Awguri tal-Milied ta’ Maria Voce, president tal-Moviment tal-Fokolari
Għalina lkoll li niċċelebraw il-Milied kull sena, dan hu żmien tant mistenni, mimli emozzjonijiet, ferħ u rabtiet.
Iżda għalkemm ngħixu din l-atmosfera ta’ hena u ferħ, spiss ninsew li wara din il-festa hemm ġrajja misterjuża, li biex ngħid hekk, hi kważi skandaluża: l-iskandlu ta’ Alla li jitbaxxa u jsir bniedem; Dak li jista’ kollox isir tarbija dgħajfa; Dak li hu bla tarf jilbes il-limitu tal-ġisem uman.
Alla ma jagħmilx dan biss biex isir ħaġa waħda magħna, biex ikun qrib tagħna u jaqsam magħna l-ħajja tagħna. Huwa jsir bniedem bħalna biex juża l-ilsien tagħna, il-ġesti u l-emozzjonijiet tagħna, ħalli jurina l-istess ħajja tiegħu: il-ħajja ta’ Alla, li kapaċi ssewwi l-firdiet, tfejjaq il-ġrieħi, tibni mill-ġdid ir-rabtiet ta’ bejnietna.
Hekk għamel 2000 sena ilu u hekk irid jerġa’ jagħmel illum.
Minn hawn u xahar ieħor, fit-22 ta’ Jannar, jaħbat iċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Chiara Lubich, il-fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari. U f’din l-okkażjoni ma nistax ma nfakkarx il-qofol tal-messaġġ tagħha, tal-ispiritwalità tal-unità: l-iskoperta li Ġesù jista’ jitwieled illum ukoll kull fejn tnejn jew iktar iħobbu lil xulxin “b’dik l-imħabba li taqdi, li tifhem u li tieħu sehem fit-tbatija, fit-toqol, fl-ansjetà u fil-ferħ tal-oħrajn, b’dik l-imħabba li kollox tgħatti, kollox taħfer, kif titlob il-ħajja nisranija”. U għalhekk nipproponi li nħallu r-rabtiet ta’ bejnietna jkunu l-presepju, il-maxtura li tilqa’ fiha lil Ġesù f’nofsna; tilqa’ lilU li jrid jibni mill-ġdid id-dinja tagħna li llum tinsab hekk imfarrka.
L-awgurju tiegħi għal dan il-Milied hu li jkun għal kulħadd festa ta’ ferħ profond filwaqt li nagħmlu ħilitna kollha biex kuljum nitħarrġu f’dik l-imħabba lejn xulxin li tattira l-preżenza ta’ Ġesù f’nofsna, u hekk nħalluh iġib bidla fid-dinja.
Maria Voce
Sors: www.focolare.org/en/news/2019/12/23/un-evento-quasi-scandaloso/
Be the first to comment