta’ Awwissu, b’quddiesa li  saret fil Parque Tejo Trancao f’Lisbona u li ħadu sehem fiha madwar miljun u nofs ruħ. Fl-aħħar ta’ din iċ-ċelebrazzjoni Papa Franġisku ħabbar li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2027 ser isir f’Seoul, fil-Korea t’Isfel, fil-waqt li stieden liż-Żgħażagħ għall-Ġublew taż-Żgħażagħ 2025, f’Ruma.

Din kienet is-37 edizzjoni ta’ dan l-avveniment dinji li bdieh San Ġwann Pawlu II, u r-raba’ wieħed  li fih ħa sehem Papa Franġisku, li minkejja l-istat fraġli ta’ saħħtu għex ħamest ijiem daqshekk qrib taż-żgħażagħ bi programm intens u mill-isbaħ.

L-esperjenza  f’Lisbona  kienet waħda tassew meraviljuża,  li  ġġenerat ferħ u entużjażmu kbir, fil-waqt li offriet spazju għal riflessjoni u kondiviżjoni.  Ħafna minna segwew il-higħlights tal-programm permezz tal-media, iżda barra minn dawn kien hemm diversi laqgħat oħra, fosthom 270 laqgħa bi 30 lingwa differenti fuq suġġetti importanti  marbutin  mat-tema prinċipali ta’ din il-ġrajja dinjija: “Marija qamet u marret tħaffef….” (Lq1, 39).

Min jista’ jiddiskrvi bIl-kliem l-esperjenza enerġetika ta’ fidi li dawn il-pellegrini żgħażagħ għexu fil-Portugall! Żgur li l-kliem sempliċi ta’ Franġisku, kollu mimli imħabba, kuraġġ, fiduċja u tama naqqax fi qlubhom  marki li ma jħassarhom ħadd.

Qabel it-tluq lejn l-ajruport ta’ Lisbona biex imur lura Ruma, Franġisku sab il-ħin anki biex isellem lil għadd kbir ta’ voluntiera li taw sehemhom f’din il-ġrajja. Qalilhom:

“(…) In-naħa ta’ fuq ta’ Lisbona hemm post jismu Nazare’ fejn bosta  jmorru  biex jammiraw il-mewġ kbir li xi drabi jilħaq mat-tletin metru. F’dawn il-ġranet, intom ukoll kellkom tiffaċċaw mewġa  kbira, mhux ta’ ilma, imma ta’ zgħażagħ. Bil-għajnuna t’Alla, b’ħafna ġenerożita’ u għajnuna, intom affrontajtu  din il-mewġa kbira (…) Grazzi, Obrigado. U  Keep it up! Komplu kunu ‘surfers’ tal-imħabba, fuq il-mewġ tal-karita’!”

Dan il-kliem tal-Papa jgħodd għalina lkoll.

Intant il-grupp tal-Moviment tal-Fokolari li ħa sehem fil-WYD għadu Lisbona; ingħaqad  ma’ żgħażagħ oħra tal-Moviment minn diversi pajjiżi fid-dinja biex jgħixu l-ġranet post-WYD flimkien mal-President tal-Moviment, Margaret Karram.

Vivienne Attard

 

 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.