Kelma tal-Ħajja ta’ April

Download pdf


“Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu” (Ġw 10, 11).

Il-Bibbja turina ambjent ta’ nomadi u rgħajja Lhud li fih il-ħajja kienet timxi bil-mod, filwaqt li llum il-ġurnata ħajjitna hi waħda mibnija fuq l-effiċjenza u l-kompetizzjoni. Madankollu, aħna wkoll xi drabi nħossu l-bżonn li nieqfu ftit, li nsibu xi post trankwill fejn nistrieħu, li niltaqgħu ma’ xi ħadd li jilqagħna kif aħna.

Ġesù jippreżenta ruħu bħala dak li, aktar minn kulħadd, hu lest li jilqagħna, li jserraħna, anzi li jagħti ħajtu għal kull wieħed u waħda minna.
Fis-silta twila tal-Vanġelu ta’ San Ġwann, li minnha ttieħdet din il-Kelma tal-ħajja, Hu jiżgurana li hu l-preżenza t’Alla fl-istorja ta’ kull bniedem, kif kien imwiegħed lil Iżrael b’fomm il-profeti .
Ġesù hu r-ragħaj, il-mexxej li jagħraf u jħobb in-nagħaġ tiegħu, jiġifieri dak li jieħu ħsieb il-poplu tiegħu għajjien u kultant mitluf. Hu mhuwiex xi ħadd barrani li ma jafx x’teħtieġ il-merħla, lanqas m’hu ħalliel, li jiġi biex jisraq, jew brigant li joqtol u jgerrex, lanqas m’hu korrott, li moħħu biss fl-interessi tiegħu.

“Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu.”

Il-merħla li Ġesù jħossha żgur tiegħu hi magħmula mid-dixxipli tiegħu, minn dawk kollha li diġà rċevew id-don tal-magħmudija, imma mhux biss. Hu jaf ’il kull bniedem, isejjaħlu b’ismu u jieħu ħsiebna lkoll bi ħlewwa liema bħalha.
Hu tassew ir-ragħaj it-tajjeb, li mhux biss imexxina lejn il-ħajja, mhux biss jiġi jfittixna kull meta nintilfu , imma diġà ta ħajtu biex iwettaq ir-rieda tal-Missier, li hi komunjoni sħiħa u persunali Miegħu, li biha nsiru lkoll kemm aħna aħwa, wara l-ġerħa kbira tad-dnub.

Kull wieħed minna jista’ jfittex li jagħraf leħen Alla; li jisma’ l-Kelma li Hu qed jgħid propju lilu u jimxi warajha bil-fiduċja. Fuq kollox, nistgħu nibqgħu ċerti li Hu jħobbna, jifhimna u jaħfrilna bla ebda kundizzjoni ta’ xejn, għax hu żgurana li:

“Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu.”

Meta imqar xi ftit, inħossu din il-preżenza siekta imma qawwija Tiegħu f’ħajjitna, f’qalbna tixgħel ix-xewqa li naqsmuha mal-oħrajn, li nitqawwew fil-ħila tagħna biex nieħdu ħsieb u nilqgħu lill-oħrajn. Fuq l-eżempju ta’ Ġesù, ejjew infittxu li nsiru nafu aħjar lill-familja tagħna, il-kollegi ta’ fuq ix-xogħol, jew lill-ġirien tagħna, biex inġorru xi ftit it-toqol tagħhom.
Nistgħu niżviluppaw il-fantasija tal-imħabba, u nitolbu lill-oħrajn jgħinuna u aħna wkoll li ngħinu lil ħaddieħor. Fiċ-ċokon tagħna, nistgħu nagħtu sehemna biex nibnu komunità miftuħa ta’ aħwa, li jkollhom il-ħila jgħinu bis-sabar u l-kuraġġ il-mixja ta’ ħafna.

Chiara Lubich kitbet meditazzjoni dwar dan il-kliem tal-Vanġelu: “Ġesù qal hekk fuqu nnifsu: ‘Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15, 13). din l-offerta tiegħu Hu għexha bi sħiħ. Imħabbtu tfisser li hu lest joffri u jagħti ħajtu. […] Alla jitlob minna wkoll […] atti ta’ mħabba li, għall-inqas fl-intenzjoni u d-deċiżjoni, ikollhom l-istess kejl ta’ mħabbtu. […]. Din hi l-imħabba vera; ma tridx tkun imħabba kif ġie ġie, mhijiex kisja ta’ mħabba, imma mħabba hekk kbira li tkun lesta tagħti ħajjitha. […] Jekk ngħixu hekk, il-ħajja nisranija tagħna tagħmel qabża kbira ʼl quddiem. U mbagħad għad naraw jinġabru madwar Ġesù, miġbudin lejn leħnU, nisa u rġiel minn kull naħa tad-dinja .

Letizia Magri


Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.